9 ta’ Jannar: San Pietru Isqof ta’ Sebaste

Verżjoni Vidjo: San Pietru Isqof ta’ Sebaste

“Min jagħmilha mal-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqa’ fl-hemm” ~ Proverbji 13:20

peterSAN PIETRU
Isqof ta’ Sebaste, l-Armenja
340 – 391

Tagħrif: Kien l-iċken membru ta’ familja ta’ qaddisin fil-Kappadoċja: bin San Bażilju l-Kbir u Santa Emmelja, li ġew imkeċċijin minn pajjiżhom għall-bidu tar-renju ta’ Galerju Massimjanu. Iż-żewġ dutturi tal-Knisja tal-Kappadoċja, San Bażilu ż-Żgħir, isqof ta’ Ċesarija u San Girgor isqof ta’ Nissa, kienu ħutu. Santa Makrina ż-Żgħira kienet oħtu l-kbira, waqt li Santa Makrina l-Kbira kienet nanntu.

San Pietru kien l-iċken fost għaxar aħwa u tilef lil missieru meta kien għadu fin-nieqa. Rabbietu fil-biża’ ta’ Alla u fil-perfezzjoni nisranija oħtu l-kbira, Santa Makrina.

Meta Bażilju sar isqof ta’ Ċesarija fil-Kappadoċja (370), ordna ‘l ħuh Pietru saċerdot, u dan qies is-saċerdozju bħala raġuni oħra biex aktar ifittex il-perfezzjoni. Għen kemm seta’ lil oħtu Makrina fit-treġija tal-monasteru tagħha, u wara żmien irtira minn superjur u mar ifittex ħajja ta’ axxeta fis-solitudni.

Iżda xi ftit wara (380-381) ġie maħtur isqof ta’ Sebaste fl-Armenja. Iż-żelu ta’ qaddis kien meħtieġ biex jeqred l-ereżiji ta’ żmien li kienu qawwijin ferm, u Alla għażel qaddis. Fil-ħajja tiegħu ta’ isqof, San Pietru wera l-istess kwalitajiet ta’ ħuh Bażilju. Bil-parir tiegħu ħuh Girgor kiteb l-opra l-kbira tiegħu “Kontra Ewnomju” biex jiddefendi l-opra bl-istess isem ta’ Bażilju.

Ittra miktuba minn San Pietru, li tinsab fil-bidu tal-opra ta’ ħuh Girgor minn Nissa, tpoġġieh mal-kittieba l-kbar tal-Knisja, u hi prova li minkejja li ma kienx tilef żmien fi studji oħra, bil-ġejnu tiegħu u bil-paċenzja u bl-attenzjoni fil-qari u fit-taħdit, ma kellu lil ħadd quddiemu ħlief iż-żewġ ħutu u Girgor l-ieħor, dak ta’ Nazjanzu, fil-għerf u fl-elokwenza soda.

Ħa sehem fil-Konċilju ta’ Konstantinopli tas-sena 381, u flimkien mal-isqfijiet l-oħra kkundanna l-ereżija ta’ Maċedonju. Sew ħutu, kemm kittieba oħrajn jixhdu l-qdusija, il-prudenza u ż-żelu tiegħu. Miet fis-sena 391.

Ħsieb: Bla dubju li fil-mod kif San Pietru Isqof ta’ Sebaste għex ħajja ta’ qdusija, jidher ċar li bosta kienu l-persuni ta’ ħajja eżemplari li influenzawh bil-kbir. Tista’ tgħid li minnhom xorob u sostna ruħu tant li kiber f’art tajba hekk li ħalla, hu wkoll ħafna frott spiritwali. Kemm hu importanti li nagħrfu nagħżlu bir-reqqa l-ħbieb tagħna, l-ambjenti fejn inkunu u lil min se nħallu jinfluenzana. Kulħadd f’ħajtu kellu u forsi għad għandu lil dak jew lil dik li influenzawh b’tali mod li bħal iffurmaw parti mill-personalita’ tiegħu/tagħha. Il-bniedem għaqli u matur għandu jfittex li bil-għajnuna u l-qawwa t’Alla jegħleb kull influenza ħażina u jiggranfa ma’ dik tajba.

San Pawl, fl-Ewwel Ittra tiegħu lil Korintin 15:33, jgħid: “La titqarrqux: il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba”. U tassew għax anki n-natura turina dan. Jekk inpoġġi mqar larinġa waħda mħassra ġewwa kannestru larinġ bnin, bil-mod il-mod dawn jiddakru u jiħżienu kollha. Donnu l-bniedem inklinat għall-ħażen u dan b’xi mod iħajru. San Pawl ukoll jasal jistqarr li bosta drabi spiċċa għamel il-ħażin li ma riedx jagħmel minflok it-tajjeb li ried jagħmel.

Il-​fatt hu li int issir bħal sħabek. B’dan il-​mod, dawk li nqattgħu l-​ħin tagħna magħhom għandhom qawwa kbira fuqna u jinfluwenzawna. Proverbji 13:20 juri li din il-​qawwa tista’ tkun għat-​tajjeb jew għall-​ħażin: “Min jagħmilha mal-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqa’ fl-hemm”. Il-​ħbieb tal-​qalb, bħal tnejn min-​nies rekbin fl-​istess karozza, żgur li jieħdu l-​istess direzzjoni u jaslu fl-​istess destinazzjoni. Allura staqsi lilek innifsek: ‘Il-​ħajja li qed jgħix sieħbi hija l-​ħajja li rrid ngħix jien? Se twassalni biex nilħaq miri spiritwali?’

Huwa minnu li jista’ jkun diffiċli teżamina s-​sitwazzjoni bis-​sinċerità. Jistgħu jkunu involuti sentimenti qawwijin. Imma huma s-​sentimenti waħedhom gwida ta’ min joqgħod fuqha meta tiġi biex tagħżel il-​ħbieb? Forsi smajt bil-​parir li jiġi ripetut spiss, “Agħmel dak li tgħidlek qalbek.” Imma fil-Ktieb tal-Proverbji 28:26 Alla jgħidilna li: “Min jafda fih innifsu hu iblah, imma min jimxi fit-triq tal-għerf jimxi fis-sod”. Għala? Għaliex: “fuq kollox qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra.” (Ġeremija 17:9; Numri 15:39) Il-​qerq ifisser li ma tkunx leali jew li tkun falz jew tinganna. Int lest li tafda lil xi ħadd li hu magħruf bħala qarrieqi jew traditur? Il-​qalb figurattiva tagħna tista’ tqarraq bina. Għalhekk, relazzjoni mhux bilfors tkun tajba sempliċement għax tħoss li hija tajba.

Gwida li tista’ tassew toqgħod fuqha hija l-​Kelma t’Alla u t-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Kuntrarju għall-​qalb imperfetta tiegħek, il-​prinċipji Bibbliċi u t-tagħlim vera li qiegħed hemm għal kulħadd imma l-aktar għal min irid jgħix ta’ nisrani veru, qatt ma se jittraduk jew jiddiżappuntawk. B’dawn tevita milli tagħmel għażla ta’ ħsara meta tagħżel ħabib jew sieħeb/sieħba għal ħajtek kollha, eżempju xi ħadd li trid tiżżewweġ.

  • U int, għandek il-gazz ma’ tħallix min jinfluenzak għall-ħażin?
  • Tagħżel b’mod għaqli l-ħbieb tiegħek?
  • Tipproteġi lilek innifsek permezz tal-Kelma ta’ Alla u t-Tagħlim tal-Knisja Kattolika minn kull min ikun irid idaħħlek fit-triq il-wiesa’ tad-dlamijiet li twassal għat-telfien ta’ ruħek?
  • Tagħmel minn kollox biex tipproteġi lill-oħrajn minn kull influenza ħażina permezz ta’ parir siewi f’waqtu u b’mod speċjali bl-eżempju ta’ ħajtek kif ġie influenzat il-qaddis tal-lum San Pietru mill-membri tal-familja qaddisa li kellu?

Talba: O Mulej, bl-interċessjoni ta’ San Pietru li Int għoġbok iddawru b’familja tant qaddisa, agħtina familji u ħbieb ta’ ħajja tajba u eżemplari, u fuq kollox għallimna u ħeġġiġna biex ngħixu aħna stess ħajja tajba li togħġbok u li tkun ta’ dawl u gwida għall-ħaddieħor. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.revolvy.com/page/Peter-of-Sebaste

Alternative Reading: https://www.johnsanidopoulos.com/2018/01/saint-peter-bishop-of-sebaste-391.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_of_Sebaste

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.