13 ta’ Jannar: San Ilarju

Verżjoni Vidjo: San Ilarju

“Alla Missier li tista’ kollox, jiena nħoss li l-aqwa dmir tiegħi f’ħajti huwa dan: li dak kollu li ngħid u nħoss, kollox ikun għalik”. ~ San Ilarju

SAN HILARIOSAN ILARJU
Isqof u Duttur tal-Knisja
300 – 368

Tagħrif: San Ilarju twieled f’familja nobbli pagana, f’Poitiers, Franza. Il-ġenituri tiegħu tawh edukazzjoni tajba, u sar oratur famuż.

Bil-qari tal-Bibbja, hu wasal biex ħaddan il-Kristjaneżmu u tgħammed meta kellu tletin sena. Ħadem ħafna biex jiddefendi u jxerred it-twemmin nisrani.

Martu, li hu kien iżżewweġ qabel tgħammed u li minnha kellu tifla jisimha Apra, kienet għadha ħajja meta ġie magħżul biex ikun l-Isqof ta’ belt twelidu, fis-sena 353.

Bħala Isqof, ħadha bl-aħrax kontra l-Arjaniżmu, tant li l-Imperatur Arjan, Kostanzu, eżiljah fil-Friġja, fl-Asja Minuri. Fit-tliet snin li dam eżiljat għamel studju tal-Missirijiet Griegi tal-Knisja u kiteb il-ktieb fuq it-Trinita’, l-ikbar opra tiegħu, u fis-sena 359 attenda s-Sinodu ta’ Seleucia fejn iddefenda bil-kbir id-digrieti tal-Konċilju ta’ Niċea.

Fis-sena 360, reġa lura fi Franza. Kiteb ħafna biex isaħħaħ il-fidi Kattolika u jfisser l-Iskrittura Mqaddsa, u flimkien ma’ San Martin, Isqof ta’ Tours, irsista biex idaħħal il-monastiċiżmu (il-patrijiet f’kunvent) fi Franza.

Miet f’Poitiers fit-13 ta’ Jannar 367. Fl-1572, il-Kalvinisti qerdu l-fdalijiet tiegħu.

Ħsieb: San Ilarju huwa wieħed mid-Dutturi tal-Knisja, jiġifieri dawk li ġew rikonoxxuti għall-kontribuzzjonijiet straordinarji tagħhom fil-Fidi u li l-ħajja tagħhom hija ta’ eżempju għalina. Hemm 35 Dutturi tal-Knisja, 4 nisa u 31 raġel. Il-kitbiet tagħhom huma profondi, arrikkenti u onorati b’mod ġustifikabbli għall-għarfien tagħhom dwar il-Fidi u l-esperjenza tal-bniedem. It-tagħlim tagħhom jibqa’ jgħodd għal kull żmien għax huwa mibni fuq il-Verita’ li xandrilna Kristu u fuq it-Tagħlim veru tal-Knisja Kattolika mwaqfa minnu. Dawn li ġejjin huma ħsibijiet ta’ xi wħud mid-Dutturi tal-Knisja flimkien ma’ talbiet li tnisslu minn mexxejja u għalliema tal-Knisja lill-istess Duttur biex jidħlu għalina quddiem Alla:

San Ġwann Damaxxenu: “Ngħaqqdu ruħna mal-Verġni Marija, it-tama tagħna, bħalma vapur jiġi ankrat fis-sod.” Nitolbu: San Ġwann Damaxxenu, itlob għalina biex dejjem ikollna fehma sħiħa fil-medjazzjoni materna tal-Madonna.

San Basilju l-Kbir: “Is-silenzju hu l-bidu tal-purifikazzjoni tar-ruħ.” Nitolbu: San Basilju, itlob għalina biex inkunu fidili u nsibu ħin għal silenzju qaddis kuljum.

San Atanasju: “L-Iben kollu qdusija tal-Missier ġie fostna biex iġedded lill-bniedem li kien maħluq xbieha tiegħu.” Nitolbu: San Atanasju, itlob għalina biex ma naħsbux li aħna kollox u nieqfu hemm.

San Gregorju Nazjanzenu: “Adurawh lil dak li kien imdendel fuq Salib minħabba fikom, anki jekk intom stess imdendlin hemm.” Nitolbu: San Gregorju Nazjanzenu għinna niksbu l-perseveranza biex nitolbu waqt is-siegħa tal-prova u tan-niket.

San Ġwann Kriżostmu: “Meta juri l-pjagi Tiegħu, Kristu jkun qed juri dak li nkiseb bis-Salib, li bih Hu jagħti dak kollu li hu tajjeb, li hi l-Paċi.” Nitolbu: San Ġwann Kriżostmu aqlagħna l-grazzja li niksbu l-qawwa li naċċettaw it-tbatija f’ħajjitna.

San Ambroġ: “Araw kemm għandhom sidien dawk li ma jridux li jkollhom l-uniku Sid, il-Mulej.” Nitolbu: San Ambroġ agħtina l-għajnuna biex ikollna qalb mimlija b’fehma waħda u soda.

San Ġilormu: “Meta s-suppervja tkabbar lill-bniedem, tbaxxih fl-istess waqt, għax bid-dnub tagħmlu għadu ta’ Alla.” Nitolbu: San Ġilormu nitolbuk tgħinna nkunu umli, sempliċi, u mansweti.

San Ċirillu ta’ Lixandra: “Għaliex l-Iben hu Alla minn Alla, b’mod mill-aktar misterjuż, Hu jgħaddi dan l-unur lilna.” Nitolbu: San Ċirillu ara li nakkwistaw sehem akbar mis-sehem ta’ Ġesù bħala Iben.

San Pietru Krisolgu: “Dak li juri l-ħniena u jġorr l-imħabba qatt ma jħossu mdejjaq.” Nitolbu: San Pietru Krisolgu nitolbuk tidħol għalina biex ikollna qalb li taf tħenn.

San Ljun il-Kbir: “Ma kien hemm l-ebda raġuni oħra għall-Iben t’Alla li jitwieled għajr dik li jkun jista’ jmut fuq l-għuda tas-Salib.” Nitolbu: San Iljun il-Kbir idħol għalina biex ikollna l-grazzja li ngħannqu s-Salib b’Ġesù Kristu msallab.

San Gregorju l-Kbir: “Bix-xieraq li l-Ispirtu s-Santu deher taħt forma ta’ Lsien tan-Nar f’kull qalb li daħal, u għadu jidħol, għax Hu jkebbes f’dak li jkun ix-xewqa għall-Eternità Tiegħu.” Nitolbu: San Gregorju eħlisna mill-bruda li ttellfilna l-ħerqa spiritwali.

San Isidoru ta’ Sevilja: “Kull tama qiegħda fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Tiddubitax, toqgħodx taħsibha, qatt taqta’ qalbek mill-ħniena ta’ Alla.” Nitolbu: San Isiodoru ta’ Sevilja aqlagħlna l-grazzja tal-indiema u li nqerru ta’ spiss.

San Anselmu: “L-aktar ħaġa importanti għalik għandha tkun kif twaqqaf ir-Renju ta’ Alla f’qalbek, u b’hekk il-ħajja ta’ ruħek għandha tkun il-ħajja ta’ Alla nnifsu.” Nitolbu: San Anselmu għinna niksbu l-grazzja li ngħixu għal Alla.

San Bernard ta’ Clairvaux: “Alla ma xtaqx li jkollna xi ħaġa li m’għaddietx minn ħdan Marija.” Nitolbu: San Bernard idħol għalina biex inkabbru d-devozzjoni tagħna fl-Imqaddsa Verġni Marija.

Sant’Antnin ta’ Padova: “Kuntent hu dak il-bniedem li kliemu hu mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu u mhux minn żniedu.” Nitolbu: Sant’Antnin ta’ Padova għinna biex it-taħdit tagħna jkun mimli qdusija.

San Albertu l-Kbir: “Bis-sempliċità kollha u bil-kunfidenza kollha ntelaq bla ebda ħsieb ta’ xejn aktar fil-providenza bla heda ta’ Alla.” Nitolbu: San Albertu għinna nintelqu, bla dubju ta’ xejn, għar-rieda ta’ Alla.

San Bonaventura: “Meta l-ġisem hu maħkum minn spirtu qaddis, ir-ruħ tinħakem minn paċi u ferħ ġewwenin.” Nitolbu: San Bonaventura idħol għalina biex nintelqu f’ħajja ta’ spirtu mimli qdusija.

San Tumas t’Akwinu: “Kristu ma kienx ikun daqstant intimament magħqud magħna li kieku kellna biss naqsmu mill-qawwa Tiegħu; kemm hu ferm aħjar li hu tana verament lilu nnifsu.” Nitolbu: San Tumas għinna niksbu mħabba aktar profonda għall-Ewkaristija Mqaddsa.

Santa Katerina ta’ Siena: “Agħmel dar ċkejkna fil-ġenb ta’ Kristu Msallab biex ikollok konoxxenza qaddisa tiegħek innifsek.” Nitolbu: Santa Katerina ta’ Siena idħol għalina biex niksbu l-grazzja li nkunu nafu lilna nfusna.

Santa Tereża ta’ Ġesù (Avila): “Il-Mulej ma jimpurtahx iżżejjed għal l-importanza tal-ħidmiet tagħna daqskemm għall-imħabba li biha nagħmluhom.” Nitolbu: Santa Tereża ta’ Avila għinna biex dak li nagħmlu nagħmluh b’intenzjoni pura u mimlija mħabba.

San Pietru Kanisju: “Ħallu d-dinja tissodisfa lilha nfisha fil-ġennijiet tagħha. Imma aħna, midfunin fil-fond tal-pjagi ta’ Kristu, għax għandna nkunu mwerwra?” Nitolbu: San Pietru Kanisju saħħaħna fid-determinazzjoni, fil-fiduċja, u fit-tama.

San Robertu Bellarminu: “Għalkemm hu tajjeb li wieħed jagħmel minn kollox biex iżomm il-paċi u l-għaqda ‘mma mhux aqwa mill-mogħdrija li nħossu għad-difetti tal-oħrajn.” Nitolbu: San Robertu idħol għalina biex ikollna l-paċenzja, it-tolleranza, il-mogħdrija, u l-ispirtu tal-maħfra.

San Ġwann tas-Salib: “La darba r-rieda jkun messa Alla nnifsu, qatt ma tkun sodisfatta b’xejn għajr b’Alla.” Nitolbu: San Ġwann tas-Salib għinna niksbu bidla qaddisa li tmexxi x-xenqat tagħna kollha.

San Lawrenz ta’ Brindisi: “Kontra d-Dinja, il-Ġisem, u x-Xitan, il-Kelma ta’ Alla qisha xabla li tfarrak kull dnub.” Nitolbu: San Lawrenz ta’ Brindisi idħol għalina biex niksbu mħabba profonda għall-Kelma ta’ Alla.

San Franġisk de Sales: “Fuq l-għuda tas-Salib, il-qalb ta’ Ġesù rat qalbek u ħabbitha.” Nitolbu: San Franġisk de Sales għinna biex inkunu kapaċi nagħtu lilna nfusna lill-imħabba bla tarf ta’ Ġesù.

San Alfons Liguori: “Dak li ma jieqafx jitlob ma jistax ikompli joffendi lil Alla.” Nitolbu: San Alfons Liguori għinna biex niksbu fedeltà fit-talb u ħerqa profonda spiritwali.

Santa Tereża ta’ Lisieux: “Dak li jogħġob lil Alla hu li jarani nħobb ix-xejn u l-faqar tiegħi, u l-imħabba għamja li għandi fil-ħniena Tiegħu.” Nitolbu: Santa Tereża ta’ Lisieux idħol għalina ħalli jkollna l-grazzja ta’ spiritwalità żagħżugħa.

Talba: O Alla li tista’ kollox, l-isqof Sant’Ilarju għallem b’qawwa kbira li Ibnek huwa Alla; agħmel li nifhmu tajjeb dan it-tagħlim u nistqarruh tassew. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-hilary-of-poitiers.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/resources/church-fathers/biographies-of-church-fathers/st-hilary-of-poitiers

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Hilary_of_Poitiers

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-maġġoranza tal-Ħsieb huwa ġabra ta’ Harry Agius Ordway mis-sit tal-Laikos.

Advertisements