7 ta’ Jannar: San Rajmond ta’ Penjafort

Verżjoni Vidjo: San Rajmond ta’ Penjafort

“Alla tal-imħabba u l-paċi jżommilkom qalbkom fis-sliem, u jħaffef il-mixi tagħkom, billi jħariskom u jkenninkom mit-tfixkil tal-bnedmin, sa ma jdaħħalkom f’dik l-art mimlija b’kull ġid, fejn tibqgħu għal dejjem fil-mistrieħ u s-sliem, fl-għamara ta’ mħabbtu, u fil-ferħ ta’ kull għana”.  Minn ittra ta’ San Rajmond ta’ Penjafort

St.-Raymund-of-Penafort-e1420423976367SAN RAJMOND TA’ PENJAFORT
Saċerdot
1175 – 1275

Tagħrif: San Rajmond twieled f’Katalonja, Spanja, fl-1175, għand familja prominenti. Kien intelliġenti ħafna, u ta’ għoxrin sena kien ġa beda jgħallem il-filosofija f’Barċellona.

Fl-1210 mar Bolonja, belt fl-Italja, fejn fl-1216 laħaq avukat fil-Liġi Ċivili u Kanonika. Fl-1219, l-Isqof Berengarju ta’ Barċellona sejjaħlu f’pajjiżu u għamlu Kanonku tal-Katidral u Vigarju tad-djoċesi. Fl-1222 daħal fl-Ordni Dumnikan meta kellu 47 sena.

Kien bniedem verament appostoliku, bniedem ta’ għerf u ħajja tajba, kollu ħeġġa għall-formazzjoni tas-saċerdoti u t-tħejjija tagħhom għall-ministeru u kien għalihom li kiteb kollezzjoni ta’ każijiet ta’ kuxjenza biex jgħin lill-konfessuri.

Hu għen lil San Pietru Nolasco biex iwaqqaf l-Ordni tal-Madonna tal-Ħniena (Merċedarji) li l-għan prinċipali tiegħu kien li jifdi l-ilsiera.

Fl-1230 mar Ruma fuq talba tal-Papa Girgor IX biex ikun il-Konfessur tiegħu, u biex jiġbor flimkien id-digrieti kollha tal-Papiet, li kienu ilhom żmien mingħajr ordni. Hu ġabarhom f’ħames kotba (Decretales Gregorii IX).

Fl-1235, il-Papa ħatru Isqof ta’ Tarragona, iżda l-qaddis tant ma ħax gost b’dan l-unur u piż, li marad u l-Papa kellu jħallih jirritorna lejn pajjiżu bħala sempliċi patri biex jirkupra saħħtu.

Fl-1238, ġie elett minn ħutu l-patrijiet biex ikun il-Ġeneral tal-Ordni, it-tieni wieħed wara San Duminku. Kien hu li ħajjar lil San Tumas ta’ Aquino biex jikteb is-“Summa Contra Gentiles”. Irreżenja minn Ġeneral fl-1240, meta kellu 65.

Kellu ħafna għal qalbu l-appostolat fost il-Lhud, għen il-missjonijiet li l-patrijiet merċedarji u oħrajn li kellhom fl-Afrika ta’ Fuq għall-fidi tal-ilsiera nsara, u wera ħeġġa kbira fid-djalogu mal-Misilmin; minħabba f’hekk kien iħajjar lill-missjunarji biex qabel ma jmorru fost il-Misilmin jitgħallmu l-Għarbi u l-Koran.

San Rajmondu ta’ Penjafort għex sakemm kellu mitt sena; miet f’Barċellona fis-6 ta’ Jannar 1275. Iddikjarah qaddis il-Papa Klement VIII fid-29 ta’ April 1601. Hu l-qaddis protettur tal-kanonisti (dawk li jistudjaw il-liġijiet tal-Knisja).

Ħsieb: San Rajmond ta’ Penjafort kien avukat, kanonista. Il-Liġijiet idealment jiddikjaraw dawk l-affarijiet li huma għall-aħjar interessi ta’ kulħadd u jiżguraw li d-drittijiet ta’ kulħadd ikunu salvagwardjati. Minn Rajmond, nistgħu nitgħallmu r-rispett lejn il-liġi bħala mezz biex iservi għall-ġid komuni.

Ladarba San Rajmond ta’ Penjafort ġie magħżul bħala l-Patrun tal-avukati, xtaqt nirreferi għal parti mid-diskors li l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal waqt l-omelija tiegħu fil-Ftuħ tas-Sena Forensi 2018 fl-1 ta’ Ottubru:

“Il-ħajja morali hija dik li tevita l-ħażin u tagħmel it-tajjeb. Intom tifhmu li biex bniedem ikollu l-virtù tal-ġustizzja, għandu bżonn ħafna għaqal, ħafna rażan u ħafna qawwa. Il-virtù kardinali tal-ġustizzja, l-ewwel nett tqis lill-proxxmu b’dinjità u b’rispett, tagħti lil kulħadd skont kif imissu. Jeħtieġ li nkunu qaddejja tal-ġustizzja u niddefendu lill-poplu mill-arroganza tal-poter u mill-inġustizzja.

Meta Ġesù ried jispjega lid-dixxipli d-don tal-Ispirtu s-Santu u n-natura tiegħu u ried jispjega wkoll kif ser jgħinhom, uża dan it-terminu sabiħ: advocatus, dak li inti ssejjaħ biex ikun miegħek fil-mument fejn għandek bżonn il-faraġ, il-kunsill, id-dawl u l-parir it-tajjeb. L-eżami tal-kuxjenza li rridu nagħmlu huwa jekk xogħolna huwiex jagħti frott ta’ ġustizzja.

  • Allaħares naslu fit-traġedja li l-qrati tal-ġustizzja jkunu strument ta’ oppressjoni.
  • Aħna li aħna qaddejja tal-verità, allaħares nsiru strumenti tal-gidba għaliex inkella mhux biss qed naħlu ż-żmien tagħna imma qed nagħtu servizz ħażin lir-Repubblika. Aħna għandna bżonn inkunu qrib in-nies tagħna; li tkun advocatus tfisser li tkun qrib in-nies. Kultant tħoss li klijent mhuwiex interessat la fil-ġustizzja u wisq anqas fil-verità. Inti trid taqdi s-servizz li jitolbok imma ma tistax tikkomprometti la l-verità u lanqas il-ġustizzja.
  • Allaħares iħarsu lejna bħala l-Avukati, li qegħdin hemm biex nisolħu n-nies. Aħna qegħdin biex inkunu qrib in-nies fil-verità”.

U int, kemm int ġust/a fir-relazzjonijiet tiegħek mal-oħrajn, id-dar mal-familjari tiegħek? Fuq ix-xogħol mal-kollegi tiegħek? Meta tiġi biex tieħu deċizzjonijiet importanti? Ejjew ngħixu s-Sewwa u l-Ġustizzja dejjem, anki jekk għal dan irridu nħallsu prezz, bit-tama li la jasal il-waqt, ikun Alla nnifsu li jiddefendi l-kawża ġusta tagħna u jdaħħalna mal-ġusti fis-Sema”.

It-tama kompleta li ssir ġustizzja, għandna npoġġuha fil-Mulej.
Hu biss il-garanzija tal-Paċi għal issa u għal li ġej!

Ejjew nitolbu għal dawk li jaħdmu fil-qasam tal-Liġi biex San Rajmond ta’ Penjafort jinterċedi għalihom ħalli jaqdu dmirijiethom kif jixraq lill-poplu ta’ Alla.

Talba: Għażiż San Rajmond ta’ Penjafort, int bdilt id-dinja bit-tagħlim tiegħek u l-Knisja bil-qdusija tiegħek, itlob għalina biex aħna wkoll għad inħallu din id-dinja aħjar milli nkunu sibniha, billi nikkomunikaw mal-bnedmin il-lingwa tal-fidi, l-imħabba, is-sewwa u l-ġustizzja li ġabilna Kristu, biex bħalek naslu għall-mistrieħ ta’ dejjem fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-raymond-of-penafort.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-raymond-of-penafort-109

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Raymond_of_Penyafort

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.