2 ta’ Diċembru: Beata Marija Anġela Astorch

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Anġela Astorch

Waħdi ma’ Alla Waħdu“. ~ Beata Marija Anġela Astorch

blessed-maria-angela-astorchBEATA MARIJA ANĠELA ASTORCH
Verġni
1592 – 1665

Tagħrif: Il-Beata Marija Anġela Astorch twieldet fl-1 ta’ Settembru tal-1592, fi Spanja. Kienet ir-raba’ wild ta’ familja reliġjuża ħafna u trabbiet f’devozzjoni kbira.

Fis-16 ta’ Settembru tal-1603, fl-età ta’ 11-il sena, daħlet mas-sorijiet tal-Klarissi u sitt snin wara ħadet il-professjoni reliġjuża. Ftit snin wara waqqfet monasteru f’Żaragoza, fi Spanja, u fl-1627 saret il-Badessa. Imbagħad fit-2 ta’ Ġunju fl-1645, waqqfet monasteru ieħor fi Spanja wkoll, f’Murcia, fejn serviet ta’ Badessa sal-1661.

Kienet tgħaddi ħafna mill-ħin tagħha tistudja l-Kitbiet Sagri, kif ukoll il-kittieba kbar tal-Knisja. Dan ispiraha biex tikteb il-Brevjar, skema ta’ talb u innijiet għal kuljum.

Marija Anġela, kienet mistika u viżjunarja, kienet tara u tkellem l-Anġlu Kustodju tagħha.

Mietet fit-2 ta’ Diċembru tal-1665 u fid-29 ta’ Settembru 1850, ġiet venerata mill-Beatu Papa Piju IX, għall-virtujiet erojċi tagħha. Kienet ibbeatifikata fit-23 ta’ Mejju 1982, mill-Papa San Ġwanni Pawlu II.

Ħsieb: Il-Beata Marija Anġela Astorch baqgħet magħrufa bħala “l-Mistika tal-Brevjar” minħabba d-devozzjoni tagħha lejn il-Liturġija. Hekk kien sejħilha l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fil-jum tal-beatifikazzjoni tagħha. Semma wkoll li hi kellha devozzjoni kbira lejn il-Passjoni u lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Imma xi jkun dan il-Brevjar, l-Uffiċċju Divin jew it-Talba tal-Liturġija tas-Sigħat? Forsi tgħiduli li dan huwa ktieb li minn fuqu jitolbu s-saċerdoti, l-partijiet u s-sorijiet f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. Iva, imma huma biss imsejħa jitolbuh?

F’hiex tikkonsisti t-Talba tal-Knisja Universali tal-Liturġija tas-Sigħat?

L-Uffiċċju Divin, jew il-Brevjar, hu talb u qari li l-Knisja trid li l-insara jitolbu kuljum. Is-saċerdoti, id-djakni u r-reliġjużi kollha għandhom obbligu li jgħidu dan it-talb kuljum. Dan huwa magħruf ukoll bħala l-Liturġija tas-Sigħat għax huwa mqassam biex jintalab f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.

It-talbiet prinċipali tal-Liturġija tas-Sigħat huma dawk li jsiru filgħodu u filgħaxija. Ta’ filgħodu magħruf bħala it-Tifħir ta’ Sbiħ il-jum propju għax biha n-nisrani jagħti bidu għall-ġurnata tiegħu. It-talb ta’ filgħaxija, li huwa magħruf bħala l-Għasar jintalab ma’ nżul ix-xemx, meta l-jum ikun qed jintemm. Minbarra dawn it-talbiet prinċipali hemm talbiet oħra li huma iqsar li jintalbu f’ħinijiet differenti tal-jum. Hemm ukoll dak li huma magħruf bħala l-Uffiċċju tal-Qari b’siltiet mill-Kotba Mqaddsa u l-aħjar siltiet minn awturi spiritwali. L-aħħar talb ta’ qabel l-irqad huwa it-Talb ta’ Għeluq il-jum magħruf ukoll bħala l-Kompjeta. Fit-talbiet kollha hemm Salmi u Kantiċi ta’ tifħir lil Alla.

Fil-Kostituzzjoni Appostolika, Laudis Canticum, 1 Nov. 1970, insibu dan li ġej:

“L-insara kollha qegħdin jiġu mistiedna biex jgħidu t-talb tas-sigħat, ukoll dawk li mhumiex marbuta b’liġi li jgħiduh. Dawk imbagħad li laqgħu l-preċett tal-Knisja biex jiċċelebraw il-Liturġija tas-Sigħat, l-Uffiċċju jgħiduh kollu kuljum bil-ġabra tar-ruħ u, kemm jista’ jkun fil-ħin tassew li fih kull talba tiegħu jmissha tingħad; fuq kollox għandhom jagħtu lit-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u lill-Għasar l-importanza kollha li tistħoqqilhom”.

Konsagrazzjoni tal-Ħin – Mill-Ordni ġenerali għal-Liturġija tas-Sigħat, 10:

“Kristu wissa lil dawk li huma tiegħu biex jitolbu dejjem bla ma jintelqu. (Luqa 18:1) Il-Knisja laqgħet din it-twissija bil-qalb kollha; hija qatt ma taqta’ mit-talb, u lilna tħeġġiġna u tgħidilna; “B’Ġesù ejjew noffru f’kull ħin lil Alla sarifiċċju ta’ tifħir” (Lhud 13:15). Dan il-preċett inħarsuh mhux biss biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, iżda wkoll b’għemejjel oħra, l-aktar bil-Liturġija tas-Sigħat, li fost l-azzjonijiet liturġiċi l-oħra, għandha bħala ħaġa proprja tagħha li tqaddes il-medda kollha tal-jum binhar u bilejl.”

Għal min jixtieq jingħaqad mal-Knisja Universali b’din it-Talba tant prezzjuża tal-Liturġija tas-Sigħat, jista’ jsib it-test kollu ta’ kull Siegħa bil-Lingwa Maltija, minn hawn: http://www.laikos.org/LS/LS_2014-2015.php

F’dan il-Youtube Channel bl-isem ta’ Brevjar, issibu wħud mit-talbiet tal-Erba’ Ġimgħat tas-Salterju, is-Salmodija Komplementari (Talbiet ta’ Nofs il-Jum) u t-Talb kollu ta’ Għeluq il-Jum (il-Kompjeta): https://www.youtube.com/user/BREVJAR/playlists

Talba: O Mulej, fuq l-eżempju u għat-talb tal-Beata Marija Anġela Astorch, agħtina li fil-silenzju profond tal-qlub tagħna, inkunu nistgħu nikkontemplaw lilek anke f’nofs il-ħsejjes u l-istorbju ta’ din id-dinja, hekk li naslu biex nagħtuk qima dejjem perfetta bi kliemna u b’għemilna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2016/12/blessed-maria-angela-astorch.html

Alternative Reading: https://www.capdox.capuchin.org.au/saints-blesseds/blessed-maria-angela-astorch/ or http://www.therealpresence.org/eucharst/misc/Angels_Demons/ANGES_astorch.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Angela_Astorch

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s