3 ta’ Jannar: Santa Ġenoveffa

Verżjoni Vidjo: Santa Ġenoveffa

“Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. ~ Ġesu’ f’Mattew 25:40

stgenevieveSANTA ĠENOVEFFA
Verġni u Patruna ta’ Pariġi
422 – 511

Tagħrif: Ġenoveffa hi l-patruna ta’ Pariġi. Il-ħajja u l-karattru ta’ Santa Ġenoveffa jfakkruna f’ħafna mill-kwalitajiet li dehru elf sena wara fil-qaddisa l-oħra Franċiża Ġovanna d’Arco.

Santa Ġenoveffa x’aktarx twieldet fis-sena 422, f’Nanterre qrib Pariġi. Kellha seba’ snin meta San Ġerman ta’ Auxerre ġie fil-villaġġ tagħha fi triqtu lejn il-Gran Brittanja biex jiġġieled kontra l-ereżija ta’ Pelaġju. It-tifla kienet qalb il-folla li nġabret madwar il-bniedem t’Alla. Hu ntebaħ biha u ħabbar il-ġejjieni tal-qdusija tagħha. Fuq xewqa tagħha stess, l-isqof qaddis wassalha l-knisja, akkumpanjatha mill-fidili kollha, fejn f’idejh, ikkonsagrat il-verġinita’ tagħha lil Alla.

Ta’ ħmistax-il sena, meta kienu ġa mietu l-ġenituri tagħha, Ġenoveffa marret toqgħod Pariġi u rċeviet il-“velu tal-verġni” mill-isqof tal-belt. Il-viżjonijiet u l-profeziji tagħha qanqlu lin-nies ta’ Pariġi kontriha u anki sar attentat fuq ħajjitha. Imma bis-sapport tal-isqof San Ġerman, kif ukoll għax il-profeziji tagħha seħħew, l-attitudni ta’ dawk li kienu kontriha nbidlet.

Hi għenet biex tittaffa l-ħruxija tal-okkupazzjoni ta’ Pariġi mir-re Kilderik u n-nies tiegħu (il-Franki) u rnexxielha ddaħħal ħafna qamħ lill-popolazzjoni bil-ġuħ. Insistiet ma’ Kilderik u aktar tard ma’ Klovis biex jinħelsu l-priġunieri, u t-talba tagħha kienet mismugħa. Meta, fl-451, kien hemm il-periklu li Attila II jinvadi Pariġi, hija ħeġġet lin-nies biex ma jitilqux mill-belt iżda li jagħmlu penitenza u jafdaw f’Alla. Fil-fatt ġara kif kienet ħabbret minn qabel, għax Attila u n-nies tiegħu biddlu triqthom u ma daħlux f’Pariġi.

Ġenoveffa ħabirket biex tinbena knisja f’ġieħ San Dijonisju (Denis), u anke kkonvinċiet lir-re Klovis li jibni l-knisja ta’ San Pietru u San Pawl, li aktar tard hi kellha tindifen fiha. Il-ħajja ta’ Santa Ġenoveffa kienet waħda ta’ awsterita’ kbira, talb kontinwu u ħidma ta’ karita’. Hija mietet fl-eta’ ta’ 89 sena fit-3 ta’ Jannar 512.

Wara mewtha, jingħad li saru ħafna mirakli fuq qabarha, tant li l-knisja aktar tard issemmiet għaliha. Hi ħelset lil Pariġi minn diversi katastrofi, u l-epidemija li kinset Pariġi fl-1129 jingħad li waqfet bl-interċessjoni tagħha. Infatti dan tal-aħħar huwa l-aktar wieħed famuż bħala l-miraklu ta’ Des Ardens, meta r-relikwi tal-qaddisa inġarru proċessjonalment lejn il-katedral u waqt iċ-ċerimonja, dawk li missew magħhom, ġew imfejqa. F’Pariġi kollu ħadd aktar ma marad.

Ġiet magħżula bħala l-Patruna ta’ Pariġi u l-festa tagħha hi ċċelebrata fit-3 ta’ Jannar. Hija kienet tilbes libsa twila b’mantell li jgħattilha spallejha, simili għal mod kif kienet tilbes il-Verġni Marija. Wieħed mis-simboli ta’ din il-qaddisa huwa l-ħobż, minħabba li kienet tant ġeneruża ma’ dawk li kienu jeħtieġu l-għajnuna.

Ir-revoluzzjonarji fl-1793 u l-irvellijiet ta’ Pariġi fl-1871 qerdu u xerrdu r-relikwi ta’ Santa Ġenoveffa. Il-knisja tagħha bidluha f’Pantheon għad-dfin tan-nies kbar Franċiżi. Hi invokata kontra d-deni u l-mard tal-għajnejn.

Ħsieb: “Il-ħajja ta’ Santa Ġenoveffa kienet waħda ta’ awsterita’ kbira, talb kontinwu u ħidma ta’ karita'”. U tiegħek? F’hiex int fit-talb u l-karita’ lejn l-oħrajn? Tixtieq tħobb lill-Mulej aktar?

Wasalt fejn wasalt fil-vjaġġ spiritwali tiegħek wara Kristu, kull ma trid tagħmel hu, li timxi l-quddiem b’passi żgħar kuljum… bla ma taqta’ qalbek jew tippretendi wisq minnek innifsek. Għix il-preżent bl-aħjar mod possibli.

Ipprova nkludi, ma dak li diġa’ tagħmel, affarijiet li taf li lil Alla jogħġbuH u jixtieqhom minnek (eż. talb, Qrar, Tqarbin, qadi, imħabba fil-prattika, eċċ) Tesaġerax f’dak li tinkludi, għax tista’ taqta’ qalbek.

Qatt ħsibt li jista’ jkun hemm min hu fil-ħtieġa tal-għajnuna tiegħek? Ieqaf itlob dwar dan u ħalli l-Mulej jurik …

  • Forsi xi marid/a li tista’ tmur iżżur?
  • Forsi xi persuna/i li jeħtieġu għajnuna fi bżonnijiet bażiċi tal-ħajja? Xi ħadd fil-familja tiegħek, xi ġirien jew xi barranin li jgħixu fi gżirietna?
  • Forsi tista’ tagħmel il-ġid b’xi kelma lil min qed iħoss wisq it-toqol tal-ħajja jew tqatta’ ftit ħin ma’ xi ħadd li jinsab waħdu/waħedha?
  • Min jaf jekk tistax tkun int li tiftaħ għajnejn xi ħadd li jinsab miexi fi triq żbaljata li tista’ twasslu għat-telfien ta’ ruħu/ruħha?

Iva, dan kollu tista’ tagħżel li tagħmlu bil-qalb u bil-ferħ filwaqt li tiftakar kliem Ġesu’ li qalilna: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi (Mattew 25:40).

Kemm jinżel għasel umbagħad kliem Ġesu’ f’jum il-ġudizzju meta jgħidilna: “Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.” (Mattew 25:34-36)

Talba: Oħti fi Kristu Ġenoveffa, bit-talb u l-merti li akkwistajt f’ħajtek nitolbok tgħinni ninfetaħ iżjed għall-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwari. Ħa jkolli jien ukoll il-ħeġġa għat-talb u s-sagrifiċċju biex ngħin ukoll fil-ħajja tar-ruħ lili nnifsi u lil ħuti l-bnedmin. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-genevieve.html

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=120

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Genevieve

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.