14 ta’ Jannar: Beatu Pietru Donders

Verżjoni Vidjo: Beatu Pietru Donders

“Ir-Rieda Qaddisa ta’ Alla u l-ubbidjenza perfetta fl-affarijiet kollha dejjem kienu l-konsolazzjoni tiegħi, u nittama li jkomplu jkunu hekk fis-siegħa tal-mewt tiegħi”. ~ Beatu Pietru Donders

beato_pedro_donders_b_2BEATU PIETRU DONDERS
Saċerdot Redentorist
1805 – 1887

Tagħrif: Twieled f’Tilburg fil-Brabante ta’ Fuq (Olanda), iben nissieġ tas-suf. Kien ordnat saċerdot ta’ 32 sena. Ħames snin wara (1842) telaq lejn il-Guyana Olandiża jew Surinam, biex jaħdem fost l-ifqar, fosthom il-lebbrużi.

Meta fl-1865 il-vigarjat appostoliku tal-Guyana Olandiża (l-Amerka t’Isfel) kien afdat f’idejn ir-Redentoristi, Dun Pietro Donders talab li jingħaqad magħhom. Fis-27 ta’ Ġunju 1867, għamel il-voti perpetwi u rritorna fost il-l-lebbrużi maħbubin tiegħu, li magħhom kien ħadem qatigħ sa mill-1856. Kien jieħu ħsieb anki l-Indjos u s-suwed u l-ewwel ktieb ta’ ħajtu jsejjaħlu “appostlu ġdid tas-suwed u tal-lebbrużi”.

Ħadem ħafna wkoll favur is-suwed li kienu fil-jasar, kif ukoll fost dawk ‘selvaġġi’, jiġifieri dawk li nġiebu mill-Afrika bħala lsiera imma li rnexxielhom jaħarbu lis-sidien tagħhom u kienu qed jgħixu ħajja mimlija superstizzjonijiet, bla morali u mogħtijin għall-idolatrija, u l-appostolat tiegħu fost dawn ħalla ħafna frott.

Dan għamlu bla ma naturalment abbanduna lill-bojod. Infatti bejn l-1842 u l-1856, Pietru Donders ħadem ukoll fil-kapitali Paramaribo, u fl-1883-85 f’Coronie fuq ix-xatt, fejn iddedika ħajtu fuq kollox fost il-lebbrużi ta’ Batavia, li kienu emarġinati u iżolati. Kellu wkoll iġarrab dieqa minħabba xi lebbrużi ingrati li minħabba fihom kellu jħallihom għal xi żmien, imma kien rikompensat bil-festa kbira li għamlulu oħrajn meta rritorna fis-17 ta’ Novembru 1885.

Ħajtu kienet minsuġa bit-talb u l-penitenza; kien iqum spiss bil-lejl biex jagħmel siegħa talb għarkupptejh quddiem it-tabernaklu. Kien jorqod fuq twavel tal-injam u kien juża d-‘dixxiplina’ mill-inqas darba kuljum.

Wara kważi 45 sena jgħix taħt xemx tropikali tal-Guyana Olandiża, Pietru Donders miet ta’ 81 sena fil-kolonja tal-lebbrużi f’Batavia nhar l-14 ta’ Jannar 1887. Matul ħajtu kien diġà jgawdi l-fama ta’ qaddis minħabba l-karità kbira tiegħu, u fl-1900, infetħet il-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu li waslet fi tmiemha fl-24 ta’ Mejju 1982 mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II.

Ħsieb: Pietru Donders kien tellief – il-ħajja tiegħu kollha kienet telfa!

  • Kien iben ta’ familja fqira ta’ nissieġa, li kienu jgħixu f’dar b’kamra waħda għall-familja kollha.
  • Kellu jitlaq mill-iskola fl-età ta’ 12-il sena għax il-ġenituri tiegħu kellhom bżonn il-flus.
  • Kien tifel devot li ried isir qassis, imma kollox kien kontra tiegħu: faqar, saħħa delikata u, biex ngħidu kollox, ma kienx inteliġenti lanqas.
  • Bħala nissieġ ma kienx ta’ suċċess kbir. Kien jitlob waqt li jinseġ u dan ma tantx kien sewa għall-kwalità tad-drapp.
  • Minħabba raġunijiet ta’ saħħa, ġie miċħud mis-servizz militari, li kien ta’ vantaġġ għalih.
  • Daħal fis-seminarju, mhux bħala student klerikali – iżda bħala mpjegat domestiku, iżda kien jistudja kemm jiflaħ filgħaxija. Ta’ 29 sena, kien eventwalment ammess fis-seminarju biex jistudja għas-saċerdozju. Fl-aħħar sena ta’ studju tiegħu l-Vigarju Appostoliku ta’ Surinam, imsejjaħ bħala l-Gujana Olandiża, żar is-seminarju. Hu ried li s-saċerdoti żgħażagħ imorru hemm. Pietru kien l-uniku wieħed li offra li jmur.
  • Bil-paċenzja kollha hu pprova jgħallem lil dawn in-nies il-veritajiet bażiċi tal-fidi, iżda kien milqugħ b’indifferenza, mibegħda u ostilità. Imma hu baqa’ jippriedka l-Vanġelju.
  • Bħala kappillan tal-kolonja tal-lebbrużi f’Batavia, fejn ebda qassis ma dam aktar minn tliet snin u fejn wieħed kien ġie maqtul, l-400 lebbruż kienu mingħajr tabib jew infermiera jew xi tip ta’ sanità. Ftit kien hemm li seta’ jagħmel għalihom. Ipprovdielhom sodod u difen il-mejtin li sab fosthom. Ipprovdilhom l-ikel, iżda l-awtoritajiet irrabjaw fuq dan għax skont huma, l-estenzjoni ta’ ħajjithom, kienet iżid l-ispiża pubblika.
  • Fis-sena 1866, grupp ta’ Patrijiet Redentoristi niżlet f’Surinam biex tgħin lill-erba’ saċerdoti tad-Djoċesi li kien hemm diġà. Mal-wasla tagħhom tnejn mill-erba’ qassisin iddeċidew li jirritornaw lejn l-Olanda; it-tnejn l-oħra saru Redentoristi. Pietru Donders kien wieħed minnhom. Bħala Redentorist, Pietru mar jippriedka lill-Indjani nattivi, li fost affarijiet oħra kienu jipprattikaw il-poligamija u jaduraw l-ispirti. Iżda l-Indjani kienu aktar interessati fil-likur milli fil-liturġija. Ippriedka hemmhekk għal 18-il sena bi ftit suċċess u qal: “Hekk għoġob lil Alla, li joffri lill-Indjani li sa issa ġew ittraskurati … il-possibbiltà li jkunu jafuh u jħobbuh. Iżda sfortunatament l-aspettattivi qatt ma seħħew. “

Minkejja n-nuqqas ta’ progress fl-isforzi appostoliċi kollha tiegħu, Pietru qatt ma tilef il-fidi f’Alla u lanqas fil-vokazzjoni tiegħu. Imma ammetta, madankollu, li l-missjoni tiegħu ma kinitx kif kellha tkun, u żied malajr: “Iżda Alla jista’ kollox; Marija, il-kenn tal-midinbin, hija wkoll ommhom; mill-jum li fih Kristu miet, l-erwieħ iridu jinxtraw bid-demm. Mhux li kien nista’ nissagrifika ħajti stess, u b’hekk inwassal lin-nies kollha biex isiru jafu u jħobbu lil Alla kif jixraqlu. Imma ħa tkun magħmula r-rieda ta’ Alla f’kollox”.

Fl-aħħar, Pietru Donders tassew għamel sagrifiċċju mill-ħajja tiegħu stess. Wara li ħadem f’Surinam għal 40 sena u wara li leħaq l-età ta’ 74 sena, is-superjuri tiegħu ordnawlu jistrieħ. Huwa pprova, iżda mingħajr suċċess. Sa dak iż-żmien hu stess kien sar lebbruż u għalhekk għażel li jirritorna lejn il-kolonja tal-lebbrużi fejn miet u kien midfun fl-1887.

Kif diġà ntqal, il-Beatu Pietru Donders kien tellief, (almenu f’għajnejn id-dinja), imma Ġesù  ma qalilnix, f’aktar minn okkażjoni waħda: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha?” (Mark 8:34-35). Pietru Donders kien kuntent li jitlef ħajtu għal Kristu. U int?

Id-dinja u s-soċjeta’ jriduk tagħmel u tkun suċċess. Is-suċċess li jrid minnek Alla hu differenti. Alla jridek tħobb u tibqa’ tħobb akkost ta’ kollox u tipprova u tibqa’ tipprova togħbod id-dnub akkost ta’ kollox. Dan tal-aħħar tagħmlu billi taħrab id-dnub b’imħabba lejH li ma jixtieqx li d-dnub jidħol bejnietkom u jifridkom.

Jekk jirnexxilekx u jekk tkunx suċċess f’dawn, għal Alla mhux importanti. Sa mewtek, jista’ jkun li f’għajnejn dawk li jiġġudikawk int se tibqa’ tidher falliment, imma għal Alla li jħares lejn l-isforzi moħbija tiegħek biex tegħleb id-dnub, biex tkun xhud veru tiegħu bil-kliem u bl-għemil u biex tħobb u taqdi lill-oħrajn, int jista’ jkun li jkun ħaqqek is-suċċess u l-premju tal-ġusti fil-Ġenna.

Talba: O Alla li tfejjaq, Int urejt is-sbuħija tal-ħniena tiegħek lejn il-lebrużi permezz tal-Beatu Pietru Donders, is-saċerdot tiegħek. Permezz tal-eżempju u t-talb tiegħu, j’Alla nservuk b’ħidma mimlija mħabba lejn dawk l-aktar fil-bżonn. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.redemptorists.co.uk/who-we-are/redemptorist-saints/13-blessed-peter-donders.html

Alternative Reading: https://www.cssr.news/2015/09/blessed-peter-donders/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Donders

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.