25 ta’ Jannar: Il-Konverżjoni ta’ San Pawl

Verżjoni Vidjo: Il-Konverżjoni ta’ San Pawl

“Jiena sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni ma nemminx; anzi Lili l-grazzja ta’ Sidna ġiet mogħtija bil-kotra, flimkien mal-fidi u ma’ l-imħabba, li hi fi Kristu Ġesù. Ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar lill-Knisja ta’ Alla.” ~ 1Timotju 1:13-14; 1 Korintin 15:9.

the-conversion-of-st-paul-nicolas-bernard-lepicieIL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL
c. 35 A.D.

Tagħrif: Il-Knisja tiċċelebra l-konverżjoni ta’ San Pawl, minħabba n-natura straordinarja tagħha.

San Pawl kien Lhudi, ta’ Ċittadinanza Rumana, edukat f’Ġerusalemm, u trabba bħala Fariżew akkanit ħafna, anzi fanatiku għal-Liġi ta’ Mose’. Hekk sar għadu mill-kbar u persekutur aħrax tal-Knisja Nisranija li kienet għadha fil-bidu tagħha. Saħansitra akkwista l-awtorita’ mingħand il-Mexxejja tal-Lhud biex ikun jista’ jarresta lill-Insara fl-ibliet u fl-irħula u jeħodhom Ġerusalemm biex jgħaddu ġuri. Nafu li kien preżenti fil-martirju ta’ San Stiefnu.

Meta bejn is-sena 34 u 36, kien sejjer Damasku, illum il-Kapitali tas-Sirja, biex jippersegwita lill-Insara, Ġesù stess ikkonvertieh u wrieh biċ-ċar li l-persekuzzjoni li kien qed jagħmel lill-Insara, kien qed jagħmilha lilu. “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” Qallu: “Min int, ja Sidi?” Wieġbu: “Jien hu Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah … ” Din il-ġrajja nsibuha mniżżla fl-Atti tal-Appostli (9:3-27; 22:6-16; 26:13-18); u San Pawl jagħmel riferenza għaliha f’xi ittri (1Korintin 15:9-10; Galatin 1:13-16; Efesin 3:6-7).

Il-Laqgħa straordinarja tiegħu ma’ Ġesù mhux biss bidlet ħajtu, u minn persekutur qalil, għamlitu wieħed mill-ikbar difensuri, għalliema u qaddisin tal-Knisja Nisranija, iżda kellha effett drammatiku fuq l-istess Knisja.

Wara l-konverżjoni tiegħu, li ġrat għall-ħabta tas-sena 35 A.D., San Pawl għadda aktar minn tliet snin fid-deżert tal-Għarabja jħejji ruħu għall-missjoni li għażillu Ġesù. Hawn hu kellu diversi rivelazzjonijiet li fihom hu fehem tajjeb ħafna li Ġesù ta’ Nazaret kien ħaj u li kull ħaġa fis-sema u fl-art kellha l-milja tagħha fih.

San Pawl fl-ittri tiegħu jsemmi l-konverżjoni tiegħu fit-triq ta’ Damasku u jattribwiha lill-imħabba ta’ Alla lejh, u jgħid li min-naħa tiegħu laqa’ l-grazzja li tah Alla u jgħid li din il-grazzja ma kinitx għalxejn fih.

Hu pprova jfassal ħajtu kollha fuq dik ta’ Ġesù u ħadem għal Ġesù kemm felaħ biex jarah magħruf u maħbub minn kulħadd, sa wasal biex qal: “Ngħix mhux jien, imma Kristu jgħix fija.”

Il-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl bdiet fil-Gallja fis-seklu VIII fl-okkażjoni tat-traslazzjoni ta’ xi relikwi tal-appostlu, u daħlet fil-Kalendarju Ruman lejn it-tmiem tas-seklu X.

Il-parroċċa ta’ Ħal Safi hi ddedikata għall-Konverżjoni ta’ San Pawl.

Ħsieb: Dan parti mid-diskors tal-Papa Franġisku tal-25 ta’ Jannar 2018, fil-Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl:

“Aħna l-insara, naqsmu flimkien l-esperjenza fundamentali: il-grazzja ta’ Alla, il-ħniena qawwija tiegħu biex isalvana. U proprju għax Alla ħadem din ir-rebħa fina, flimkien nistgħu ngħannu l-ġieħ tiegħu.

Fil-ħajja mbagħad induqu l-ħlewwa ta’ Alla, li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum bl-imħabba tiegħu jsalvana mid-dnub, mill-biża’ u mit-tbatija. Dawn l-esperjenzi prezzjużi għandhom jiġu mħarsa fil-qalb u fil-memorja.  

Anki San Pawl, li llum qed niċċelebraw il-konverżjoni tiegħu, għamel l-esperjenza qawwija tal-grazzja, li sejħitlu biex, minn persekutur, isir appostlu ta’ Kristu. Il-grazzja ta’ Alla wasslet lilu wkoll biex ifittex il-komunjoni mal-Insara l-oħra, minnufih, l-ewwel f’Damasku u mbagħad Ġerusalemm (ara Atti 9:19,26-27).

Din hi l-esperjenza tagħna tal-fidi. Naqra naqra, aktar ma nikbru fil-ħajja spiritwali, nifhmu dejjem iżjed li l-grazzja tilħaqna flimkien mal-oħrajn u rridu naqsmuha mal-oħrajn”. 

U dan hu parti mill-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl (23 ta’ Jannar 2016):

“Aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ Ġesù, u ma nibżgħux nuru li aħna Nsara bil-mod kif ngħixu, kif nitkellmu, kif inġibu ruħna, bid-deċiżjonijiet li nieħdu…hekk trid tkun xhud. U m’hemmx għalfejn ikollna ċ-ċarċir tad-demm biex inkunu martri, xhieda – martri tfisser xhud. Kemm żgħażagħ tagħna li jagħmlu l-Griżma, imma mbagħad meta jibdew jitfarfru, jistħu jgħidu li jemmnu f’Ġesù minħabba l-peer pressure. Jiena rrid nagħmlilhom kuraġġ liż-żgħażagħ biex ma jistħux mill-isem qaddis tal-Mulej Ġesù!

Pawlu mhux biss xhud għax ra lil Ġesù, iltaqa’ miegħu fit-triq ta’ Damasku, imma wkoll appostlu mibgħut. Aħna wkoll mibgħuta fl-ambjenti differenti tal-ħajja u skont il-vokazzjoni tagħna, biex inwasslu l-bxara t-tajba tal-Mulej. Il-Mulej miet għalik, il-Mulej qam mill-imwiet għalik, il-Mulej iħobbok.

Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej tal-ħniena li wera ma’ Sawlu, ma’ Pawlu l-appostlu Missierna, għax il-ħniena li wera miegħu, aħna ggwadanjajna minnha. Hu kien li ġie f’Malta, x’aktarx fl-Mdina fejn il-Protos kellu d-dar tiegħu, fejn Pawlu għamel il-miraklu tal-fejqan ta’ missier Publju, u l-Maltin, kull min kien marid, ġew għandu u mal-fejqan ħadu l-fidi. Ejjew nitolbu biex, bl-interċessjoni tal-appostlu Missierna San Pawl, il-fidi fi Kristu tibqa’ wkoll għalina għajn ta’ fejqan”.

Talba: O Alla, int għallimt id-dinja kollha bil-priedki tal-Appostlu Missierna San Pawl, li llum qegħdin niċċelebraw il-koverżjoni tiegħu: agħmel li aħna nimxu fuq l-eżempju tiegħu, biex inkunu xhieda tal-verità tiegħek quddiem il-bnedmin kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/the-conversion-of-st-paul

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/conversion-of-saint-paul/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Conversion_of_Paul_the_Apostle

Film on the life of Saint Paul:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements