27 ta’ Jannar: Santa Anġela Merici

Verżjoni Vidjo: Santa Anġela Merici

“Nitlobkom, għamlu kemm tistgħu biex ittellgħuhom bl-imħabba, fil-għożża u bil-qalb, u mhux bis-suppervja u bil-herra. Kunu dejjem ta’ qalb tajba. Innutaw x’qalilna l-Mulej: “Tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli”. ~ Santa Anġela Merici lis-segwaċi tagħha.

36522SANTA ANĠELA MERICI
Verġni
1470 – 1540

Tagħrif: Santa Anġela twieldet fil-21 ta’ Marzu 1470, f’Desenzano, raħal fl-istat ta’ Venezja, l-Italja, minn familja ta’ bdiewa.

Ta’ għaxar snin tilfet il-ġenituri tagħha, u marret flimkien ma’ ħutha tgħix f’Saqlo ma’ zijuha li qiesha daqs bintu. Iżda meta kellha madwar 22 sena, zijuha miet, u reġgħet lura f’Desenzano.

X’ħin rat it-tfal tal-post telgħin bla ebda edukazzjoni Nisranija, iddispjaċiha ħafna, u ddeċidiet li tiddedika ruħha għall-edukazzjoni tat-tfal, speċjalment tat-tfajliet. Hekk fetħet skola f’Desenzano, u wara, fl-1516, fetħet oħra fi Brescia, fuq talba tan-nies t’hemm.

F’Novembru 1535 qiegħdet is-sisien tal-kongregazzjoni tagħha taħt il-patroċinju ta’ Santa Ursula verġni u martri (Ara Santa Ursula): minn hawn hu ġej li s-sorijiet tagħha huma magħrufin bħala Ursolini. Hi qiegħdet l-istituzzjonijiet tagħha taħt il-ħarsien ta’ Santa Ursula, verġni u martri.

Kellha xewqa kbira li tmur iżżur l-Art Imqaddsa, u negozjant kbir ta’ Brescia għenha bil-flus taqta’ xewqitha.

Meta kienet fi Kreta, tilfet id-dawl t’għajnejha. Iżda xorta waħda kompliet il-vjaġġ u żaret il-postijiet imqaddsa b’devozzjoni kbira. Imbagħad fi triqitha lura, meta kienet qed titlob quddiem il-kurċifiss fl-istess post fejn kienet għamiet, reġgħet ġiet tara.

Fl-1525, il-Papa Klement VII, li sama’ bix-xogħol tagħha, stedinha tieħu f’idejha kongregazzjoni ta’ sorijiet, f’Ruma, li kienu jaħdmu fl-isptarijiet. Meta qaltlu li hi xtaqet tibqa’ ddedikata għall-edukazzjoni tat-tfajliet, l-ommijiet ta’ għada, il-Papa berikha.

Nisa oħra bdew jingħaqdu magħha. Tul ħajjitha huma kienu għadhom lajċi, imma wara mewtha, fuq l-ispirazzjoni tagħha, bdew il-kongregazzjoni tal-Ursulini b’ħajja kkonsagrata bil-voti. Imma baqgħu jeżistu dejjem Ursulini lajċi li jgħixu f’darhom jew f’ħajja komunitarja bla voti. Imma l-iskop prinċipali tagħhom ilkoll hu t-tagħlim tat-tfal u għajnuniet lit-tfal, xebbiet u ommijiet fil-bżonn.

Dawn l-affarijiet nbidlu ftit snin wara l-mewt ta’ Santa Anġela speċjalment fl-influwenza ta’ San Karlu Borromeo u ġew modifikati matul is-sekli biex l-ideal ta’ servizz ta’ Santa Anġela jiġi adattat għall-ħtiġijiet li jitbiddlu tal-Knisja.

Santa Anġela Merici kienet tħobb tgħid: “Id-diżordni fis-soċjetà hija riżultat ta’ diżordni fid-dar” u l-iskop tagħha kien li terġa’ tagħmel nisranija l-ħajja tal-familja – u l-ħajja tas-soċjetà – permezz tal-edukazzjoni ta’ nisa u ommijiet futuri.

Mietet fi Brescia fis-27 ta’ Jannar 1540 meta kellha qrib is-70 sena. Kienet iddikjarata qaddisa minn Piju VII fl-1807.

Hi għandha żewġ distinzjonijiet: Kienet l-ewwel waħda li waqqfet kongregazzjoni għat-tagħlim; u l-ewwel waħda li waqqfet istitut sekulari fejn il-membri jibqgħu jgħixu d-dar bla ma jkollhom ilbies li jiddistingwihom, u ma jieħdu ebda voti formali.

Ħsieb: Nisa bħal Santa Tereża ta’ Avila u Santa Katerina ta’ Ġenova kkontribwew b’mod sinifikanti għar-Riforma Kattolika. Iżda fil-knisja tas-seklu 16, forsi l-ebda mara ma rrispondiet b’mod aktar kreattiv għall-ħtieġa ta’ riforma minn Santa Anġela Merici. Hi bniet komunitajiet li ħarrġu nisa mhux miżżewġa biex jgħixu ta’ Nsara u pprovditilhom post sikur ta’ unur fis-soċjetajiet lokali tagħhom.

Hi li kienet mara mhux miżżewġa hi stess, Anġela stabbiliet gruppi ta’ nisa mhux miżżewġa mill-klassijiet kollha soċjali fi Brescia u bliet oħra Taljani tat-Tramuntana. Hija riedet li n-nisa jkunu fid-dinja, iżda ma jkunux tad-dinja. Allura huma kkonsagraw ruħhom lil Alla u wiegħdu li jgħixu ċ-ċelibat. Iżda kienu jgħixu d-dar mal-familji tagħhom u fittxew modi biex iservu lill-ġirien tagħhom. Fl-1535, Anġela organizzat dawn il-gruppi fil-Kumpanija ta’ Santa Ursula, li aktar tard bdew jissejħu l-Ursolini. Xi ħaġa li kienet unika għal żmienha, l-assoċjazzjoni tagħha antiċipat l-istituti sekulari moderni u l-komunitajiet tal-lajċi kkonsagrati.

Anġela tat lill-Ursulini struttura militari, li tiddividi l-ibliet f’distretti rregolati ġerarkikament minn nisa Nsara maturi. Dan id-disinn ippermetta lill-komunità biex tappoġġja l-membri li setgħu jgħixu ta’ nsara kuljum u b’hekk tipproteġihom minn influwenzi spiritwalment ħżiena u ta’ ħsara għar-ruħhom.

Ir-regola li Anġela kitbet għall-kumpanija teħtieġ li l-membri jibqgħu fidili għall-affarijiet bażiċi Nsara. Fis-silta li ġejja, hija tispjega l-importanza tat-talb vokali u mentali ta’ kuljum:

“Kull waħda mill-aħwa għandha tkun mehdija fit-talb, mentali kif ukoll vokali, u midħla tas-sawm. Għax l-Iskrittura tgħid li mat-talb meħtieġ is-sawm. U bis-sawm aħna nimmortifikaw l-aptiti tagħna tal-ġisem u tas-sensi, għalhekk b’talbna nitolbu lil Alla għall-grazzja ta’ ħajja spiritwali vera. Għalhekk, minħabba l-ħtieġa kbira li għandna għall-għajnuna divina, irridu nitolbu dejjem bil-moħħ u bil-qalb, kif inhu miktub, “Itolbu dejjem” (1Tessalonikin 5:17). Għandna nissuġġerixxu t-talb vokali frekwenti lil kulħadd li jipprepara l-moħħ billi jeżerċita lis-sensi tal-ġisem. Allura kull waħda minnkom, kuljum għandha tgħid b’devozzjoni u attenzjoni mill-inqas l-Uffiċċju tal-Madonna (Ara Uffiċċju tal-Madonna) u s-seba’ Salmi Penitenzjali (Salm 6, 32, 38, 51, 102, 130, u 143) għaliex waqt li nitolbu l-Uffiċċju, aħna nkunu qed nitkellmu ma’ Alla”.

F’mewtha fl-1540, Angela Merici kienet bdiet 24 grupp. Matul is-snin l-Ursulini ffjorixxew bħala l-eqdem u waħda mill-aktar ordnijiet rispettati tat-Tagħlim tal-Knisja.

Tajjeb ngħidu li hawn Malta, is-Sorijiet Ursulini ġew imwaqqfa minn Mons. Isidoro dei Conti Formosa fl-1887 biex jieħdu ħsieb it-tfal u t-trabi fqar u abbandunati. Għandhom tmint idjar f’ Malta, tlieta f’Noto, u oħra f’Katanja. Maż-żmien, l-apostolat kompla nfirex fi skejjel tat-tfal iż-żgħar, fit-tagħlim tal-katekiżmu, u f’oqsma oħra sew f’Malta kif ukoll barra. Għal aktar tagħrif, mur: (The Ursuline Sisters of Saint Angela Merici)

  • U int, kemm tagħtiha importanza l-ħajja ta’ talb b’dixxiplina u b’impenn u t-tagħlim tal-Katekiżmu Kattoliku bħala mezzi biex iżommuna mbegħeda minn perikli li jistgħu jagħmlu ħsara lil ruħna?

Talba: Agħtina, Mulej, li l-verġni Santa Anġela Merici ma tieqaf qatt tirrikmandana lill-ħniena tiegħek, biex, fuq l-eżempju tal-imħabba u l-għaqal tagħha, iseħħilna nħarsu t-tagħlim tiegħek u nistqarruh bl-imġiba kollha tagħna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/january-27-saint-angela-merici-virgin/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-angela-merici-129

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Angela_Merici

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.