21 ta’ Jannar: Santa Anjeże

Verżjoni Vidjo: Santa Anjeże

“Anjeże, imfawwra bl-hena, fetħet idejha u talbet: Missier qaddis, jien lilek ħabbejt, lilek fittixt, lilek dejjem xtaqt; issa ġejja għandek” ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Anjeże

maxresdefaultSANTA ANJEŻE
Verġni u Martri
c. 292-305

Tagħrif: Kull ma nafu dwar din il-Qaddisa hu, li kienet għadha żgħira ta’ madwar tlettax-il sena meta mietet martri għall-ħabta tas-sena 305, fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu, u ġiet midfuna f’Via Nomentana, f’Ruma, fejn fis-sena 324 inbniet knisja fuq il-qabar tagħha, li wara ġiet mibnija mill-ġdid fis-sena 630 mill-Papa Onorju I. Isimha hu mniżżel fl-Ewwel Talba Ewkaristika tal-Quddiesa.

Leġġenda tgħid li Santa Anjeże kienet tifla sabiħa ta’ familja sinjura. Tant kienet tħobb lil Ġesu’ li ddeċidiet li tagħti ruħha u ġisimha lilu biss. Meta kien hemm min urieha li xtaq jiżżewwiġha hi rrifjutatu. Xi ħadd bit-tama li bil-biża’ tat-torturi hija ddawwar fehmitha, akkużaha li kienet Nisranija.

L-imħallef, l-ewwel bil-ħlewwa, imbagħad bit-theddid, riedha tiċħad il-fidi tagħha f’Ġesu’. Meta ma riditx, bagħatha f’dar ta’ fama ħażina. Iżda hi baqgħet soda. Kienet tgħid: “Inħallik iċċappas ix-xabla b’demmi, imma ma nħallik qatt tipprofanali ġismi”. Żagħżugħ li pprova jersaq lejha b’xewqa żienja, għama, u hi stess fejqitu. Wara, l-imħallef ordna li tiġi maqtula.

B’kuraġġ li jgħaġġeb laqgħet id-daqqa aktarx tax-xabla li tajret ruħha fi ħdan Ġesu’, l-ikbar maħbub ta’ qalbha.

San Ambroġ kiteb dwarha: “Marret għall-martirju, iktar ferħana minn għarusa għat-tieġ”.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mit-Trattat fuq il-Verġni, tal-isqof San Ambroġ, bit-titlu ‘Għadha ċkejkna biex tbati, u diġà kbira fir-rebħa’:

“Illum il-festa ta’ qaddisa verġni: ejjew nixbħuha fis-safa tagħha. Hi l-festa ta’ qaddisa martri: noffru lilna nfusna b’sagrifiċċju. Illum hi l-festa ta’ Sant’Anjeże; jingħad li kienet għadha ta’ tnax-il sena meta ħadet il-martirju. Xi ħruxija ta’ min jistmerrha, aktar u aktar meta anqas lil tfajla hekk żagħżugħa ma ħafritha! Imma wkoll x’kobor u qawwa ta’ fidi li ħadet ix-xhieda tagħha saħansitra minn xebba hekk ċkejkna fl-għomor!

Kif seta’ l-persekutur isib fejn jidrob f’ġisem hekk ċkejken? Ma kienx hemm wisa’ fejn jinfidha s-sejf, imma kienet wessgħet qalbha biex tegħleb lis-sejf. Il-bniet żgħar ta’ dan l-għomor anqas il-ħars biċ-ċiera tal-ġenituri tagħhom ma jissaportu, u, mqar jekk jitniggżu b’daqsxejn ta’ labra, jaqbdu jibku qisha saritilhom xi ferita kbira.

Imma din waqfet bla biża’ fl-idejn qattiela ta’ min biċċirha, ma ċċaqilqitx fost il-ħsejjes tal-ktajjen tqal li rabtuha bihom, offriet ġisimha kollu għall-ponta tas-sejf tas-suldat mimli bil-herra. Għadha ma tafx x’jiġifieri tmut, u diġa’ mħejjija biex tmut. Kaxkruha lejn l-artal tal-frugħa, u hi fin-nar fetħet dirgħajha għal Kristu, u fuq l-istess artal sagrilegu għolliet is-sinjal tar-rebħa ta’ Sidha rebbieħ. Rabtulha għonqha u jdejha t-tnejn b’għoqod tal-ħadid, iżda ebda għoqda ma seħħilha torbot lil dik li kienet hekk dgħajfa fil-ġisem.

Tridu wirja ġdida ta’ martirju? Araw, għadha ċkejkna biex tbati, u diġa’ kbira fir-rebħa. Tqila biex titqabad, imma ħafifa biex tikseb il-kuruna. Għomorha ċkejken jurihielna bla ħila, u hi tgħallimna l-qawwa kollha. Ebda xebba wara ż-żwieġ ma tmur daqshekk ferħana d-dar, daqskemm din marret hienja għall-post tat-tbatija; din resqet b’pass ħafif, rasha mżejjna mhux b’xagħar mimxut sabiħ imma bi Kristu, mhux bi tlellix ta’ ward imma b’reqqa fl-imġieba.

Bkieha kulħadd, hi biss ma bkietx. Ħafna stagħġbu jarawha taħli hekk malajr dik il-ħajja li hi kienet għadha bilkemm ħaditha u kienet diġà qiegħda tagħtiha bħallikieku misjura għal kollox. Kulħadd stagħġeb jaraha diġà xhud ta’ Alla, meta kienet għadha żgħira wisq biex tista’ tieħu rajha f’idejha. Hija ġiebet ruħha b’mod li Alla seta’ jafdaha meta l-bnedmin kienu għadhom ma jafdawhiex, għax dak li hu ‘l fuq minn-natura ġej mill-Awtur tan-natura.

Kemm werwirha l-qattiel biex ibeżżagħha, kemm żiegħel biha biex iġagħalha tifhem, kemm nies ħajjruha għaż-żwieġ! Imma hi: “Ma nistenniex li nogħġbu lill-Għarus tiegħi jekk nonqsu daqshekk; hu għażilni l-ewwel, u hu jeħodni. X’inti tistenna, qattiel? Eqred lil dan il-ġisem, li jista’ jogħġob lill-għajnejn ta’ min ma rridx nogħġbu”. U waqfet sħiħa, talbet, u niżżlet rasha.

Tistħajjlek tara lill-qattiel jitħawwad, qisu hu l-akkużat; tistħajjlek tara id il-bojja titriegħed, xufftejh jisfaru bil-biża’ qisu xi ħadd ġej għalih; imma t-tfajla ma beżgħetx mit-theddid. Araw, mela, il-vittma li ħadet martirju bi tnejn, tal-modestja u tar-reliġjon. Hija baqgħet verġni u kisbet il-martirju”.

Bħalma Santa Anjeże wriet l-imħabba l-iktar kbira tagħha lejn Ġesu’ meta waslet li offrietlu ħajjietha fil-fjur tagħha b’mewta krudila, hekk ukoll aħna nuru mħabbitna lejn Ġesu’ skont is-sagrifiċċji li nagħmlu għalih. U int?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tagħżel il-ħwejjeġ dgħajfa tad-dinja biex tħawwad il-qawwija; fil-ħniena tiegħek, agħtina li nibqgħu sħaħ sa l-aħħar fil-fidi, fuq l-eżempju ta’ Sant’Anjeże, martri tiegħek, li llum niċċelebraw id-daħla tagħha fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-agnes.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-agnes/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Agnes_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements