2 ta’ Jannar: San Basilju l-Kbir u San Girgor Nazjanzenu

Verżjoni Vidjo: San Basilju l-Kbir u San Girgor Nazjanzenu

“Il-Mulej jagħti għerf lill-għorrief u dehen lil min jagħraf l-għaqal: Hu jikxef ħwejjeġ moħbija fil-qiegħ u mistura, u d-dawl jgħammar miegħu. Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu” ~ Daniel 2:21-22; 1 Korintin 12:11

gregory_and_basil_artwork_full_0SAN BASILJU L-KBIR
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 379

SAN GIRGOR NAZJANZENU
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 389

Dawn iż-żewġ qaddisin li llum il-Knisja tunurahom it-tnejn flimkien kienu ħbieb kbar ta’ xulxin qishom żewġ aħwa, għexu fl-istess żmien u fl-istess pajjiż, studjaw flimkien, kienu studjużi kbar, saru qassisin u isqfijiet, u saħansitra wara mewthom, it-tnejn ġew magħrufin bħala Dutturi tal-Knisja.

SAN BASILJU L-KBIR
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 379

Fil-familja ta’ San Basilju nsibu li n-nanna tiegħu Makrina l-Kbira, Missieru Basilju x-Xiħ, ommu Emmelja, oħtu Makrina ż-żgħira, u ħutu Girgor, Isqof ta’ Nissa, u Pietru, Isqof ta’ Sebaste, huma lkoll Qaddisin.

Hu twieled f’Ċesarija, Kappadoċja (Illum parti mit-Turkija). Meta kien qed jistudja f’Ateni ltaqa’ ma Girgor Nazjanzenu u sar ħabib kbir tiegħu.

Laħaq tabib, matematiku famuż, filosofu u astrologu. Influwenzat minn oħtu, Makrina, ħalla d-dinja u mar jgħix bħala eremita, u waqqaf monasteru fuq ix-xmara Iris, fis-sena 358.

Fis-sena 364 ġie ordnat saċerdot minn Ewsebju, Arċisqof ta’ Ċisarija. Tant kien saċerdot kapaċi u ħabrieki li l-ħabib tiegħu Girgor kien qal dwaru: “L-Isqof mexxa l-poplu, u Basilju mexxa l-Isqof”.

Fis-sena 370 ġie elett Arċisqof ta’ Ċisarija bħala suċċessur ta’ Ewsebju. Irnexxielu jqajjem responsabbilta’ soċjali fost l-Insara, billi hu stess kien jittallab biex jinbnew sptarijiet, orfanatorji u skejjel. Ħadem ħafna kontra l-ereżija ta’ Arju, li kienet tiċħad id-divinita’ ta’ Kristu.

Sakemm miet fl-1 ta’ Jannar tas-sena 379, ta’ 49 sena, baqa’ dejjem attiv, b’elokwenza kbira u b’karita’ immensa, li tawh l-isem ta’ Kbir f’ħajtu, u ta’ Duttur tal-Knisja wara mewtu.

Kien jgħid: “Il-ħobż li ma tużax, hu l-ħobż ta’ min hu bil-ġuħ; l-ilbies li għandek fil-gwardarobba, hu l-ilbies ta’ min hu għarwien; iż-żarbun li ma tilbisx, huwa ż-żarbun ta’ min hu ħafi; il-flus li għandek imwarrba huma l-flus tal-fqar; l-atti ta’ karita’ li ma tagħmilx huma inġustizzji li inti twettaq.”

SAN GIRGOR NAZJANZENU
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 389

San Girgor Nazjanzenu twieled f’Nazjanze, Kappadoċja fis-sena 330. Missieru Girgor Nazjanzenu x-xiħ, ommu Nonna, ħuħ Ċesarju, u oħtu Gorgonja, huma lkoll qaddisin.

Kellu temperament differenti minn ta’ ħabibu Basilju, kien aktar miġbur, ta’ għalih waħdu, u jħobb il-kwiet. Meta ħabibu mar eremita, hu mar warajh. Fis-sena 362 ġie ordnat saċerdot, u fis-sena 372 ġie kkonsagrat Isqof ta’ Sasima, mill-ħabib tiegħu San Basilju li kien Arċisqof ta’ Ċisarija. Fis-sena 380 sar il-Patrijarka ta’ Konstantinopli.

Sena wara rtira f’Nazjanze fejn mar fil-kwiet, jitlob, jikteb u jippriedka, sakemm miet fil-25 ta’ Jannar tas-sena 389, ta’ 64 sena. Hu wkoll huwa Duttur tal-Knisja.

San Girgor hu wieħed mit-tliet teoloġi l-kbar ta’ Kappadoċja, kolonni tal-Knisja fi żmienu flimkien ma’ ħabibu San Basilju u San Girgor Nissenu (ħu San Basilju). Hu magħruf bħala d-Duttur tat-Trinita’. Kien hu l-ewwel wieħed li sejjaħ lill-Madonna “Omm Alla”.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Girgor Nazjanzenu fuq il-ħbiberija tiegħu ma’ San Basilju:

“F’Atene konna qisna l-ilma ta’ xmara mnissla minn għajn waħda; il-ġibda għall-għerf bħal qasmitna f’żewġ nixxigħat għaddejjin kull waħda fi triq għaliha, li Alla mexxiehom biex jerġgħu jersqu lejn xulxin u jitwaħħdu mill-ġdid fil-ġirja tagħhom.

Konna qisna ruħ waħda żżomm żewġ iġsma. Tassew li m’hux ta’ min joqgħod fuqhom dawk li jgħidu li kollox jinsab f’kollox; imma kulħadd għandu jemminni meta għalina t-tnejn ngħid li konna l-wieħed fl-ieħor f’kollox.

Sew il-wieħed sew l-ieħor konna nsibu l-qawwa ta’ ruħna fil-ħidma u l-istudju, filli ngħixu bit-tama tal-ħajja li ġejja u nitħejjew b’mod li, qabel ma noħorġu minn din il-ħajja, inkunu diġa’ qisna tlaqna minn hawn. B’dan il-ħsieb quddiem għajnejna konna ngħaddu jiemna u nagħmlu kollox fid-dawl tal-kmandamenti ta’ Alla, u nfittxu li nħeġġu l-imħabba għall-virtù. Mhux biex nintefaħ bija nnifsi, imma nista’ ngħid li aħna konna għal xulxin bħal riegla jew skwerra li turik jekk ħaġa hix dritta jew imgħawwġa.

Xi wħud mill-bnedmin kisbu titlu jew għax wirtuh mill-familja jew għax rebħuh huma stess bis-saħħa ta’ xi għemil jew bit-taħbit tagħhom. Imma għalina l-aqwa ħaġa u l-isbaħ titlu kien li nkunu u nissejjħu nsara”.

J’Alla l-eżempju ta’ dawn iż-żewġ pilastri tal-Knisja fi żminijiethom, iwassalna biex nagħmlu l-mistoqsija kruċjali għalina l-insara:

  • X’kontribut nista’ nagħti jien fil-komunita’ nisranija tiegħi?
  • Bit-tagħlim, bit-talenti jew bl-esperjenza tagħna, nistgħu niddedikaw xi ftit aktar ħin f’servizz lejn il-Parroċċa, il-komunita’ jew l-għaqda spiritwali li fiha l-Mulej jixtieqna nkunu qaddej/ja tiegħu?

Qatt mhu se jiddispjaċina li nkunu użajna d-doni u t-talenti tagħna biex ngħinu lil ta’ madwarna jersqu iżjed viċin ta’ Alla. Jekk nagħmlu dan, il-Mulej ifawwarna bis-sliem tiegħu, Hu li wiegħed ukoll li jħejji għalina post ta’ ġieħ fis-saltna tiegħu.

Talba: O Alla, inti ddawwal il-Knisja tiegħek bl-eżempju u t-tagħlim ta’ San Bażilju l-Kbir u San Girgor Nazjanzenu; agħmel li, bl-umiltà kollha, nitgħallmu l-verità tiegħek u nuruha fl-għemil tagħna bl-imħabba. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/2-january-saints-basil-the-great-and-gregory-nazianzen-bishops-and-doctors-memorial/

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-basil-and-st-gregorian-nazianen.html

Wikipedia for St. Basil: https://en.wikipedia.org/wiki/Basil_of_Caesarea

Wikipedia for St. Gregorian Nazianen: https://en.wikipedia.org/wiki/Gregory_of_Nazianzus

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.