6 ta’ Diċembru: San Nikola

Verżjoni Vidjo: San Nikola

“Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.” ~ 2Timotju 4:2 

maxresdefault1.jpgSAN NIKOLA
Isqof
Ir-Raba’ Seklu

Tagħrif: San Nikola twieled lejn is-sena 270, minn familja sinjura f’Patara, Liċja, fl-Asja ż-Żgħira fejn San Pawl kien ħawwel il-Fidi. Sar Isqof ta’ Mira, illum Dembre, raħal fit-Turkija. Kien mitfugħ il-ħabs fil-persekuzzjoni ta’ Djokleżjanu u ġie meħlus minn Kostantinu. X’aktarx li attenda l-Konċilju ta’ Niċea fis-sena 325, u miet f’Mira bejn 345 u 352.

Fl-1087, wara l-invażjoni tal-Asja ż-Żgħira mill-Musulmani, il-fdal tiegħu ġie miġjub f’Bari, l-Italja, fejn għadu hemm sal-lum. Bħal-lum f’Bari jsiru festi kbar lil dan il-Qaddis.

San Nikola hu magħruf mad-dinja kollha speċjalment għall-istejjer ta’ karita’ li xterdu dwaru. Fosthom meta darba sema’ b’wieħed raġel li ma kellux flus biżżejjed biex iżewweġ it-tliet xebbiet li kellu. San Nikola mar bil-lejl u tefagħlu mit-tieqa tliet boroż tal-flus biex ikun jista’ jżewwiġhom.

Storja oħra tgħid li San Nikola fi żmien Kostantinu rnexxielu jipprova l-innoċenza ta’ tliet żgħażagħ li kienu kkundannati għall-mewt mill-Gvernatur Estathius, u b’hekk ġew meħlusin. Stejjer bħal dawn għamluh popolari ħafna.

Ħsieb: Din li ġejja hija omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Festa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi (25 ta’ Ġunju 2017):

Ħa nieħu l-ewwel episodju li jimmarka lil San Nikola fl-ikonografija kollha, kemm tal-Oċċident, jiġifieri tan-naħat tagħna, kif ukoll tal-Orjent fejn trabba, fejn għex u fejn miet. Ġuvni li għandu aċċess għall-flus u li nduna li missier minħabba l-faqar kbir li safa fih m’għandux biex iżewweġ lit-tliet tfajliet tiegħu u bi qsim ta’ qalb il-missier jgħidilhom li biex ikollkom biex tgħixu aħjar tmorru “fit-triq.” Illum “it-triq” tfisser l-istess bħal ma’ kienet tfisser fi żmien San Nikola. Aħna għandna din l-espressjoni ta’ qsim il-qalb: “mara tat-triq.” Anke meta nitkellem mar-residenti fir-rijabilitazzjoni mid-droga ta’ San Blas, għadhom jitkellmu fuq “it-triq”. Issib id-droga “mit-triq.” Mhux issib id-droga ħdejn il-bankina. It-triq huwa ambjent. U dan il-missier ikollu jagħmel deċiżjoni ta’ qsim il-qalb bħal kull missier li jgħidilhom: “m’għandix biex inżewwiġkom. Tridu tbigħu lilkom infuskom!” Intom tifhmu li din mhix biss realtà tas-Seklu Tlieta biss jew tas-Seklu Erbgħa. U Nikola, kif tafu, jaqbad borża u jimlieha muniti tad-deheb u bil-moħbi jitfagħha mit-tieqa u tiżżewweġ l-ewwel tifla. U jerġa’ għat-tieni darba u jerġa’ għat-tielet. Dan il-lajk li bil-ġest tiegħu huwa ma’ Ġesù b’mod konkret għax għażel li jgħin lil dak il-missier li minflok iħalli lil uliedu tfajliet fit-triq, iqabbadhom it-triq taż-żwieġ.

U din hi l-ewwel tagħlima li nixtieq nislet minn dan l-episodu li intom tafuh tajjeb. Fl-ikonografija anke tal-istatwa titulari hemm wieħed mill-anġli jżomm il-ktieb bi tliet boroż tal-muniti tad-deheb bħala hemm anke fl-istatwa antika li qiegħda fis-sagristija. Lil San Nikola tagħrfu dejjem b’dan il-ġest li għamlu qabel sar isqof. Ta’ ġuvni li huwa ma’ Ġesù, lil dawn it-tliet tfajliet foqra għenhom biex jagħżlu ż-żwieġ u ż-żwieġ kif ħalqu Alla. U ż-żwieġ, tgħid x’tgħid il-liġi, jibqa’ l-għaqda dejjiema, esklussiva bejn raġel u mara li bl-imħabba u mill-imħabba ta’ bejniethom jitnisslu l-ulied.

Mela meta fl-ikonografija ta’ San Nikola taraw dawk it-tliet boroż ta’ flus li hu ċċaħħad minnhom biex tliet xebbiet isibu tlitt irġiel u jiżżewġu, ftakru li jekk kull wieħed u waħda minnkom iridu jkunu ma’ Ġesù, iż-żwieġ kif ħalqu Alla tridu tgħallmuh lil uliedkom u lil ulied uliedkom bir-rispett kollu lejn il-liġi. Aħna l-Insara ġabuna f’estremità li rridu ngħidu: ‘il-liġi tal-istat aħna ma nagħrfuhiex.” Immaġinaw lil San Nikola kieku x’kien jgħid.

San Nikola, kif tafu, ġie magħżul isqof wara li miet l-Isqof ta’ Mira, u s-saċerdoti u l-presbiteri ma kinux jafu lil min se jagħżlu u għamlu lejl jitolbu u qalu: “il-Mulej irid jurihulna. Il-Mulej irid jagħżlu. L-ewwel wieħed li jidħol fil-knisja ikun hu.” U dakinhar l-ewwel wieħed li daħal fil-knisja kien Nikola. Imma Nikola kien magħruf għall-għerf u l-ġenerożità tiegħu għax kif tafu, it-tielet darba, missier dawk it-tfajliet qagħadlu għassa u nduna min kien u xterdet mal-ambjenti tal-Asja Minuri, il-fama tal-għerf, il-kuraġġ u anke l-umiltà tiegħu li l-karità ma għamilhiex bid-daqq tat-trombi, ma għamilhiex biex jarawh in-nies, imma l-Mulej jagħraf il-qalb u għażlu lilu u għamlu tajjeb għax fihom kien hemm ir-rebħa tar-ragħaj u fir-rebħa tar-ragħaj kien hemm ir-rebħa tal-poplu – Nicholaus.

Nikola ddefenda l-verità li Ġesù huwa l-iben ta’ Alla, li Alla huwa l-missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. U Nikola kien dejjem mal-kelma qaddisa tal-verità. Mhux ta’ b’xejn li l-ewwel qari tal-liturġija ta’ din is-solennità tfakkarna fit-titlu tal-Mulej: “Qaddis, Qaddis, Qaddis.” (Iżaija 6:3) U tfakkarna li l-Mulej jipparteċipa, jaqsam il-qdusija tiegħu ma’ min jagħżel u jippurifikah għax Nikola kien dgħajjef bħalna. Kien bniedem bħalna. Kien midneb bħalna. Minkejja l-leġġendi li nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa kien isum, kien bniedem ta’ dgħjufija bħalna. Imma kien bniedem ta’ fedeltà. Kien bniedem li kien jaf joqgħod prostrat, għarkupptejh quddiem Ġesù jitolbu ħniena għal dnubietu u għad-dnubiet tal-poplu tiegħu. U kien bniedem li l-Mulej, permezz tiegħu, għamel għeġubijiet kbar.

L-aħħar ħsieb. San Nikola kien meqjum u dejjem kien meqjum bħala r-regola tal-fidi kanóna písteos. Ir-regola tal-fidi. Min kien iħares lejh, min kien jarah jitħabat u jiġri biex isalva tliet kaptani kkundannati biex jaqtgħulhom rashom, min kien jarah jiddefendi l-innoċenza tat-tfal. Min kien jarah jagħti l-qamħ lill-poplu li m’għandux x’jiekol, kien jirrealizza li l-fidi ta’ Nikola kienet fidi konkreta u mhux tal-paroli. Mhux tal-eżortazzjoni biss. Kien ragħaj li fejn kien hemm il-bżonn jiddefendi d-dinjità tal-bniedem jew jgħinu konkretament, qatt ma ħarab, qatt ma nħeba. U aħna nistgħu nifhmu għax min kien jarah lil Nikola, jgħix, jitlob jopera kien jgħid dan jgħallimna kif tkun il-fidi għax il-fidi turiha mill-opri, mill-imġiba tiegħek, mill-għażliet tiegħek, minn kemm inti kapaċi tagħraf lill-Mulej fil-fqir, fil-batut. Aħna nitolbu li aħna l-Insara nibqgħu komunità ta’ solidarjetà vera. Il-fidi tagħna mhux tal-paroli, lanqas hija tal-festi. Il-fidi tagħna hija tal-fatti, tal-karità”.

Mhux ta’ b’xejn li isem San Nikola hu hekk magħruf, u l-eżempju tiegħu u hekk imfakkar mad-dinja kollha! Kemm tkun ħaġa sabiħa li bil-karita’ tagħna nferrħu xi qalb li tkun tassew fil-bżonn, speċjalment fil-ġranet ħelwin tal-Milied!

Talba: O Alla, li glorifikajt lil San Nikola, Konfessur u Isqof, b’sinjali u għeġubijiet bla għadd; agħtina, nitolbuk, li aħna, bħalu ma nibżgħux nistqarru s-sewwa bla biża’ quddiem kulħadd u li niddefendu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; tal-ħajja u tal-familja hekk kif riedhom ikunu Alla sa mill-bidu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

San Nikola ta’ Bari, Isqof ta’ Myra: http://www.kappellimaltin.com/Kitbiet/Qaddisin/San_Nikola_ta-_Bari/san_nikola_ta-_bari.html

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/born-c.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/the-real-saint-nicholas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Nicholas

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-Ħsieb huwa siltiet meħudin minn Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Festa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi (25 ta’ Ġunju 2017)

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s