28 ta’ Jannar: San Tumas ta’ Aquino

Verżjoni Vidjo: San Tumas ta’ Aquino

“Jiena tlabt, u sirt għaqli; sejjaħt lil Alla, u mtlejt bl-għerf. U dan l-għerf qistu aqwa mix-xettri u t-tronijiet, u ntbaħt li l-għana m’hu xejn ħdejh. Mulej, min qatt għaraf x’inhi r-rieda tiegħek jekk inti nnifsek ma tajtux l-għerf u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-Ispirtu qaddis tiegħek”. ~ Għerf 7:7-8; 9:17

220px-Thomas_Aquinas_in_Stained_GlassSAN TUMAS TA’ AQUINO
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
1225 – 1274

Tagħrif: San Tumas, magħruf bħala d-“Duttur Anġeliku” u l-“Prinċep tat-Teoloġi Kattoliċi”, għadda ħajja f’atmosfera ta’ talb u studju.

San Tumas twieled fil-Belt ta’ Aquino qrib Monte Cassino, fl-1225, minn familja nobbli. Hu kien is-seba’ wieħed fost ħames subien u ħames bniet. Ta’ ħames snin beda jmur għand il-Patrijiet Benedittini ta’ Monte Cassino biex jitgħallem l-iskola.

Fl-1239, meta kellu erbatax-il sena, daħal l-Universita’ ta’ Napli. Hemm iltaqa’ mal-Patrijiet Dumnikani, u daħal magħhom – ordni ddedikata prinċipalment għat-tagħlim u l-predikazzjoni..

Tal-familja ma riduhx isir patri Dumnikan. Fl-1224, ħutu, fuq ordni tal-ġenituri, qabduh u ġabuh lura d-dar bil-fors, u żammewh qisu priġunier f’wieħed mill-kastelli tal-familja, u għamlu minn kollox biex idawrulu fehmtu, bla ma rnexxielhom. Bil-għajnuna ta’ oħtu li kienet iġġiblu l-kotba, studja sew il-Bibbja u l-Filosofija.

Meta tawh il-liberta’ fl-1245, reġa’ ngħaqad mad-Dumnikani. F’Pariġi u f’Cologne huwa studja taħt San Albertu Manju. San Tumas għallem u ppriedka f’Pariġi, Orvieto, Ruma, Viterbo u Napli. Fl-1266, beda jikteb il-famuża Summa Theologiæ, iżda waqaf ħesrem fis-6 ta’ Diċembru 1273, meta kellu esperjenza profonda waqt li kien qed jitlob wara li qaddes. Meta xi ħadd staqsieh għaliex kien waqaf, wieġeb: “Dak kollu li ktibt jidher qisu tiben ħdejn dak li ġie rrelevat lili”. Hu ħalla ħafna kitbiet oħra li jixhdu l-kobor tal-għerf li bih kien imżejjen.

Qabel ma kien jibda xi studju, huwa kien l-ewwel isejjaħ l-għajnuna ta’ Alla fil-kontemplazzjoni u t-talb. Is-sintesi ta’ San Tumas taqbel ħafna mar-rivelazzjoni divina u mar-raġuni umana.

Huwa kien bniedem ta’ ħajja sempliċi, lest li jaqdi, silenzjuż u miġbur, b’mod li kien maħbub minn kulħadd. Aktar minn ħaddieħor hu kien jifhem l-istudju u x-xjenza bħala mezzi ta’ qdusija. Maħbub mill-poplu, kien jippreferi li jippriedka lin-nies foqra, bis-sempliċità u bonarjetà, anke aktar minn darba kuljum, kif jixhed l-ewwel kittieb tal-ħajja tiegħu.

San Tumas t’Aquino kien devot kbir tal-Ewkaristija. Lil dan il-qaddis nafu l-offiċjatura ta’ nhar il-festa ta’ Corpus Christi fejn insibu fost l-oħrajn il-famuż innu Lauda Sion, kif ukoll Pange Lingua, it-Tantum Ergo, O Salutaris Hostia, Adoro te devote u oħrajn.

Darba kien qed jitlob quddiem il-kurċifiss u sama’: “Ktibt tajjeb fuqi, Tumas. Xi trid bħala rigal?” San Tumas wieġeb: “Xejn ħlief lilek, Mulej!”

Il-qaddis miet ta’ 49 jew 50 sena fis-7 ta’ Marzu 1274, wara li rċieva l-vjatku, meta kien fi triqtu biex fuq talba tal-Papa Girgor X jieħu sehem fil-Konċilju ta’ Lyons.

Il-festa tiegħu ssir fit-28 ta’ Jannar b’tifkira ta’ meta fl-1368 il-fdalijiet tiegħu ttieħdu f’Toloża, fi Franza, b’ordni tal-Papa Urbanu V. Kien iddikjarat qaddis minn Ġwanni XXII fl-1323 u ddikjarat duttur tal-Knisja minn Piju V. Mis-snin li għaddew mill-kanonizazzjoni tiegħu, ebda għalliem ma kien hekk approvat minn Papiet u konċilji daqsu u huwa l-uniku duttur li l-Konċilju Vatikan II ppropona speċifikament bħala gwida intellettwali għas-saċerdoti u għall-istudenti universitarji. San Tumas huwa Patrun tal-iskejjel Kattoliċi.

Ħsieb: Nixtieq nibda b’talba mill-isbaħ ta’ San Tumas ta’ Aquino:

O Mulej Alla tiegħi, agħtini
moħħ biex nagħarfek,
qalb biex infittxek,
għerf biex insibek,
imġiba biex nogħġob lilek,
perseveranza determinata fl-istennija tiegħek,
u tama li fl-aħħar inħaddnek miegħi.
Ammen. 

Peress li San Tumas ta’ Aquino kien devot kbir ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, xtaqt ninkludi parti minn taħdita ta’ Dun Hector Scerri dwar strofa minn innu li kiteb hu, li saret fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta fl-Akkademja fil-100 Sena mill-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali (27 ta’ April 2013):

“F’telfa ta’ mħabba qawwija, tabilħaqq magħġuna ma’ kontemplazzjoni taħraq, mill-qalb saċerdotali u l-moħħ għaref ta’ San Tumas ta’ Aquino ħarġet l-għanja-talba magħrufa mill-kliem tal-ewwel vers tagħha, Adoro te devote – Jien nadurak bil-qima. Innu Ewkaristiku li ilu jitkanta minn ġenerazzjonijiet ta’ Nsara tul is-sekli. Innu li jesprimi fidi ħajja fil-Ġisem Veru u d-Demm Veru ta’ Ġesu’ Kristu Rxoxt, tassew preżenti sagramentalment għalina taħt ix-xbihat ta’ ħobż umli u nbid iħammar. Fis-sitt strofa, minn sebgħa, li fiha l-għanja, inkantaw:

Pie pellicane Iesu Domine,
O Ġesu’ hekk twajjeb, Pellikan qaddis
Me immundum munda tuo Sanguine:
Saffi Int lil qalbi b’demmek il-għażiż
Cuius una stilla salvum facere
Li b’qatra biss minnu, O Ġesu’ maħbub
Totum mundum quit ab omni scelere
Tista’ d-dinja kollha tnaddaf minn kull dnub.

Il-kelmtejn tal-bidu, li jiddu b’tifsir għoli: pie pellicane – O Pellikan qaddis, iqanqlu devozzjoni u mħabba ġewwa fina… imma, mhux biss! Kif se naraw, dan il-kliem għandu jqanqalna biex infasslu ħajjitna fuq l-eżempju li tana l-Pellikan qaddis.

Dan in-nom u l-aġġettiv – O Pellikan qaddis, pie pellicane – jeħtieġu ftit ta’ spjegazzjoni. Mijiet ta’ snin ilu, u anke fiż-żmien klassiku tal-Greċja u tal-Imperu Ruman, kienu jemmnu li dan l-għasfur, il-pellikan, kellu mġieba għal kollox partikulari. Meta ma kienx jirnexxilha ssib ikel għall-friegħ tagħha, il-pellikan omm kienet tqatta’ minn ġisimha stess biex huma jkollhom almenu dak il-ftit biex jitrejqu bih. Għalkemm ir-riċerka tax-xjenzjati u tal-ornitoloġi (i.e. dawk li jistudjaw bir-reqqa d-dinja tal-għasafar) tgħid, bla tlaqliq, li dan fil-fatt mhuwiex minnu, fl-istess ħin dan il-ħsieb, bir-raġun, ifakkar lill-Insara f’Ġesu’ Kristu. Ġesu’ tassew tana lilu nnifsu. Tana lilu nnifsu biex niekluh. Tana kollox!

O Ġesu’ hekk twajjeb, Pellikan qaddis, ikun l-eżempju tiegħek li jispirana. Ikun l-eżempju tal-għotja tiegħek li jagħtina l-qawwa biex kuljum aħna nitgħallmu ningħataw bħalek. Inti, fiċ-Ċenaklu, fuq il-Golgota, wara l-Qawmien, ħallejthom iqattgħu u jieklu minnek. U tħalli lilna nagħmlu l-istess. Meta nkunu fl-iskola tiegħek, aħna u nqattgħu u nieklu minnek, nimtlew bil-qawwa biex aħna wkoll insiru “ġisem li jingħata” u “demm li jixxerred”. Dik skola! O Ġesu’ hekk twajjeb, Pellikan qaddis, agħmel li l-Ewkaristija ssir il-ħajja tagħna, u l-ħajja tagħna Ewkaristija.

Aħna l-Maltin għandna idjoma mill-isbaħ. Dwar persuna ġeneruża li ma toqgħodx tkejjel miegħek, aħna ngħidu: “Dak, taqta’ u tiekol minnu”. Għal min, jekk mhux għal Ġesu’, joqgħod l-aktar dan il-kliem?! Iva, Ġesu’, l-Iben t’Alla li sar bniedem, li għallem in-nies, għamel il-mirakli, li sejjaħ in-nies biex ikunu dixxipli tiegħu billi jiċħdu lilhom infushom, jerfgħu salibhom u jimxu warajh, li bata passjoni ħarxa, miet u qam mill-imwiet… huwa tassew il-Pellikan qaddis.

Nistgħu naqtgħu u nieklu minnu mhux biex nieqfu hemm u npoġġu idejna fuq żaqqna. Naqtgħu u nieklu minnu biex hu jagħmel minnek persuna li ħaddieħor jista’ jaqta’ u jiekol minnek. Aħna nqimu lil Ġesu’ fl-Ewkaristija waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa”.

ĠESU’: TQATTA’ U TIEKOL MINNU! Imma attenti! Jeħtieġ inkunu preparati sew biex nirċievu dan is-Sagrament hekk kbir! San Pawl jgħidilna b’mod ċar:

“Mela kull min jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu, ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej. Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, mbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi. Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-ġisem tal-Mulej, ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess”. (1Korintin 11:27-29)

TKUN QED TITQARBEN ĦAŻIN: jekk int fid-dnub il-mejjet jew għandek ħsieb ĊAR li tidneb jew tmur kontra l-Vanġelu jew it-tagħlim tal-Knisja. F’dan il-każ, TITQARBINX qabel ma tindem b’sinċerita’ minn dnubietek kollha u tmur tirċievi l-maħfra tal-Mulej permezz tas-Sagrament tal-Ħniena (tal-Qrar). Din taplika għalija, għalik u għal kulħadd. Kulħadd inkluż u ħadd eskluż.

Fis-Sekwenza tas-Solennita’ ta’ Corpus Christi nsibu dan li ġej:

“Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;
imma ‘l dawk iġib il-ħajja,
lil dawn jixħet fit-telfien.

Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba
ara kif jinbidel fihom,
għalkemm jieħdu l-istess ikel”.

Talba: O Alla, inti tajtna f’San Tumas ta’ Aquino sinjal ċar ta’ ħeġġa għall-qdusija u ta’ ħerqa għat-tagħlim imqaddes; agħmel li nifhmu sewwa kull ma għallem u li nsiru nixbħuh fl-imġiba ta’ ħajtu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/january-28-saint-thomas-aquinas-priest-and-doctor/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-thomas-aquinas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_Aquinas

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.