Mons Mikiel Azzopardi

Verżjoni Vidjo: Mons Mikiel Azzopardi

778faba3e3dc8c6c6db24b403da494aeMONS MIKIEL AZZOPARDI
1910 – 1987

Tagħrif: Monsinjur Mikiel Azzopardi, Il-ħabib tat-tfal u tal-morda, Fundatur tad-Dar tal-Provvidenza, twieled il-Belt Valletta nhar l-10 ta’ Frar ta’ l-1910, u kien il-kbir fost tmien aħwa. Wara li temm l-istudji tiegħu fil-Liċeo, daħal l-Universita’, fejn qabad il-kors tal-Liġi, iżda wara erba’ snin ħass il-Vokazzjoni Saċerdotali tiegħu u għalhekk telaq l-istudji Legali u mar jistudja Ruma fl-Universita’ Gregorjana mnejn kiseb Baċellerat fit-Teoloġija. Azzopardi kien ordnat Presbiteru fit-22 ta’ Diċembru 1934, ta’ 24 sena minn Mons. Dom Mauro Caruana OSB.

L-ewwel ħidma tiegħu kienet dik ta’ Prefett tal-Istudji fis-Seminarju tal-Furjana, sakemm sitt snin wara daħal mal-Gvern jgħallem ir-Reliġjon fil-Liċeo. Maħtur Direttur Spiritwali Distrettwali, aktar tard sar Spettur tal-Edukazzjoni Reliġjuża fl-iskejjel, kariga li baqa’ jżomm għal bosta snin. Fost ħidmiet oħra, Dun Mikiel kien ukoll jgħallem il-Kateketika fil-Kulleġġi tal-Għalliema f’Tal-Virtu’ u f’Ta’ Giorni, kif ukoll kull nhar ta’ Ġimgħa kien jagħmel l-ispjega tal-Evanġelju minn fuq ir-Rediffusion għat-tfal tal-iskejjel ta’ Malta u Għawdex.

Minkejja dil-ħidma tiegħu fil-kamp edukattiv, Dun Mikiel kien jiddedika ħafna mill-ħin tiegħu lill-Azzjoni Kattolika. Qabel ma mar jistudja Ruma kien membru attiv taċ-Circolo Gioventù Cattolica tal-Belt, li dak iż-żmien kien immexxi mill-magħruf Mons. Enrico Dandria. Għalhekk meta kien qiegħed jistudja Ruma huwa kellu diversi laqgħat ma’ diriġenti tal-Azzjoni Kattolika fl-Italja. Mhux ta’ b’xejn li sar Assistant Ekkleżjastiku Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika, wara Mons. Albert Pantelleresco, huwa nxeħet b’ruħu u ġismu biex isaħħaħ, jorganizza u jxerred l-Azzjoni Kattolika fil-Parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex.

Fil-fatt kien hu li ġabar l-Azzjoni Kattolika mill-fdalijiet u l-ħerba li ħalliet warajha t-Tieni Gwerra Dinija f’pajjiżna, wara l-Kungress li organizza f’Ħal Qormi fl-1943, li hu sejjaħlu ‘Il-Miraklu tal-Qawmien’.

Monsinjur Azzopardi kien tabilħaqq mexxej kariżmatiku. Kien hu li ħoloq tant inizzjattivi ġodda favur l-emigranti, l-istampa t-tajba, l-assistenza soċjali, l-għalliema, l-professjonisti, l-istudenti, l-morda u l-persuna b’diżabbilta’.

Kien proprju bis-saħħa tal-Kummissjoni ħidma għall-Morda u persuni b’diżabbilta’ li l-Monsinjur seta’ jidħol għal proġett siewi favur il-persuni bi bżonnijiet speċjali li dak iż-żmien ħafna kienu jżommuhom lura, maqfulin u moħbija fid-dar, u jagħti idu għat-twaqqif tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Kien dan is-Saċerdot li bl-għajnuna tal-Azzjoni Kattolika rnexxielu jibdel Rest Camp li kien jintuża min-Navy Ingliża u li kien ingħata lill-Azzjoni Kattolika biex tużah bħala Summer Camp għat-tfal batuti, b’kumpless ta’ tliet vilel sbieħ u komdi li jixirqu lill-‘Anġli Tiegħu’ kif kien iħobb isejjaħ lill-persuni bi bżonnijiet speċjali. Kien hu li rnexxielu wkoll jibni mentalita’ ġdida permezz tax-xandiriet regulari tiegħu minn fuq ir-Rediffusion favur il-persuni bi bżonnijiet speċjali u l-bżonnijiet tagħhom.

Mons. Mikiel Azzopardi miet fit-13 ta’ Mejju ta’ l-1987, fl-eta’ ta’ 77 sena. Il-Funeral tiegħu sar fil-Kon-Katidral ta’ San Gwann u jinsab midfun kif jixraqlu, fl-istess Dar tal-Providenza.

Links about Mons Mikiel Azzopardi:

  1. https://www.independent.com.mt/articles/2015-05-24/newspaper-letters/The-beatification-process-of-Monsignor-Mikiel-Azzopardi-6736135988
  2. https://www.tvm.com.mt/en/news/mons-mikiel-azzopardi-still-inspires-society-when-it-comes-to-people-with-a-disability-fr-martin-micallef/
  3. https://www.maltatoday.com.mt/news/national/52980/mgr_mikiel_azzopardi_to_be_beatified#.XUcNgOgza00
  4. https://www.dartalprovidenza.org/?p=7309
  5. https://www.facebook.com/Mons-Mikiel-Azzopardi-146072345886/

Nota: It-Tagħrif dwar Mons Mikiel Azzopardi huwa meħud mill-paġna tiegħu fil-facebook.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s