24 ta’ Jannar: San Franġisk de Sales

Verżjoni Vidjo: San Franġisk de Sales

“Kull ħsieb li jinkwetak, hu fuqiex inhu, mhux ġej minn Alla, għax Alla tagħna huwa Alla tal-paċi. U għalhekk ħsibijiet bħal dawn m’għandekx iżżommhom għax żgur jagħmlulek ħsara”. ~ San Franġisk de Sales

francis-de-sales-670x892SAN FRANĠISK DE SALES
Isqof u Duttur tal-Knisja
1567 – 1622

Tagħrif: San Franġisk, l-ikbar fost sitt ulied ta’ familja nobbli, twieled fil-21 t’Awissu 1567, f’Chateau de Sales, ħdejn Ġinevra, l-Isvizzera. Kien l-għożża speċjali ta’ ommu, li kienet tħobb taqralu l-ħajjiet tal-qaddisin li jġibu ismu: San Franġisk t’Assisi u San Franġisk minn Paola, u t-tfajjel, imħeġġeġ mill-eżempju tagħhom darba qalilha: “Mà, ġa hemm żewġ San Franġiskijiet: bija jridu jkunu tlieta.”

Kellu karattru ġentili għall-aħħar anki fil-kuntrarju, xhieda tal-profondità tal-ħajja reliġjuża tiegħu; imma fl-istess ħin kellu wkoll karattru sod. Bħala l-iben il-kbir, hu kien iddestinat biex ikun il-glorja tal-familja nobbli tiegħu, billi jkollu karriera brillanti fid-dinja u post fis-senat tas-Savoia. Imma Franġisk għażel is-saċerdozju minkejja l-insistenza ta’ missieru biex jitħarreġ fil-liġi u jaqbad karriera sekolari.

Ta’ 15-il sena kien mibgħut ikompli l-istudji tiegħu f’Pariġi (1582), imma rrifjuta li jattendi l-Kulleġġ ta’ Navarre kif riedu missieru, għax beża’ li hemm seta’ jsib tfixkil għalih; minflok għażel il-kulleġġ tal-Ġiżwiti fi Clermont. Hawn ġie f’kuntatt mar-rikkezzi tal-umaneżmu ta’ wara l-Konċilju ta’ Trentu li kien jiġbor fih it-tagħlim klassiku tar-Rinaxximent għas-servizz tal-moħħ u l-ispirtu Kristjan.

Għadda minn żmien ta’ skrupli u kien ukoll jiddubita mis-salvazzjoni ta’ ruħu. Imma jum minnhom, waqt li kien qed jitlob b’ħerqa kbira quddiem xbieha tal-Madonna biex teħilsu minn dawk id-dubji li kienu qed imarrduh, ħassu mfejjaq għal kollox u fl-istess ħin għamel vot privat ta’ kastità. Din l-esperjenza għenitu ħafna ’l quddiem fid-direzzjoni ta’ nies skruplużi.

Intefa’ b’ruħu u b’ġismu għat-tiġdid kattolika f’art twelidu, u rnexxielu jġib mill-ġdid fi ħdan il-Knisja mas-70,000 li kienu ħallewha. Dan għamlu bil-priedki, id-djalogi, u billi kien jikteb leaflets, iqabbad xi nies biex jikkupjawhom u wara jqassmuhom bl-idejn lill-familji fid-djar.

Fl-1602, sar Isqof ta’ Ġinevra, meta kellu 35 sena. Kien kontinwament jivjaġġa u jippriedka, u bil-mod ta’ ħajja li kien jgħix, bla ebda vanitajiet jew storbju fi lbiesu jew imġibtu, ġibed għal ħajja aktar reliġjuża d-djoċesi kollha tiegħu. B’mod speċjali ddedika ruħu għas-sagrament tal-qrar, u bid-direzzjoni tiegħu kien jgħin lin-nobbli u l-bdiewa li kienu jfittxuh għall-maħfra u għall-pariri.

Fl-1610, flimkien ma Santa Ġovanna Franġiska ta’ Chantal, waqqaf il-Komunita’ tas-Sorijiet tal-Viżitazzjoni. Kien ħabib kbir ta’ San Vinċenz de Paul, l-appostlu tal-karita’, u bħalu kien bniedem ta’ qalb tajba u umli. Kien spiss juża dak il-proverbju: “Iktar taqbad dubbien b’qatra għasel, milli b’barmil ħall”.

Minkejja l-ħafna xogħol pastorali, sab ħin biex jikteb diversi kotba. Il-kapolavur tiegħu huwa l-ktieb ‘Daħla għall-Ħajja Devota’ li tiegħu ġa ħarġu aktar minn 400 edizzjoni tiegħu. Warajh jiġi l-ktieb ‘Trattat fuq l-Imħabba ta’ Alla’ li dam jiktbu għaxar snin. Għandu wkoll mal-1,000 ittra u l-ktieb Konferenzi, taħdidiet li kien jagħti lis-Sorijiet tal-Viżitazzjoni. Diversi kongregazzjonijiet reliġjużi twaqqfu taħt il-patroċinju tiegħu fosthom is-Salesjani ta’ San Ġwann Bosco. Il-Papa Ġwanni XXIII kien iżomm lil S. Franġisk de Sales bħala mudell tul ħajtu kollha.

Miet ta’ 55, wara attakk ta’ puplesija, f’Lyons, fit-28 ta’ Diċembru 1622 waqt li kien qed jivvjaġġa lura wara laqgħa li kellu mar-Re Lwiġi XIII f’Avignon fejn iddiskuta miegħu dwar ċerti privileġġi għall-parti Franċiża tad-djoċesi tiegħu. Ġismu ġie midfun f’Annecy fl-24 ta’ Jannar 1623.

Il-beatifikazzjoni tiegħu fi żmien sena kienet l-ewwel beatifikazzjoni li saret f’San Pietro. Iddikjarah qaddis Alessandru VII fl-1665, u dikjarat duttur tal-Knisja fl-1877. Il-Papa Piju XI iddikjarah Patrun tal-Ġurnalisti, tal-Kittieba u tal-Istampa Kattolika. F’Malta, id-Direzzjoni ta'”Il-Leħen” kull sena tieħu inizjattiva biex f’dan il-jum l-Arċisqof iqaddes għal dawk kollha li għandhom sehem fil-qasam tal-istampa u x-xandir.

Ħsieb: Dan li ġej huwa diskors ta’ Fr. Charles Tabone O.P., delegat tal-Arċisqof għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali, f’omelija tiegħu fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales:

“Għaliex San Franġisk de Sales hu l-patrun tal-ġurnalisti? Għax daħal għal avventura straordinarja għal dak iż-żmien. Bħala saċerdot, b’inizjattiva proprja, mar l-Isvizzera fejn fi żmien ir-Riforma Protestanta kienet territorju kalvinista u jikkalkulaw li madwar 60,000 ruħ daru għall-kalviniżmu. Jiġifieri dawn kienu Kattoliċi u saru protestanti. U San Franġisk de Sales ħa b’impenn personali li jmur jippriedka ħalli lil dawn ir-riformisti jġibhom lura lejn il-fidi Kattolika.

Għamel tliet snin jippriedka. Kien persistenti u kien imur iħabbat bieb, bieb, biex iressaqhom lura lejn il-fidi Kattolika. Għamel tliet snin li matulhom kulħadd kien isabbatlu l-bieb ma’ wiċċu sakemm ġietu l-idea li l-priedki tiegħu jiktibhom, jikkupjahom b’idu u jitfagħhom taħt il-bibien ta’ dawk in-nies. Għalhekk hu l-protettur tal-ġurnalisti, għax uża mezz, il-kitba, biex jasal fejn jixtieq. Qablu għamilha San Pawl u l-appostli li kitbu ittri. San Pawl kien jikteb ittri ċirkolari li oriġinarjament kienu indirizzati lil xi knisja partikolari iżda tant kien ikollhom tagħlim sabiħ li kienu jduru minn knisja għal oħra. U kulħadd kien jieħu t-tagħlim li kien ixandar San Pawl.

San Franġisk de Sales għamel l-istess u r-riżultat kien li f’qasir żmien, wara dawk it-tliet snin iħabbat il-bibien, ikkonvertew 40,000 ruħ. X’kien l-iskop ta’ San Franġisk de Sales li juża dan il-mezz biex jasal għand dawn in-nies? Ried jerġa’ iġibhom fi ħdan il-Knisja Kattolika. Kien juri lill-bnedmin il-ħlewwa tal-imħabba ta’ Alla. Jiġifieri l-iskop tiegħu kien li jagħmel il-ġid lill-bniedem. Ikun għajb għall-ġurnaliżmu jekk ma jkollux l-iskop li jagħmel il-ġid lill-bniedem.

Dak il-ġurnaliżmu li b’xi mod jagħmel ħsara lill-bniedem hu aljenat u aljenanti. Aljenat ifisser li tilef l-iskop oriġinali tiegħu. Jien nikkomunika mhux sempliċiment biex int ikollok informazzjoni u taqta’ il-kurżità bħalma qed jiġri daż-żmien bil-facebook. Il-komunikazzjoni trid twassal għal relazzjoni li permezz tagħha nagħmlu l-ġid lil xulxin.

Il-komunikazzjoni u r-relazzjoni huma magħquda b’mod inseparabbli. Ma tistax tifridhom. Għalhekk dik il-komunikazzjoni li ma twassalx biex tibni relazzjoni, biex tgħaqqad, titlef l-iskop tagħha. Komunikazzjoni li tifred, li flok paċi u mħabba tiżra’ l-mibgħeda u l-gwerra, hi aljenata. U jekk dan it-tip ta’ ġurnaliżmu jippropaga l-firda u l-mibgħeda hu wkoll aljenanti għax iqiegħed lil ħaddieħor fl-aljenazzjoni.

Min fejn ġej li l-komunikazzjoni trid twassal għar-relazzjoni fejn aħna nagħmlu l-ġid lil xulxin? Ġej minn Alla nnifsu. Għalhekk il-ġurnalist Kattoliku bilfors irid ikun hekk. Jien ngħid li mhemmx għalfejn tkun Kattoliku biex tkun ġurnalist ta’ din il-kwalità. Ta’ din il-filosofija. Iżda aħna li aħna Kattoliċi, li nemmnu f’Alla, aktar nifhmu għaliex irridu nkunu hekk.

Mill-komunikazzjoni jrid joħroġ il-paċi. Mill-paċi trid toħroġ il-ġustizzja bejn il-bnedmin. Jalla San Franġisk de Sales li hu l-protettur tal-ġurnalisti u ta’ kull min jaħdem fil-media jgħin mhux biss lilna l-Insara iżda lil kulħadd ħalli nwasslu l-messaġġ biex il-komunikazzjoni ma tkunx aljenata u aljenanti. Tkun iffokata biex tassew tagħmel il-ġid lil ħaddieħor kif inhu l-veru skop tagħha”.

Forsi qed tgħid: “Imma jien ma naħdimx fil-media!” Imma forsi għandek facebook u dak li timposta fih, jistgħu qed jarawh bosta nies. Kemm tista’ għalhekk tagħmel ġid, jekk trid, anki b’sempliċi ‘share‘ ta’ xi post tajjeb li bih tista’ tressaq in-nies eqreb ta’ Alla. Jew tistħi turi xi post ta’ dan it-tip quddiem ħbiebek? Ftakar li Hu ma staħax bla ħwejjeġ u msammar mas-salib għalik, għax ħabbek, għax ried isalvak!

Talba: O Alla, int ridt li l-isqof San Franġisk de Sales isir kollox għal kulħadd għas-salvazzjoni tal-erwieħ; fil-ħniena tiegħek, agħtina li nitgħallmu mill-eżempju tiegħu biex, fis-servizz tagħna l-bnedmin, dejjem nuru magħhom il-ħlewwa ta’ mħabbtek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/01/st-francis-de-sales.html

Alternative Reading: http://donboscowest.org/saints/francisdesales

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_de_Sales

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa diskors ta’ Fr. Charles Tabone O.P., delegat tal-Arċisqof għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali, f’omelija tiegħu fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales.