22 ta’ Jannar: San Publju

Verżjoni Vidjo: San Publju

“Kollox għamel tajjeb: bil-qalb kollha laqa’ għandu lil Pawlu u ‘l sħabu wara li ħelsu mill-għarqa, u ferraħ lil kulħadd bir-rebħa tal-fidi ta’ Kristu f’Malta”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Publju

01590a1443edb0451ce8b986fa563e00SAN PUBLJU
Prinċep ta’ Malta, Isqof u Martri
? – 161

Tagħrif: L-Atti tal-Appostli fil-kapitlu 28 jsemmi l-laqgħa li l-Maltin għamlu lil San Pawl u sħabu wara l-għarqa fuq xtut gżiritna waqt li kienu fi triqthom lejn Ruma. San Luqa, wara li jsemmi l-miraklu tal-lifgħa li ma qatletx bil-velenu tagħha lil San Pawl, jgħid: “F’dawk l-inħawi kellu l-artijiet tiegħu l-prinċep tal-gżira, jismu Publju, li laqagħna u ġieb ruħu magħna bi tjubija mhux żgħira. Issa ġara li missier Publju kien mixħut bid-deni u bid-disinterija. U Pawlu daħal għandu, u wara li talab u poġġa jdejh fuqu, fejqu. Wara din il-ġrajja dawk kollha li fil-gżira kellhom xi marda bdew jersqu u jiġu mfejqin. U huma qimuna b’bosta ġieħ, u meta tlajna fuq il-bastiment għabbewna b’kull ma kellna bżonn.” (Atti 28:7-10)

Publju kien il-gvernatur tal-gżira, il-“proto” – titlu li jiġi mogħti lill-ogħla maġistrat tal-gżira, li jkun delegat tal-“Praetor” ta’ Sqallija. It-tradizzjoni Maltija żżomm li San Pawl waqqaf il-Knisja f’Malta u kkonsagra lil San Publju bħala l-ewwel isqof tagħha. Din it-tradizzjoni hija bbażata mill-fatt li kull fejn mar San Pawl dejjem ħalla, meta ma kellux il-ħsieb li jirritorna, ieħor warajh bħala l-kap u r-ragħaj tal-Knisja ġdida.

(Xi wħud, fosthom San Beda, iħalltu lil San Publiju ta’ Malta ma’ San Publju isqof ta’ Atene li ħa l-martirju fis-seklu II. Dan Isqof tal-belt glorjuża ta’ Atene għex lejn nofs it-tieni seklu. Kien fi żmien l-Imperatur Antoninu Piju (138 – 161) meta l-Knisja kienet imħabbta mill-Injostiċi li kienu jaraw ir-Reliġjon bħala skola ta’ kultura, u għalhekk kienu jgħidu li min ma kienx għaref ma setax jgħid li kien nisrani tassew. San Publju, fost l-Isqfijiet tajbin, kien qed juri li r-Reliġjon hi fuq kollox imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn għal Alla.

Tagħlim ieħor żbaljat ta’ żmienu kien dak ta’ Doċeti, li żammew li Kristu ma kienx bniedem, imma deher biss b’ġisem bħal tagħna. Fi żmien ta’ persekuzzjoni kontra l-Insara, hu ma warrabx minn Atene. Hu ġie kkundannat għall-mewt minħabba twemminu. Dan jidher li ġara fl-ewwel sena tal-Imperatur Mark Awrelju, jiġifieri fis-sena 161. San Djonisju, Isqof ta’ Korintu, ċanfar lin-nies ta’ Atene talli kienu waqgħu fl-indifferenza wara li l-Isqof tagħhom Publju kien ġie mogħti l-martirju.

Għalkemm ma tantx għandna tagħrif dwaru, dawk li ġabru ismijiet il-martri ta’ l-ewwel żmien qiegħdu ismu ma’ dawk ta’ dawk li mietu fil-21 ta’ Jannar. Aħna niċċelebrawh fit-22 tax-xahar biex ma nħallux barra t-tifkira ta’ Santa Anjeże, li taħbat fl-istess ġurnata.)

Fl-1609 San Publju li kien fiż-żgur il-gvernatur tal-gżira tagħna, kien maħtur wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ Malta mill-Isqof Gargallo (1577-1610). Il-parroċċa tal-Furjana hi ddedikata lil San Publju ta’ Malta.

Ħsieb: Qari mill-Omeliji tal-Isqof San Ġwann Kriżostmu fuq il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli bit-titlu “Ġietu ħniena minnhom”:

“F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Araw bniedem ieħor, iħobb jilqa’ l-barranin. Dan Publju, raġel għani u jista’, ġietu ħniena minnhom, laqagħhom għandu bil-qalb u dar bihom, mhux għax kien ra xi ħaġa minnhom, iżda minħabba l-għawġ li ġie fuqhom.

Wara li ħelsu mill-għarqa, in-nies ma għalqux għajnejhom għalihom, anzi laqgħuhom bil-qalb minħabba Pawlu, u għal tliet xhur sħaħ waqfu magħhom ilkoll u ħasbulhom għall-ikel. Dawn in-nies iġagħluna nistħu: ma kinux jafuhom lil dawk li ħelsu mill-għarqa, iżda rawhom fl-għawġ u fehmu sewwa li huma wkoll kienu bnedmin; għalhekk laqgħuhom bil-ħlewwa.

Fil-qrib kien hemm l-oqsma ta’ Publju, il-prinċep tal-gżira, li laqagħhom u żammhom għandu bil-qalb. Sewwa qal, għax irid ikollok qalb kbira biex tilqa’ u żżomm għandek mitejn u sitta u sebgħin ruħ. Araw xi qligħ kbir għandu min jilqa’ l-barrani. Laqagħhom u żammhom għandu għal tlitt ijiem, mhux għax dan ma rahx meħtieġ, anqas ma għamlu fuq il-qalb, imma għax intebaħ bil-qligħ li kien se jikseb. U għalhekk bil-ħaqq kollu tħallas tal-laqgħa tajba li għamlilhom, anzi ngħatalu wisq aktar ukoll, għax Pawlu fejjaqlu lil missieru, li kien marid bid-disenterija, u mhux lil missieru biss imma fejjaq ukoll ħafna morda oħra”.

San Publju hu mudell ta’ ragħaj qawwi fit-taqbida. Jalla aħna wkoll nuru ruħna qawwijin fil-fidi li rċevejna u nibqgħu sodi fil-waqt tal-prova u ma nibżgħux inkunu xhieda ta’ Kristu u jekk jitlobhielna, nagħtu ħajjitna għalih.

EJJEW NITOLBU LIL SAN PUBLJU BIEX B’TALBU JERĠA’ JQABBAD FINA L-FJAMMA LI KEBBES F’RUĦ MISSIERIJIETNA MISSIERNA SAN PAWL F’DAWN IL-GŻEJJER. LI KIEKU MA ĠIEX HU BI PROVIDENZA DIVINA, JIFTĦILNA GĦAJNEJNA U JTINA L-FIDI, U LI KIEKU SAN PUBLJU MA LAQGĦUX BĦALA L-MIGĦBUT MINN ALLA KIF TASSEW KIEN, LI KIEKU KONNA NIBQGĦU BLA GĦARFIEN DWAR IT-TAGĦLIM VERU LI JWASSAL GĦAS-SALVAZZJONI TA’ RUĦNA.

IMMA ISSA SAN PAWL ĠIE, INT LI INT IL-PATRUN TAL-GŻEJJER TAGĦNA, AGĦMEL LI MA NWARBUX IL-MESSAĠĠ QAWWI T’ALLA GĦALINA LI GĦOĠBOK TGĦADDILNA, BIEX MA NIĠUX IMWARBA MINNU FL-AĦĦAR JUM!

GĦINNA, O GĦAŻIŻ PATRUN TA’ DAWN IL-GŻEJJER, BIEX MA NISFAWX ĠUSTAMENT IKKUNDANNATI TALLI NKUNU ĦALLEJNA KLIEMEK JISPIĊĊA FIX-XEJN, IMMA AGĦMEL LI NQUMU MILL-WAQGĦAT TAGĦNA U NERĠGĦU NFITTXU LI NGĦIXU TA’ NSARA TASSEW U B’HEKK INKUNU QED NAGĦTUK IL-VERU U L-UNIKU ĠIEĦ LI TISTENNA MINN GĦANDNA.

Talba: O Alla, int għoġbok li San Publju jilqa’ lill-Appostlu Missierna San Pawl u jżommu għandu bil-qalb: agħmel li, bil-merti u t-talb tal-istess Publju, ngħixu fuq din l-art magħqudin miegħek bil-fidi u l-imħabba, biex niksbu l-hena ta’ dejjem fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=5507

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-publius-of-malta/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Publius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements