29 ta’ Jannar: San Benild Romançon

Verżjoni Vidjo: San Benild Romançon

“Ir-raġuni tal-eżistenza tiegħi hija l-Apostolat Nisrani: Jekk ngħallem biss ix-xjenza u suġġetti oħra, inkun ħlejt ħajti u saħħti. Jekk immut ngħallem ir-Reliġjon, inkun mitt fl-aħjar żmien ta’ ħajti”. ~ San Benild Romançon 

d7YveFL4_400x400SAN BENILD
Brother ta’ San Ġwann Battista De La Salle
1805 – 1862

Tagħrif: (Minħabba li l-festa liturġika ta’ dan il-Brother taħbat fit-13 t’Awwissu, u dakinhar l-iskejjel ikunu bil-vaganzi, il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata llum)

Kien jismu Pierre qabel ma’ daħal Brother ta’ De La Salle. Twieled fl-14 ta’ Ġunju, 1805. Il-familja kienet tgħix mix-xogħol tar-raba’. Ommu rawmet fih devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija u lejn il-Madonna. Ta’ 12-il sena għamel l-Ewwel Tqarbina.

Ta’ 14-il sena talab biex jidħol Brother. Missieru heddu li jnaqqaslu sehmu mill-wirt jekk jitlaq mid-dar. Fl-1820, irċieva l-barka ta’ missieru u beda n-novizzjat. Wara sena ta’ formazzjoni, ġie mibgħut jgħallem u wara sentejn ġie mitlub jgħallem fi skola oħra. Brother Benild kellu jiffaċja tfal li kienu vjolenti, vandali u mimlijin qilla.

It-tagħlim tal-katekiżmu kien is-suġġett preferit tiegħu. Kien fl-1841 meta San Benild ġie mibgħut fir-raħal ta’ Saugues. Baqa’ hawnhekk sakemm miet fl-1862. Minbarra li kien il-kap tal-iskola, kien ukoll is-superjur tal-komunità. Speċjalità tiegħu kienet it-tħejjija tat-tfal biex jirċievu ’l Ġesù Sagramentat fl-Ewwel Tqarbina. Id-devozzjoni li nissel fil-qlub ta’ kulħadd lejn l-Ewkaristija u lejn il-Madonna wettqu mirakli fl-erwieħ.

Fl-20 sena li dam f’Saugues, aktar minn 265 vokazzjoni għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża stqarrew li kienu jafu l-vokazzjoni tagħhom wara Alla lill-Brother Benild.

Miet fit-13 ta’ Awwissu 1862 b’kankru fil-fwied meta kellu 57 sena. Il-Papa Pawlu VI ddikjarah qaddis fl-1967. Skola tal-Frères f’Tas-Sliema hija ddedikata lil San Benild.

Ħsieb: Dan li ġej hu parti mid-diskors tal-omelija fl-okkażjoni tal-Kanonizzazzjoni ta’ San Benild mill-Qaddis Papa Pawlu VI:

“Ħuti u wliedi, li issa se tqisu lil Brother Benild bħala figura eċċellenti, intom tagħmlu hekk għaliex tafu li matul ħajtu kien imżejjen bl-umiltà, bis-silenzju, bis-sempliċità li ma tantx kellhom valur fis-soċjetà li fiha sab ruħu. Intom issaqsu lilkom infushom, x’kienu l-kwalitajiet li taw valur lil din l-eżistenza moħbija tiegħu? It-tweġiba tiġi faċilment u immedjatament: il-qdusija tiegħu tinsab fit-tip ta’ ħajja li hu għex b’referenza totali għal Alla.

Kienet din it-tip ta’ ħajja, imdawwra totalment ma’ Alla,

  • totalment involuta fit-tweġiba tiegħu għall-vokazzjoni tiegħu,
  • assorbita totalment fit-talb u fl-osservanza tal-azzjonijiet xierqa għal ħajja ta’ reliġjuż,
  • totalment mimli bit-trasmissjoni tal-veritajiet kbar tar-reliġjon lill-imħuħ innoċenti ta’ studenti żgħar,
  • totalment dedikata għall-konverżazzjonijiet sempliċi u spontanja ma’ Alla, ma’ Kristu preżenti fl-Ewkaristija, ma’ Marija u Ġużeppi u l-qaddisin kollha.

Ma kinitx din ħajja karatteristika ta’ dan il-qaddis ġdid tagħna Benild? Xhieda fuqu li ntqalet repetutament hija din: Huwa kien jitlob il-ħin kollu, il-kuruna tar-rużarju qatt ma kien iħalliha minn idejh, u kienu jirreferu għalih bħala “r-raġel bil-kuruna tar-rużarju”. Iżda l-qdusija tiegħu kellha aspetti oħra. Kienet, nistgħu ngħidu, arti kif wieħed jgħix, bilanċ sabiħ ta’ żewġ prinċipji mħaddna, wieħed ir-rieda interjuri u l-ieħor ir-Regola esterjuri. Huma dawn li ttrasformaw l-eżistenza umli tiegħu f’fenomenu morali tas-sbuħija umana”.

Xtaqt inżid parti mill-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna lill-għalliema (18 ta’ Settembru 2017):

“Aħna nixtiequ li min imiss magħna jkollu esperjenza li televah, li tgħallmu, li tkabbru, li timmaturah, imma l-ewwel irridu naċċettaw lil dak li jkun bil-bagalja kollha tiegħu. Intom tafu li llum diversi tfal jiġu b’bagalja ta’ trawma, jew inkella bagalja tqila ħafna li lanqas jifilħu jġorruha; mhux qed ngħid għall-bagalja tal-kotba, imma għal dik tal-esperjenza tal-ħajja.

Il-ħidma li qed tagħmel mhuwiex biss xogħol imma missjoni, vokazzjoni. Inti msejjaħ biex tkun għalliem tal-ġenerazzjonjiet futuri u waqt li qed tagħmel hekk, se titqaddes anke bil-paċenzja li jkollok bżonn tieħu. Din se tkun it-triq tal-qdusija tiegħek u fl-istess ħin ukoll ikollok il-ferħ tara l-ġenerazzjonjiet futuri, li bil-ħidma tiegħek u ta’ sħabek flimkien, qed jikbru b’saħħithom, ferħanin, jieħdu pjaċir jiġu l-iskola, u mhux jgħidu uff xi dwejjaq!

Kultant tirrealizza wkoll li t-tfal, meta jaslu l-iskola, qed iħossuhom in ‘a safe environment’ għaliex abbli barra ma jħossuhomx safe. Dak huwa privileġġ kbir li inti bl-imħabba tiegħek, mingħajr ma ssir possessiv qed toffri lill-istudenti wkoll a safe environment, mhux biss fiżikament imma psikoloġikament, emotivament u anke spiritwalment”.

Ejjew niftakru nitolbu għall-għalliema kollha, b’mod speċjali dawk li jgħallmu r-Reliġjon Kattolika, il-Brothers, is-soċji tal-MUSEUM u bosta katekisti u mexxejja ta’ gruppi Kattoliċi oħra fid-diversi għaqdiet li jeżistu mxerdin mal-gżejjer tagħna. Dawn ħafna minnhom jagħmlu xogħol veru minn qalbhom, ġieli b’mod volontarju li huwa imprezzabbli kemm għall-Knisja, kif ukoll għas-soċjeta’ b’mod ġenerali. San Benild Romançon, itlob għalihom!

Sit b’Riżorsi għall-Katekisti u l-Għalliema tar-Reliġjon Kattolika:  http://frankbalzan.wixsite.com/katekisti/about

Talba: O Alla, int għażilt lil San Benild biex jagħti edukazzjoni nisranija lit-tfal u liż-żgħażagħ; qajjem fil-Knisja tiegħek Brothers u għalliema, nisa u rġiel, li jingħataw b’qalbhom kollha biex jedukaw lit-tfal u liż-żgħażagħ, sew bħala bnedmin u sew bħala nsara. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq  jew  biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.lasalle.org/en/who-are-we/lasallian-holiness/saint-benildus-romancon/

Alternative Reading: http://www.lasalle.org/wp-content/uploads/2011/07/13-August-Saint-BENILDUS.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benildus_Roman%C3%A7on

For children:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.