6 ta’ Jannar: Santa Raffaela Marija Porras

Verżjoni Vidjo: Santa Raffaela Marija Porras

“Alla jridni naċċetta kull ma qed inġarrab bħallikieku hu stess qed jikkmandani biex nagħmilhom”. ~ Santa Raffaela Marija Porras

Pintura-realizada-copiando-una-foto-hecha-a-la-santaSANTA RAFFAELA MARIJA PORRAS
Fundatriċi tas-Sorijiet
1850 – 1925

Tagħrif: Twieldet f’Goroba (Spanja), fl-1 ta’ Marzu 1850. Missierha kien sindku u miet meta Raffaela kellha 4 snin. Ommha mietet meta Raffaela kellha 19-il sena. Oħtha Dolores, li kienet akbar minn Raffaela, iddeċidiet biex flimkien ma’ oħtha jidħlu sorijiet.

L-isqof ta’ Cardoba ma kienx kuntent bis-sorijiet tal-kunvent, li magħhom daħlu Dolores u Raffaela. Is-sorijiet kollha, minbarra ż-żewġ aħwa, ħallew il-kunvent u ħallew lil Dolores u Raffaela responsabbli. Is-16-il novizza kienu taħt ir-responsabbilità ta’ Raffaela. Fr. Ortiz, li kien responsabbli minn dan il-kunvent, ħadhom f’post ieħor, u talab lill-awtoritajiet tal-Knisja biex jirrikonoxxu s-soċjetà l-ġdida.

Patri Ġiżwita, Cotanilla, ħadhom Madrid; Swor Raffaela għamlet il-voti solenni u fl-1886, s-soċjetà bdiet tissemma’ bl-isem tas-Sorijiet Riparatriċi tal-Qalb ta’ Ġesù. Is-soċjetà nxterdet mal-Ingilterra u l-Amerika. Fetħu skejjel u organizzaw irtiri. Ġara li bejn ż-żewġ aħwa beda xi nuqqas ta’ ftehim, u għalhekk il-Vatikan ħatar lil Dolores bħala superjura.

Bl-umiltà kollha Raffaela aċċettat din il-bidla u għaddiet l-aħħar 32 sena f’xogħol tal-kunvent, f’Ruma. Raffaela kienet kitbet: “Alla jridni naċċetta kull ma qed inġarrab bħallikieku hu stess qed jikkmandani biex nagħmilhom”.

Mietet nhar l-Epifanija fl-1925. Il-Papa Pawlu VI kkanonizzaha fl-1977.

Ħsieb: Sfortunatament, kien hemm differenzi qawwija ta’ opinjoni dwar l-amministrazzjoni bejn Madre Raffaela u “oħtha l-kbira” Dolores, imsejħa Maria-del-Pilar. Fl-1893, Raffaela rriżenjat minn superjura, u Maria-del-Pilar ġiet eletta biex tissostitwixxi l-fundatriċi. Għas-sentejn li ġejjin, Madre Raffaela kienet prattikament injorata mill-komunità reliġjuża kollha tagħha li tagħha hija l-Fundatriċi. Imkeċċija u mibgħuta f’waħda mid-djar tagħhom f’Ruma, hija ġiet assenjata ix-xogħol tad-dar. Xogħol tad-dar għal tliet deċennji u aktar!

Issa, ħadd minna ma jħobb jiġi mwarrab jew maqtgħuh ‘il barra, speċjalment jekk m’hemmx raġuni ġusta għal trattament bħal dan. Jekk l-oħrajn jiddependu minna, aħna ġeneralment obbligati li nitolbu ġustizzja minn dawk li jkunu għamlulna l-ħsara, jew inkella nfittxu mpjieg ieħor fejn aħna ningħataw dak li hu dovut lilna.

Madre Raffaela għażlet li tgħix din il-kwarantina krudili li mponew fuqha bħala s-salib speċjali tagħha. Kien dan l-att erojiku u “martirju kontinwu u fit-tul” li għamilha qaddisa. “Nara b’mod ċar,” qalet, “li Alla jridni nissottometti ruħi għal dak kollu li jiġrili daqs li kieku rajt Lilu stess jikkmandani biex nagħmel dan.”

Ġesu’ għamililna ċara li: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja”. (Mattew 16:24) Din l-opportunita’ Huwa qiegħed jagħtiha lilna wkoll, fuq platt tal-fidda: li ngħaqqadu t-tbatija tagħna ma’ Tiegħu għas-salvazzjoni tad-dinja.

F’Raffaela Porras, għal dawk minna li huma vittmi ta’ kwalunkwe tip ta’ inġustizzja, għandhom Patruna li tista’ tifhimhom sew għax iġġarbet bħalhom. Raffaela mhux biss ħafret lil min għamel din l-inġustizzja kiefra magħha, imma wkoll għexet b’umilta’ u rassenjazzjoni kbira din l-umiljazzjoni għal bosta snin, bl-iskop li ssalva ħafna erwieħ bl-offerta ta’ tbatijietha.

  • Li kieku int kif kont taġixxi?
  • Kont taħfer u tilqa’ l-umiljazzjonijiet għall-imħabba t’Alla kif huwa laqa’ l-passjoni umiljanti tiegħu bħala r-rieda tal-Missier biex isalvana?
  • Kont minflok tiddeċiedi li toffri t-tbatijiet tiegħek, magħqudin ma’ dawk ta’ Ġesu’, bħala talba biex issalva ħafna erwieħ?

Fit-tbatija l-bniedem idur fuq Alla u jistaqsi: “Imma għaliex jien? X’għamilt ħażin?” Meta niftakru li Ġesu’ aċċetta li jieħu fuqu dnubietna u jpatti għalihom bit-tbatija li kellu jgħaddi minnha, għandna nieqfu u nirriflettu… Ġesu’, li kien bla dnub, patta għalina, imma lill-Missier ma staqsiehx: ‘Għalfejn JIEN?’ Min iħobb, jaf ibati bla ma jitlef il-paċi tal-qalb, għax jagħraf f’kull tip ta’ tbatija, valur imprezzabbli.

Talba: O Mulej, Raffaela Porras żammet il-ħarsa tagħha fuq il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, u Hu għamilha ta’ qalb ħelwa u umli bħalu. Agħtina li għat-talb tagħha u fuq l-eżempju ta’ ħajjitha, aħna wkoll nagħrfu lill-bnedmin kollha bħala wliedek, u naħdmu biex huma jesperjenzaw imħabbtek f’ħajjithom, akkost li nbatu biex niksbu dan. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.congregacion-aci.org/saint-raphaela-mary/?lang=en

Alternative Reading: http://aciengland.org/saint-raphaela-mary-and-mother-pilar-life/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Rafaela_Porras_Ayll%C3%B3n

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements