17 ta’ Jannar: San Anton Abbati

Verżjoni Vidjo: San Anton Abbati

“Jekk trid tkun perfett, mur, biegħ li għandek, u agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja. … Min ma jiċħadx għal ġidu kollu, ma jistax ikun dixxiplu tiegħi”. ~ Ġesu’ f’Mattew 19:21 u f’Luqa 14:33

saints1-11anthonySAN ANTON
Abbati
251 – 356

Tagħrif: San Anton twieled fir-raħal ta’ Koman, fl-Eġittu, fis-sena 251, minn familja nisranija li kienet sinjura.

Meta kellu tmintax-il sena, il-ġenituri tiegħu mietu, u hu safa’ waħdu flimkien ma oħtu iżgħar minnu ħafna.

Xi sitt xhur wara l-mewt tal-ġenituri tiegħu, waqt li kien fil-knisja, sema’ l-kliem tal-Vanġelu: ”Jekk trid tkun perfett, mur biegħ kull ma għandek u qassmu lill-foqra, u ejja imxi warajja, u jkollok teżor fis-sema” (Mark 10:21). Ikkonkluda li Alla kien qed ikellmu direttament. Għalhekk f’qasir żmien, wara li ħa ħsieb oħtu u ħallielha parti mill-wirt, il-kumplament tal-wirt li mess lilu qassmu kollu lill-fqar, u mar jgħix waħdu, l-ewwel fid-deżert, u mbagħad fuq muntanja.

Biż-żmien, xi rġiel u żgħażagħ bdew jissieħbu miegħu, kull wieħed f’daqsxejn ta’ kamra għalih, iżda qrib tiegħu biex ikunu jistgħu jiġu ggwidati spiritwalment minnu. Fis-sena 305 niżel minn fuq il-muntanja u waqqaf l-ewwel monasteru Nisrani, f’Fajjum.

Fis-sena 311 mar Lixandra biex iħeġġeġ fil-Fidi lill-Insara fil-persekuzzjoni ta’ Massimu. Meta wara xi sena l-persekuzzjoni taffiet, mar f’Pispir, ħdejn ix-xmara Nil, u waqqaf monasteru ieħor li għadu jeżisti sal-lum bl-isem ta’ “Der Mar Antonius”.

Wara li stabilizza dan il-monasteru, mar jgħix ġo għar fuq il-muntanja Kolzim. Iżda anke hawnhekk, in-nies saret taf fejn kien u bdew ġejjin mhux biss mill-Eġittu iżda wkoll minn pajjiżi oħra biex ikellmuh, u meta kienu jitilqu minn ħdejh qalbhom kienet tkun mimlija bi mħabba ikbar lejn Alla.

Meta darba rċieva ittra minn għand l-Imperatur Kostantinu l-Kbir, qal lil ta’ madwaru: “Tiskantawx li l-Imperatur kitibli – hu bniedem, bħalma jiena jien. Iżda stagħġbu kif Alla kiteb lilna, u kellimna wkoll permezz ta’ Ibnu”.

Fis-sena 335 reġa’ mar Lixandra biex flimkien ma’ San Atanasju jikkumbatti l-ereżija ta’ Arju. Imbagħad tela’ fuq il-muntanja u baqa’ hemm sakemm miet fis-sena 356, meta kellu 106 snin.

Fl-Arti jpinġu lil San Anton b’salib forma ta’ T, b’ħanżir u bi ktieb. Is-salib ifisser il-qawwa tal-Fidi li għenitu jirbaħ il-ħażin; il-ħanżir għall-ewwel kien jirrapreżenta lid-demonju, imma meta fil-Medju Evu l-Antonjani bdew jaħdmu fil-biedja u kellhom il-privileġġ riservat li jrabbu l-qżieqeż fil-foresti, San Anton ġie meqjus bħala l-protettur tal-annimali, il-ktieb huwa simbolu tal-katerristika speċjali ta’ ħajtu, it-talb u l-kontemplazzjoni.

F’xi parroċċi, f’dan il-jum, in-nies jieħdu l-annimali tagħhom għand il-Kappillan biex iberikhom. San Anton huwa magħruf bħala l-Fundatur tal-Monastiċiżmu Nisrani.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-ħajja ta’ San Anton, miktuba mill-isqof San Atanasju:

“Anton kellu xi tmintax jew għoxrin sena meta mietu l-ġenituri tiegħu; baqa’ waħdu ma’ oħtu, ċkejkna ħafna, u ħa ħsieb id-dar u oħtu.

Kienu għadhom anqas għaddew sitt xhur mill-mewt tal-ġenituri, meta darba Anton ħareġ għall-quddies bħas-soltu u fit-triq qagħad jaħseb x’kien li ġagħal lill-Appostli jħallu kollox u jmorru wara Ġesù; huwa ġieb quddiem għajnejh lil dawk li, kif jingħad fil-Ktieb tal-Atti ta’ l-Appostli, kienu jbiegħu ġidhom u jqiegħdu l-flus tal-bejgħ f’riġlejn l-Appostli biex kollox jitqassam lill-foqra; Anton beda jqis x’tama kbira kellhom dawn in-nies fil-ġid merfugħ għalihom fis-sema. Hu u jaħseb dan, daħal fil-knisja. Ġara li, fil-qari tal-Evanġelju, sema’ x’qal il-Mulej lil dak l-għani: “Jekk trid tkun perfett, mur biegħ li għandek, u agħtih lill-foqra; mbagħad ejja u imxi warajja, u jkollok teżor fis-sema”. (Mark 10:21)

Anton stħajjel li Alla nnifsu bagħat ifakkru f’dawn il-kelmiet qaddisa, u li kienu nqraw qisu minħabba fih. Minnufih wara l-quddiesa ħareġ, sejjaħ lin-nies tar-raħal, u qassmilhom b’xejn l-oqsma li kien wiret mid-dar – tlitt mitt għalqa, f’art għammiela u mill-aħjar – biex jeħles lilu nnifsu u lil oħtu minn ħafna ksir ir-ras. Mbagħad biegħ kull biċċa għamara li kellu, u daħħal somma kbira ta’ flus; żamm xi ħaġa minnhom għal oħtu, u qassam il-bqija lill-foqra.

Meta darb’oħra reġa’ mar għall-quddies, fl-Evanġelju sema’ dan il-kliem tal-Mulej: “Toqogħdux tħabblu raskom għall-għada” (Mattew 6:34). Ma kellux sabar jibqa’ fil-knisja; ħareġ, ħa l-flus li kien żamm għal oħtu, u qassam lilhom ukoll lin-nies fqar. Lil oħtu ħallieha f’idejn xi xebbiet insara twajba li kien jafhom, biex irabbuha f’dar ta’ nisa verġni. Hu mbagħad qabad ħajja axxetika qrib id-dar tiegħu, u kompla jgħix fil-ġabra, fit-tgħakkis u fis-sabar.

Ħaddem ukoll idejh fix-xogħol, għax sema’ li jekk “xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas għandu jedd jiekol” (2Tessalonkin 3:10b); bil-flus li jaqla’ kien jixtri x’jiekol, u jqassam il-bqija lil min ma kellux.

Kien jitlob sikwit, skont ma tgħallem li d-dixxipli għandhom dejjem jitolbu bla ma jintelqu. Fil-qari kien hekk attent li xejn mill-miktub ma kien jaħrablu, u kien iżomm kollox f’moħħu, hekk li l-memorja kienet taqdih minflok il-kotba.

In-nies tar-raħal, u xi rġiel twajba, midħla tiegħu, huma u jħarsu lejn dan il-bniedem, kienu jsejjħulu ħabib ta’ Alla; xi wħud kienu jħobbuh bħal binhom, oħrajn bħal ħuhom”.

San Anton jurina bl-eżempju tal-ħajja tiegħu stess li jekk xi ħadd biex iħobb iktar ‘l Alla jiddistakka ruħu mill-ħwejjeġ tad-dinja li joffru ħafna kumditajiet, jista’ jkun ferħan u kuntent b’qalb mimlija hena u paċi. U int, wasalt għal dan?

Talba: O Alla, int tajt il-grazzja lil San Anton, abbati, biex jaqdik fid-deżert b’ħajja ta’ qdusija kbira; agħmel li aħna, bit-talb tiegħu, nitgħallmu niċħdu lilna nfusna u nħobbu lilek dejjem u fuq kollox. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-anthony-abbot.html

Alternative Reading: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2018-01-17

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_the_Great 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.