28 ta’ Frar: Beata Marija Caritas Brader

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Caritas Brader

“Aktar ma tkunu infurmati, aktar tistgħu tagħmlu ġid għar-reliġjon qaddisa tagħna u l-glorja t’Alla”. ~ Beata Marija Caritas Brader

mariacaridadMADRE MARIJA CARITAS BRADER
Fundatriċi
1860 – 1943

Tagħrif: Maria Josefa Carolina Brader twieldet f’Kaltbrunn fl-Isvizzera fl-14 ta’ Awwissu 1860. Missierha kien Joseph Sebastian Brader u ommha, Marija Anna Carolina Zahner. Maria Josefa Carolina kienet l-unika tifla li kellhom.

Maria Josefa kienet intelliġenti ħafna u fl-1880 ddeċidiet li minflok ma tmur l-Università tidħol mal-Franġiskani – u ħadet l-isem: Marija-Caritas (Karità). Fl-1882 għamlet l-aħħar voti mas-sorijiet tal-klawsura.

Fl-ewwel snin, b’permess speċjali, għallmet fl-iskola fejn kienet tmur bħala tifla u wara ftit laħqet kap ta’ din l-iskola. Wara ftit il-Papa ta l-fakultà li l-Ordnijiet tas-Sorijiet Klawstrali jistgħu joħorġu jgħallmu.

Ġara li ħafna isqfijiet fil-pajjiżi tal-Missjoni talbuhom biex jiftħu l-iskejjel. L-Isqof Pedro Schumacher tal-Ekwador talab lis-superjura Maria Hilf biex tibgħat xi sorijiet. Is-superjura stess, Madre Marija Bernarda Butler li ġiet ibbeatifikata fid-29 ta’ Ottubru 1995, flimkien ma’ ħames sorijiet fosthom Suor Marija Caritas, marru l-Ekwador.

Għal 5 snin Swor Marija Caritas kienet għalliema u katekista fil-belt ta’ Chone. Fl-1893 marret tagħmel appostolat fil-belt ta’ Tuquerres fil-Kolombja.

Bl-għajnuna ta’ saċerdot Ġermaniż, Father Reinaldo Herbrana, waqqfet kongregazzjoni, tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Marija Immakulata, li tagħha saret l-ewwel superjura. L-ewwel sitt sorijiet kienu mill-Isvizzera u wara bdew ġejjin tfajliet Kolombjani.

Kienet l-ewwel Superjura Ġenerali tal-Kongregazzjoni l-ġdida mill-1893 sal-1919 u wara mill-1928 sal-1940 reġgħet saret Superjura Ġenerali u matul dawn is-snin għamlet il-voti tad-djar fl-Amerika. Ta’ 80 sena talbet li ma tibqax Superjura.

Fis-27 ta’ Frar 1943 mietet fil-Belt ta’ Pasto fil-Kolombja. Fis-sena 2003, il-Papa Ġwanni Pawlu ll ibbeatifikaha.

Ħsieb: Meta Swor Marija Caritas, fl-1893 marret fil-belt ta’ Tuquerres fil-Kolombja. Iż-żona tal-appostolat kienet tinkludi t-territorju ta’ xatt il-baħar, il-muntanji għoljin tal-Andes u l-pjanura tal-għoljiet ta’ madwar l-Andes. In-nies kienu fqar immens u l-kundizzjonijiet tal-ħajja kienu perikolużi ħafna. Swor Marija Caritas kellha mħabba kbira għal dawn in-nies u għamlet minn kollox biex ittaffilhom il-problemi tagħhom.

Lis-sorijiet tagħha kienet tinkuraġġihom u tgħinhom biex jakkwistaw diplomi akkademiċi u kienet tgħidilhom:

“Aktar ma tkunu infurmati, aktar tistgħu tagħmlu ġid għar-reliġjon qaddisa tagħna u l-glorja t’Alla.”

Fuq kollox kienet tħabbrek biex jgħixu l-Ispirtu Franġiskan, u jgħożżu l-faqar biex ikunu jistgħu jgħinu lill-fqar u jkunu ta’ eżempju għalihom.

L-imħabba kbira tagħha lejn Ġesù fl-Ewkaristija wasslitha biex titlob u tikseb permess għall-Adorazzjoni Perpetwa tas-Sagrament Divin fil-kunvent. Hija ħalliet dan l-aktar teżor prezzjuż u qaddis fil-Kongregazzjoni tagħha flimkien ma’ rispett kbir lejn is-saċerdoti.

  • U int, tfittex li tmur ħdejn Ġesu Ewkaristija għal xi ħin ta’ Adorazzjoni?
  • Taf b’xi kappella tal-Adorazzjoni qrib ta’ fejn toqgħod int li forsi tkun miftuħa għal xi ħin tul il-jum?

(ara lista ta’ Kappellel tal-Adorazzjoni u sib dik l-aktar qrib tiegħek)

Talba: O Alla, li qaddist lil Swor Marija Caritas permezz tal-imħabba kbira li tajtha lejn il-persuni taħt il-kura tagħha, hekk li kienet tagħmel ħilitha kollha biex ittaffilhom il-problemi, agħtina l-kuraġġ biex nimxu fuq il-passi tagħha ta’ virtu’ u nkunu aħna wkoll ta’ għajnuna għal dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ bżonn. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-maria-caridad-brader-160

Alternative Reading: http://www.jeanmheimann.com/2017/02/blessed-maria-caridad-brader-foundress/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Josefa_Karolina_Brader

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Frar: San Gabrijel tal-Addolorata

Verżjoni Vidjo: San Gabrijel tal-Addolorata

“Meta Alla tani l-vokazzjoni tiegħi, Hu sawwab fuqi waħda mill-aqwa grazzji tiegħu. Jiena rrid inpattilu billi nagħtih l-aqwa ħaġa li għandi – l-imħabba kollha ta’ qalbi”. ~ San Gabrijel tal-Addolorata

gabriel8SAN GABRIJEL TAL-ADDOLORATA
Reliġjuż
1838 – 1862

Tagħrif: Twieled f’Assisi fl-1 ta’ Marzu 1838 u għammduh fl-istess jum u semmewh għal San Franġisk. Missieru, Sante Possenti, li bħala gvernatur tal-Istati Pontifiċji ħtieġlu jiċċaqlaq minn post għall-ieħor, fl-aħħar mar joqgħod għal kollox fi Spoleto.

Fil-kulleġġ ta’ Spoleto, Franġisk kien maħbub ħafna minn sħabu. L-ewwel f’ħafna suġġetti, jinteressa ruħu fit-teatru u fil-kaċċa u kien iħobb ukoll il-ballijiet.

Iżda b’għaġeb kbir għan-nies ta’ Spoleto, fil-21 ta’ Settembru 1856, l-għada tal-gradwazzjoni tiegħu, ta’ 18-il sena, telaq biex jibda n-novizzjat mal-Patrijiet Passjonisti f’Morrovalle, u għażel l-isem ta’ Gabrijel tal-Addolorata. Sena wara għamel il-professjoni reliġjuża. Fin-novizzjat, sar mudell tal-osservanza u tal-perfezzjoni għal kulħadd.

Imma l-qaddis miet fis-27 ta’ Frar 1862 bil-marda tat-tiżi. F’Isola del Gran Sasso, fl-Italja, tlett ijiem qabel ma għalaq erbgħa u għoxrin sena, meta kien għadu rċieva biss l-ordnijiet minuri u kien kważi lest għas-saċerdozju.

San Gabrijel tal-Addolorata ġie ddikjarat Beatu minn San Piju X fl-1908 u fost dawk preżenti għall-okkażjoni, kien hemm dik li darba kienet in-namrata tiegħu. Il-Papa Benedittu XV ikkanonizzah fit-13 ta’ Mejju 1920.

Il-fdal tiegħu jinsab meqjum fil-Bażilika ddedikata lilu f’Isola del Gran Sasso, tal-Patrijiet Passjonisti. Huwa ġie msejjaħ San Alwiġi ta’ żmienna u mudell taż-żgħażagħ.

Ħsieb: Hu bena l-qdusija tiegħu prinċipalment fuq żewġ pilastri: id-devozzjoni lejn il-Madonna u r-rebħa totali tiegħu nnifsu permezz ta’ attenzjoni għall-ħwejjeġ żgħar. Huwa kiteb:

“Meta Alla tani l-vokazzjoni tiegħi, Hu sawwab fuqi waħda mill-aqwa grazzji tiegħu. Jiena rrid inpattilu billi nagħtih l-aqwa ħaġa li għandi – l-imħabba kollha ta’ qalbi.”

F’waħda mill-ittri tiegħu kiteb:

“Il-ġenna tiegħi huma d-duluri tal-maħbuba ommi Marija.”

F’ittra oħra stqarr kemm kien iħossu hieni fil-ħajja reliġjuża tiegħu u jgħid li, kieku ż-żgħażagħ kellhom ikunu jafuh dan, żgur li kienu jagħżlu lilha u mhux il-pjaċiri tad-dinja li jgħaddu f’tebqa ta’ għajn.

Huwa kellu tentazzjonijiet kbar biex iżeblaħ ‘l Alla u biex ma jemminx. Fl-aħħar lejl qabel miet hu ġarrab id-dlam tas-Salib, iżda l-aħħar siegħa kienet waħda ta’ paċi kbira hekk kif hu qabad ix-xbieha favorita ta’ Marija Addolorata u sejjaħ isimha.

San Gabriel huwa notevoli għaliex wasal hekk malajr għall-perfezzjoni minn ħajja ta’ eċċess, iddedikata għall-pjaċiri ta’ din id-dinja, għal ħajja marbuta mal-Passjoni ta’ Sidna.

U ladarba, San Gabriel kellu devozzjoni kbira lejn Omm Marija Addolorata, tajjeb li ninkludi xi talb u riflessjonijiet dwarha, għall-meditazzjoni u l-użu tagħkom:

TALB U RIFLESSJONIJIET DWAR ID-DULURI TA’ MARIJA

Talba: O Alla Missier, aħna lkoll bħal San Gabrijel tal-Addolorata nistgħu nħobbu lil Ġesu’ tant li nżommuh bħala l-Maħbub Divin tar-ruħ tagħna u norbtu qalbna miegħu biss, hekk li nibqgħu fidili lejH sal-aħħar ta’ ħajjitna, twila kemm tkun twila. Nitolbuk dan bl-istess Ibnek u Sidna Ġesu. Ammen.

English Version: http://vultuschristi.org/index.php/2007/02/feast-of-saint-gabriel-of-the-addolorata/

Alternative Reading: https://www.findagrave.com/memorial/138877055/gabriel_of_our_lady_of_sorrows-possenti

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gabriel_of_Our_Lady_of_Sorrows

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ Frar: Santa Anna Line

Verżjoni Vidjo: Santa Anna Line

“Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ Lili, … u kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax huwa dixxiplu, tassew nghidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”. ~ Ġesu’ f’Mattew 10: 40,42

St_Anne_LineSANTA ANNA LINE
Martri
c. 1565 – † 1601

Tagħrif: Din hija waħda mill-40 martri Ingliżi li l-Qaddis Papa Pawlu VI kkanonizza flimkien fl-1970. Hi u żewġha huma eżempju erojku ta’ dedikazzjoni minn lajċi fi żmien ta’ persekuzzjoni.

Anna née Heigham kienet bint ġenituri Kalvinisti akkaniti; ikkonvertiet għar-reliġjon Kattolika flimkien ma’ ħuha meta kien għad ma kellhiex 20 sena. Minħabba f’hekk it-tnejn kienu maqtugħin mill-wirt.

Fl-1585, meta hi kellha dsatax-il sena, iżżewġet lil Roger Line, ikkonvertit tal-età tagħha li malajr ġie arrestat għax kien imur għall-quddies. Huwa wkoll kien ġie maqtugħ mill-wirt u miet fl-eżilju fi Fjandra fl-1594.

Anna sabet ruħha f’faqar kbir u bdiet tieħu ħsieb dar kbira f’Londra, li Fr. John Gerard, Ġiżwita, kien fetaħ biex jilqa’ fiha lill-qassisin fiz-żmien tal-persekuzzjoni Protestanta.

Minkejja s-saħħa dgħajfa tagħha, Anna kienet tagħmel kollox f’din id-dar, tant li kienu laqqmuha s-“Sinjura Marta”. Hi wriet li kienet mara ta’ kapaċità, diskreta, u ġentili. Fil-ħin liberu tagħha kienet tgħallem lit-tfal u taħdem ir-rakkmu.

Wara l-ħarba famuża ta’ Fr. Gerard mit-Torri ta’ Londra fl-1597, hi marret f’dar oħra. Biex id-dedikazzjoni tagħha tkun permanenti u aktar kompleta, Anna ħadet il-voti ta’ faqar, kastità u ubbidjenza u, minkejja l-periklu, nuqqas ta’ saħħa u uġigħ ta’ ras kważi kontinwu, kienet tgawdi paċi kbira.

Il-folla kbira li nġabret filgħodu kmieni nhar il-Kandlora tas-sena 1601 qanqlet suspett, u meta waslu l-pulizija, il-qassis kien diġà ħarab, imma sabu kamra mimlija nies u kollox lest għall-quddiesa. Anna ġiet arrestata u mitfugħa l-ħabs.

Fis-26 ta’ Frar hi kienet akkużata li laqgħet għandha saċerdot: il-prova prinċipali kien l-altar li nstab fid-dar. Instabet ħatja u kkundannata għall-mewt; qatluha l-għada.

Meta ġiet ikkundannatha għall-mewt, hi laqgħet is-sentenza tagħha bil-ferħ għax hi kienet spiss tgħid lil Fr. Gerard: “Jien nixtieq, aktar minn kollox, li mmut għal Kristu.”

Lill-folla li nġabret f’Tyburn hija qaltilhom:

“Jiena ġejt is-sentenzjata għall-mewt għax tajt kenn lil qassis Kattoliku, u tant m’għandix indiema li għamilt hekk li b’qalbi kollha nixtieq li flok wieħed nilqa’ elf.”

Imbagħad hija bieset il-forka, qagħdet għarkopptejha u bdiet titlob. Kellha biss xi 35 sena.

Hija ġiet iddikjarata Beata mill-Papa Piju XI fil-15 ta’ Diċembru, 1929, u kkanonizzata bħala martri fil-25 ta’ Ottubru 1970, mill-Papa Pawlu VI.

Santa Anna Line tista’ titqies bħala mudell u patruna tan-nisa li jieħdu ħsieb id-djar tas-saċerdoti.

Ħsieb: Il-Mulej Ġesu’ wiegħed premju lil kull min jagħti mqar “tazza ilma frisk” (Mattew 10:40,42) lill-missjunarji tiegħu. Anna Line tat aktar għan-nom tas-saċerdozju – tat il-ħajja tagħha stess. Forsi ma tantx għad hawn min għadu japprezza l-kobor tas-saċerdozju fiż-żminijiet tal-lum, għax ix-xitan qed jagħmel minn kollox biex minħabba xi ftit minnhom, jagħti reputazzjoni ħażina lil kollha kemm huma. Is-saċerdoti qieshom l-ajruplani, meta jaqa’ wieħed, id-dinja kollha ssir taf b’dan. Imma kemm iwasslu erwieħ fid-destinazzjoni tagħhom li hija s-Sema, dan ma jixxandarx?

Min hu s-Saċerdot? 

Ejjew naħsbu għal ftit mumenti fuq il-kobor tas-Saċerdozju fil-Knisja:

  • fuq il-qawwa tas-saċerdoti li jaħfru d-dnubiet f’isem Alla,
  • fuq is-setgħa li jikkonsagraw sempliċi ħobż fil-Ġisem, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Sidna Ġesu’ Kristu,
  • fuq ir-responsabbilta’ tremenda tas-saċerdoti fejn jidħol id-destin etern tal-erwieħ immortali li huma fdati f’idejhom,
  • li huma għandhom jigwidaw lill-erwieħ billi jxandrulhom il-Verita’ Sħiħa u jwissuhom biex iżommu fit-triq id-dritta tal-Kmandamenti t’Alla.

Issa, is-Sagrament tal-Ordni Sagri huwa wieħed mit-tliet Sagramenti li bniedem jista’ jirċievi darba biss, għax dawn iħallu siġill dejjiemi fir-ruħ ta’ min jirċevihom.

Minħabba l-effett kbir u l-influenza sinifikanti fuq il-ħajja tal-bniedem, il-Knisja tpoġġi persuni bħala għajnuna, anki meta dawn is-sagramenti jirċevihom adult.

  • Fejn, mela, nistaqsi, huma l-isponsers għas-saċerdot?
  • Huwa din il-grazzja mhux tqila biżżejjed biex jistħoqqilha dan is-sapport?

Ċertament li l-Mulej fada lis-saċerdoti kollha tiegħu ma’ San Ġwann f’idejn il-merti tal-Omm Imbierka taħt is-salib! Imma hi ma tkunx ferħana li jkollha llum iben jew bint li jgħinuha f’din ir-responsabbilta’ permezz ta’ interċessjoni, sagrifiċċji u kull xorta ta’ għajnuna lis-saċerdoti li huma l-ulied ta’ qalbha? Ċertament li ħadd m’għandu dubji dwar dan.

X’sejħa nobbli hi din li wieħed jilqa’ fuqu l-missjoni li jissapportja lil xi saċerdoti, billi jgħinhom fir-responsabbilta’ mmensa tagħhom fejn jidħlu l-affarijiet qaddisa t’Alla f’dinja dejjem iżjed sekularizzata. Tissapportjahom bit-talb speċjali tiegħek, biċ-ċaħdiet żgħar jew kbar li inti toffri lill-Mulej għalihom, b’offerta b’imħabba tad-diffikultajiet li ġġib magħha l-ħajja tiegħek ta’ kuljum u flimkien ma’ għajnuna prattika fil-parroċċi, knejjes, kappelli, djar, kunventi, skejjel, sptarijiet u postijiet oħra fejn is-saċerdoti jkunu qed iwettqu l-appostolat tagħhom. F’dan int tassew iben u bint is-Sinjura! F’dan int tassew għajnuna xierqa għas-saċerdoti.

Il-Mulej wiegħed: “Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ Lili, … u kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax huwa dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu.” (Mattew 10:40,42)

J’Alla il-ħlas tal-Mulej ikun il-grazzja li int ikollok dejjem saċerdot li jagħtik kuljum lil Ġesu’ fis-Sagrament Imqaddes u fl-aħħar ta’ ħajtek ferħ etern.

(ara Channel fuq Youtube b’Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti)
(ara Ktieb ta’ Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti)
(ara kif tista’ tkun Omm Spiritwali għas-Saċerdoti – Fr Hayden Williams OFM Cap)

Talba: Għinna Mulej, għat-talb ta’ Santa Anna Line, biex nerġgħu inqajmu fina u fl-oħrajn reverenza lejn is-Saċerdozju fil-Knisja, li Inti fil-ħniena tiegħek waqqaft biex minnu nirċievu l-grazzji tiegħek. Agħmel li naslu biex nagħtu s-sapport tagħna lis-saċerdoti tiegħek, bit-talb u bl-offerta tas-sagrifiċċji tagħna ta’ kuljum, b’għajnuna fil-prattika fil-parroċċi u fil-postijiet kollha fejn is-saċerdoti jkunu qed iwettqu l-appostolat tagħhom. Għinna ngħinuhom ikunu saċerdoti qaddisin! Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/st-anne-line-d-1601-2/

Alternative Reading: http://www.newadvent.org/cathen/09270b.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anne_Line

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Frar: Beata Adeodata Pisani

Verżjoni Vidjo: Beata Adeodata Pisani

Mulej, kull min jitbiegħed minnek jintilef. Jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla; f’Sidi l-Mulej qegħedt il-kenn tiegħi. Min jingħaqad mal-Mulej huwa spirtu wieħed miegħu”. ~ Salm 72(73):27a. 28a; 1 Korintin 6:17 

25-Beata Maria Adeodata Pisani-25BEATA ADEODATA PISANI
Verġni u Reliġjuża
1806 – 1855

Tagħrif: Twieldet Napli fid-29 ta’ Diċembru 1806 u ngħatat l-isem ta’ Marija Tereża. Missierha kien mogħti għax-xorb u l-ġenituri tagħha kellhom jinfirdu meta l-beata kienet tarbija, u hi trabbiet minn omm missierha, iżda din mietet meta l-beata kellha għaxar snin. Hi ntbagħtet f’kulleġġ tal-bniet f’Napli sakemm għalqet 17-il sena.

Sentejn wara, ġiet Malta għal kollox flimkien ma’ ommha u marru joqogħdu r-Rabat. Ommha kemm-il darba ppruvat issibilha għarus biex tiżżewweġ, iżda Marija Tereża qatt ma riedet. Ma’ missierha ltaqgħet bosta drabi u dejjem ġabitlu rispett. Ħafna kienu jammiraw il-ħajja eżemplari tagħha u ċerta qdusija diġà kienet bdiet tidher fiha.

Marija Tereża kienet issib l-għaxqa tagħha titlob fil-knisja ta’ San Mark, li l-Agostinjani għandhom fir-Rabat. Kien proprju f’dil-knisja quddiem ix-xbieha tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, li ħasset is-sejħa li tidħol soru. Marija Tereża daħlet fil-monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-1828 meta kellha 22 sena. Hawn ingħatat l-isem ta’ Marija Adeodata u fit-8 ta’ Marzu 1830 hi għamlet il-professjoni reliġjuża solenni.

Fl-1851 intgħażlet bħala Badessa u fi żmienha mexxiet riforma fil-ħajja komunitarja b’ħarsien aktar bir-reqqa tar-regola. Dak li setgħet tiddisponi minnu qassmitu lill-foqra li kienu jħabbtu l-bieb tal-monasteru. Il-beata baqgħet imsemmija għall-ispirtu ta’ talb u sagrifiċċju. Mietet fil-25 ta’ Frar 1855 fil-għomor ta’ 49 sena.

Hija ġiet ibbeatifikata nhar id-9 ta’ Mejju, 2001 mill-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon.

Ħsieb: Swor Marija Adeodata Pisani għaddiet il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitha bħala xbieha mill-aqwa ta’ konsagrazzjoni reliġjuża Benedittina fil-Monasteru ta’ San Pietru. It-talb, l-ubbidjenza, is-servizz lejn ħutha s-sorijiet u l-maturita’ fil-qadi tad-dmirijiet tagħha: dawn kienu jiffurmaw il-ħajja qaddisa u fis-skiet ta’ Marija Adeodata. Moħbija fil-qalba tal-Knisja, qagħdet f’riġlejn il-Mulej tisma’ t-tagħlim tiegħu (ara Luqa 10:39), filwaqt li daqet dak li jibqa’ għal dejjem (ara Kolossin 3:2). Bit-talb, bix-xogħol u bl-imħabba, saret nixxiegħa ta’ dak il-frott spiritwali u missjunarju li mingħajru l-Knisja ma tistax tippriedka l-Evanġelju ta’ Kristu, għax il-missjoni u l-kontemplazzjoni ma jgħaddux mingħajr xulxin.

Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II jgħid hekk dwarha:

“L-eżempju qaddis ta’ Swor Adeodata żgur għen biex iġib ‘il quddiem it-tiġdid tal-ħajja reliġjuża tal-Monasteru tagħha. Nixtieq nirrikmanda għall-interċessjoni tagħha intenzjoni speċjali tiegħi. Dan l-aħħar sar ħafna biex il-ħajja reliġjuża tadatta ruħha għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu fil-ħajja tal-lum, u s-siwi ta’ dan jidher fil-ħajjiet ta’ ħafna nisa u rġiel reliġjużi. Iżda hemm bżonn tiġdid tal-apprezzament tar-raġunijiet teoloġiċi profondi għal din il-forma speċjali ta’ konsagrazzjoni. Għadna qed nistennew il-frott sħiħ tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II fuq il-valur traxxendentali ta’ dik l-imħabba speċjali ta’ Alla u ta’ l-oħrajn li twassal għall-ħajja tal-voti tal-faqar, kastita’ u ubbidjenza. Nirrikmanda lill-irgiel u lin-nisa ta’ ħajja kkonsagrata l-eżempju ta’ maturita’ u ta’ responsabbilta’ personali li kienu jidhru b’mod tant sabiħ fil-ħajja tal-Beata Adeodata.”

U dan diskors mill-omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Frar 2015):

“Illum niftakru fil-Beata Adeodata Pisani li bħal-lum niċċelebraw it-tifkira liturġika tagħha imma din l-imbierka soru tal-klawsura tal-monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina, ħafna drabi, peress li tiġi ċċelebrata fir-Randan, ninsewha. Adeodata Pisani għexet fil-kunvent tal-klawsura l-Imdina bħas-sorijiet li kienu jitolbu f’din il-kappella, mijiet ta’ snin ilu, ingħatat kollha kemm hi għall-ministeru tat-talb u tal-penitenza u sabet it-triq tal-imħabba sabiħa.

Aħna m’aħniex fil-klawsura, qegħdin fid-dinja, aħna wkoll irridu nsibu t-triq tal-imħabba sabiħa billi nagħtu ħajjitna skont l-istat tagħna.

  • Min hu miżżewweġ jagħti ħajtu fl-imħabba skont l-istat ta’ miżżewweġ u jitlob għall-grazzja tal-fedeltà.
  • Min hu armel jgħix il-vokazzjoni tiegħu, kultant ta’ solitudni, billi jfittex li fil-knisja jkun preżenza ta’ għerf, ta’ għaqal u ta’ tama, mhux jingħalaq waħdu.
  • Min hu żagħżugħ igawdi l-ħajja mingħajr ma jitkisser jew ikisser lil ħaddieħor, imma jitlob li jkollu vokazzjoni li tkun ta’ ġid għal kulħadd inkluża għalih innifsu.
  • Min hu saċerdot u min hu Isqof iqis li l-imħabba tiegħu jgħixha billi jagħti ħajtu għall-merħla.

U hekk nitolbu lill-Beata Adeodata Pisani biex titlob għalina ħalli nħarsu lejn il-ħniena ta’ Alla u nagħmlu kuraġġ”.

(ara informazzjoni dwar is-Sorijiet Benedittini tal-Monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina)

Talba: O Alla, għajn ta’ kull ġid, inroddulek ħajr li fil-Beata Marija Adeodata, tajtna mudell ta’ ħajja qaddisa. Mimlija b’imħabbtek, għaddiet ħajjitha fit-talb, fiċ-ċaħda tagħha nnifisha, u fil-ħarsien tar-Regola ta’ San Benedittu fis-skiet tal-Monasteru. Agħmel Mulej, li kif f’ħajjitha l-Beata Marija Adeodata għenet tant lill-oħrajn, hekk issa bl-interċessjoni tagħha tgħinna ngħixu ħajja qaddisa mibnija fuq it-talb, l-imħabba tal-proxxmu, u t-twettiq tar-rieda tiegħek hekk kif għexet hi għall-imħabba tiegħek u ta’ Ommna l-Verġni Marija. Ammen.  

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-maria-adeodata-pisani-158

Alternative Reading: https://www.ewtn.com/footsteps/BL_Maria_Adeodata_Pisani.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Adeodata_Pisani

Beatifikazzjoni ta’ Swor Adeodata Pisani, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ Frar: San Ethelbert

Verżjoni Vidjo: San Ethelbert

“Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut”. ~ Ġesu’ f’Luqa 4:43

StEthelbertSAN ETHELBERT
Re ta’ Kent
? – †616

Tagħrif: Ethelbert inħatar Re ta’ Kent fil-560, u estenda s-setgħa tiegħu għan-naħa ta’ isfel tal-Ingilterra. Huwa żżewweġ lill-prinċipessa nisranija Bertha, bint Charibert Re tal-Franki. B’hekk daħlet għall-ewwel darba l-fidi nisranija fl-Ingilterra Anglo-Sassona għaliex missier Bertha insista li bintu tkun tista’, bil-libertà, tipprattika t-twemmin tagħha f’dak il-pajjiż.

Meta Santu Wistin ta’ Canterbury wasal l-Ingilterra, fil-597, flimkien mal-40 irħieb Benedittini li kienu ntbagħtu hemm mill-Papa San Girgor il-Kbir, hu kellu merħba sabiħa mir-Re Ethelbert minkejja li sa dak iż-żmien kien għadu pagan, u tahom is-setgħa li jippriedkaw il-Vanġelu kemm iridu.

Imqanqal mill-eżempju tal-fidi ta’ martu, kif ukoll mill-ħeġġa ta’ Santu Wistin u l-irħieb tiegħu, Ethelbert għażel li jħaddan il-fidi nisranija, u rċieva l-magħmudija nhar l-Għid il-Ħamsin tal-istess sena (597) minn idejn Santu Wistin. Dan jixhdu wkoll San Beda l-Venerabbli. B’hekk Ethelbert sar l-ewwel Re nisrani ingliż, u minn dak inhar ‘il quddiem ta s-sapport tiegħu għall-kawża ta’ Kristu fis-saltna tiegħu.

Kontra s-slaten ta’ żmienu li kienu jimponu t-twemmin tagħhom fuq is-sudditi tagħhom, Ethelbert kien ħalla lis-sudditi fil-libertà jekk iħaddnux il-fidi li issa beda jħaddan hu, għaliex kien iżomm li l-konverżjoni permezz tal-konvinzjoni kienet l-unika vera konverżjoni, u inkoraġġixxa l-ħidma tal-missjunarji nsara. Għad li ma sforza lil ħadd isir nisrani bilfors, kienu ħafna mis-sudditi tiegħu li saru nsara fis-saltna tiegħu, li kienet tikkomprendi l-parti kbira tal-Ingilterra. Kien il-fundatur tal-katidrali ta’ Canterbury.

San Ethelbert kien kontinwament ħsiebu biex iġib ‘il quddiem il-ġid tal-poplu tiegħu. Huwa ħareġ liġijiet siewja li baqgħu miżmumin b’għożża fl-Ingilterra fiż-żminijiet li ġew wara. Huwa ħabrek biex jeqred il-paganiżmu fis-saltna tiegħu, u kien mezz biex ukoll ikkonverta Sebert, ir-Re ta’ East Saxony, flimkien man-nies tiegħu, kif ukoll lil Redwald, Re ta’ East Anglia.

San Ethelbert miet fl-24 ta‟ Frar 616, wara li kien ilu re 56 sena, u ġie midfun fl-abbazija ta’ San Pietru u San Pawl ta’ Cantebury maġenb Santu Wistin, l-ewwel arċisqof ta’ dik il-Belt.

Ħsieb: Interessanti li wieħed jinnota li dan ir-Re qaddis, Ethelbert ma mponiex ir-Relġjon Nisranija fuq is-sudditi tiegħu, imma ħallihom fil-libertà jekk iħaddnux il-fidi li issa beda jħaddan hu, għaliex għaraf li l-konverżjoni permezz tal-konvinzjoni kienet l-unika vera tweġiba għas-sejħa ta’ Alla. Alla huwa mħabba u t-tweġiba għal din l-imħabba tiegħu, ma tistax tkun ħlief imħabba libera. Fil-lingwa tal-imħabba, ma jistgħux jeżistu l-kundizzjonijiet u t-theddid li jqanqlu l-biża’. Il-biża’ mhux ġejja minn Alla.

Għalkemm il-Knisja, tibqa’ ssostni li hija universali, jiġifieri li tilqa’ u tħaddan lil kulħadd, imma dan ma tagħmlux bil-forza! Il-missjoni tal-Knisja hi li xxandar il-Verita’ tal-Vanġelu, l-unika Triq li twassal għas-salvazzjoni tal-bnedmin, għax twassal għand Kristu li Hu l-Awtur tas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Imma, bħal Kristu, li b’ġentilezza jibqa’ jħabbat fuq il-bieb ta’ qlubna u jistenna biex niftħulu, jekk niftħulu, il-Knisja wkoll tħalli l-bniedem liberu li jagħmel id-deċiżżjoni tiegħu/tagħha.

Innotaw, li fil-Vanġeli, huwa Ġesu li jagħżel lid-dixxipli – hekk ukoll Hu jagħżel lilna – Huma laqgħu s-sejħa tiegħu u “Minnufih telqu x-xbiek u marru warajh..” Kemm hawn nies li jiġu msejħa iżda jagħżlu li ma jwieġbux għal din is-sejħa? F’passaġġ mill-Vanġelu ta’ San Ġwann 10:26-27, insibu: “Iżda intom ma temmnux għax m’intomx min-nagħaġ tiegħi. In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja”. Ġesu ma jgħidx in-nagħaġ jisimgħuni imma “in-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni..”

F’passaġġ ieħor minn Mattew 10:14 Ġesu’ jgħid lid-dixxipli: “Jekk imbagħad xi ħadd ma jilqagħkomx u ma jismax minn kliemkom, oħorġu ‘l barra minn dik id-dar jew belt u farfru sat-trab ta’ saqajkom.” L-għażla li nimxu wara Ġesu trid tkun għażla ħielsa. Aħna rridu nitfgħu ż-żerriegħa u nħallu lil Alla jsaqqiha. Imma jekk insibu min jagħlqilna l-bieb ma jfissirx li l-missjoni tagħna spiċċat. Ġesu qal: “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut.” (Luqa 4:43).

Kull min hu nisrani għandu l-istess missjoni – li jxandar l-Evanġelju … dan nistgħu nagħmluh bil-kelma u/jew bl-għemil. Billi ngħinu lil min hu fil-bżonn. Ma kinitx faċli għal Ġwanni u Ġakbu illi jħallu lil missierhom warajhom; infatti nsibu l-isem ta’ missierhom Żebedew msemmi darbtejn f’dan il-passaġġ … hawn l-Evanġelista jrid juri li l-għajta ta’ Ġesu hi dik li għandha tiġi l-ewwel f’ħajjitna. 

  • U int, kemm qed tħalli l-għajta ta’ Ġesu’ tkun il-preorita’ f’ħajtek?
  • Meta l-Mulej iħabbatlek fuq il-bieb ta’ qalbek, iddaħħlu minnufih ħa tara xi jrid mingħandek jew tħallih jistenna, jistenna, u jistenna … ? (Ftakar li mhux ser jibqa’ jistenna għal dejjem)
  • Kemm qed tħalli lil Ġesu jibdlek f’persuna aħjar, b’fidi aqwa, bi qdusija dejjem akbar, bħalma għamel San Ethelbert, ħalli int umbagħad tkun ta’ dawl biex jinbidel ħaddieħor?

Talba: Alla tal-Ħolqien, li ffurmajt l-umanità mill-art fertili: Agħtina li aħna, fuq l-eżempji tajbin tar-Reġina Bertha u r-Re Ethelbert, nistgħu nirċievu bil-ferħ u nieħdu ħsieb iż-żerriegħa tal-Fidi li rċevejna u nxandu l-Aħbar Tajba tal-Vanġelu lil kulħadd, għat-tkattir tas-Saltna tiegħek fuq l-art. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.christianity.com/church/church-history/timeline/601-900/ethelbert-1st-christian-king-of-kent-11629721.html

Alternative Reading: https://catholicexchange.com/st-ethelbert

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/%C3%86thelberht_II_of_East_Anglia

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

23 ta’ Frar: San Polikarpu

Verżjoni Vidjo: San Polikarpu

“Lill-Anġlu tal-Knisja li hemm fi Żmirna iktiblu hekk: Dan jgħidlek dak li hu l-Ewwel u l-Aħħar, li kien mejjet u reġa’ ħaj: Jiena naf it-taħbit u l-faqar tiegħek għad li inti għani. Ibqa’ fidil sal-mewt, u jiena nagħtik il-kuruna tal-ħajja. Tibżax minn dak li jkollok issofri: ara, id-demonju se jixħet lil xi wħud minnkom fil-ħabs biex iġarrabkom”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Polikarpu

th2_스미르나의성폴리카르포21.jpgSAN POLIKARPU
Isqof u Martri
59 – 155

Tagħrif: L-atti awtentiċi ta’ dan il-martri famuż kienu miktuba mill-Knisja ta’ Żmirna u huma dokument importanti fl-istorja tal-knisja tal-bidu.

San Polikarpu kien żagħżugħ meta ġie mgħammed minn San Ġwann l-Evanġelista u sar dixxiplu tiegħu f’madwar is-sena 80.

Meta kellu 37 sena, ġie kkonsagrat Isqof ta’ Żmirna, minn San Ġwann stess, probabbilment qabel ma kien eżiljat f’Patmos, fis-sena 96. Polikarpu mexxa l-Knisja ta’ Żmirna għal 70 sena, u fost id-dixxipli tiegħu nsibu lil San Irenew u lill-kittieb Papija.

San Irenew ħalla miktub li San Polikarpu kien jaf personalment lil San Ġwann u lill-oħrajn li kienu raw lill-Mulej.

Waħda mill-avvenimenti kbar f’ħajtu, kienet li f’madwar is-sena 155, meta kellu iktar minn 96 sena, ftit qabel ma miet, mar Ruma biex f’isem il-Knisja tal-Lvant jiddiskuti mal-Papa San Aniċetu, it-twaqqif tal-jum tal-festa tal-Għid il-Kbir, u ddeċidew li ż-żewġ Knejjes jiċċelebraw l-Għid għal rashom, skont l-użanzi rispettivi tagħhom.

Taħt l-imperaturi Lucius Virus u Marcus Aurelius, il-qaddis kien arrestat u meħud quddiem il-prokonslu. San Polikarpu kien miġjub quddiem Kwadratu li kien Prokonslu tal-Asja, u kkundannah għall-mewt billi jaħarquh.

Meta ġie mitlub biex jiċħad lil Ġesù, wieġeb: “Jien ili 86 sena li sirt nafu, ħabbejtu u servejtu, u Hu qatt ma naqasni. Kif nista’ niċħdu issa!”

Talli ma riedx jiċħad lil Kristu, hu kien ikkundannat għall-mewt billi kien mitfugħ fin-nar. L-awturi tal-atti tiegħu, li jgħidu li kienu xhieda ta’ dak li kitbu, jsemmu l-fatt li l-fjammi tan-nar ma messewhx, imma ffurmaw bħal arkata fuq rasu. Minħabba f’hekk Polikarpu kien maqtul bix-xabla.

Il-mewt tiegħu ġrat fit-23 ta’ Frar, għall-ħabta tas-sena 166. Ġismu ġie maħruq, imma xi għadam tiegħu nġabar b’devozzjoni mill-insara u llum jinsab ppreservat fil-knisja ta’ San Ambrogio in Massimo, f’Ruma.

San Polikarpu hu wieħed mill-Padri Appostoliċi. Ir-rakkont tal-martirju tiegħu, l-ittra tiegħu lill-Filippin u l-ittra li San Injazju ta’ Antjokja kitiblu, huma fost l-aktar dokumenti prezzjużi tal-knisja bikrija.

Ħsieb: Qari minn Ittra tal-Knisja ta’ Żmirna fuq il-martirju ta’ San Polikarpu:

“Meta kollox kien imħejji għall-ħuġġieġa, Polikarpu neża’ ħwejġu, ħall il-ħżiem, u għamel kif seta’ biex ineħħi wkoll il-qorq minn riġlejh, ħaġa li ma kienx jagħmilha qabel, għax l-insara kollha kienu dejjem bl-imħatra bejniethom min jersaq lejh u jmissu l-ewwel; għax, sa minn qabel ma ħa l-martirju, kien bniedem imżejjen b’kull tjieba minħabba l-qdusija ta’ ħajtu.

Fejn kien qiegħed issa, kellu madwaru dak kollu li kien tħejja għall-ħuġġieġa. Resqu fuqu, u riedu jsammruh bl-imsiemer, iżda hu qalilhom: “Ħalluni hekk; min tani l-grazzja li mmut maħruq, jgħinni wkoll biex nibqa’ fin-nar b’qalbi fis-sliem, bla ma jkun hemm għalfejn issammruni”. Għalhekk ma waħħluhx bl-imsiemer, imma rabtuh biss.

Tahom idejh wara dahru, u rabtuh. Kien qisu barri sabiħ mill-merħla l-kbira lest għas-sagrifiċċju, bħal vittma li togħġob imħejjija għal Alla. Refa’ għajnejh ‘il fuq lejn is-sema, u qal:

“Mulej Alla li tista’ kollox, Missier ta’ Ġesù Kristu, Ibnek l-għażiż u l-imbierek li ġie fostna u għarrafna min int, inti Alla tal-anġli u tal-qawwiet, Alla tal-ħlejjaq kollha u tal-ġusti kollha li jgħixu quddiemek. Tkun imbierek, Mulej, għax inti għoġbok li llum, f’din is-siegħa, flimkien mal-martri nieħu sehem fil-kalċi ta’ Kristu Ibnek, biex bl-Ispirtu s-Santu nikseb il-qawmien tar-ruħ u l-ġisem għall-ħajja ta’ dejjem li ma titħassarx. Ilqagħni magħhom illum quddiemek, bħal sagrifiċċju ta’ offerta sabiħa li togħġbok, kif inti stess ħejjejtu, kif urejtni sa minn qabel li kellu jsir u issa qiegħed tagħmel li jseħħ, o Alla tas-sewwa li ebda gidba ma hemm fik. Għalhekk infaħħrek, imbierkek u nigglorifikak għal dak kollu li għamilt miegħi, b’Ibnek il-għażiż Ġesù Kristu, ir-ragħaj etern tagħna mis-sema; permezz tiegħu, tingħata glorja lilek, miegħu u mal-Ispirtu s-Santu, issa u għal dejjem ta’ dejjem. Ammen”.

Wara l-‘Ammen’ li biha għalaq it-talba, taw in-nar lill-ħuġġieġa. Kif in-nar beda jikber u jogħla, rajna quddiemna dehra tal-għaġeb. Alla żammna sa dak il-ħin biex nistgħu naraw dik id-dehra u ngħidu lill-oħrajn b’kull ma ġara. Għax in-nar infetaħ qisu ark, u sar donnu l-qlugħ ta’ dgħajsa fir-riħ, bil-ġisem tal-martri f’nofsu. U kif kien hekk fin-nofs, kont tistħajjlu mhux laħam mixwi, imma ħobża misjura, jew bħal deheb u fidda jleqqu fil-forġa. U riħa tassew tfuħ li xammejna kienet qisha inċens jew xi fwieħa prezzjuża.

“Missier … jien imbierkek, talli ħaqqni din il-ġurnata u din is-siegħa.”

  • U inti, lest/a tibqa’ leali lejn Ġesu’ f’kull ċirkustanza ta’ ħajtek, anki jekk ikollok iġġarrab xi forma ta’ martirju mingħand dawk li jagħmlulek il-ħajja diffiċli għax inti ta’ Kristu?

Talba: Alla tal-ħolqien kollu, li għoġbok tagħti lill-Isqof San Polikarpu post qalb il-martri, agħtina li bl-interċezzjoni tiegħu li waqt li naqsmu miegħu fil-kalċi ta’ Kristu, aħna nqumu għall-ħajja eterna bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. Mulej, in-nar ta’ mħabbtek mela l-martri San Polikarpu bil-kuraġġ. Il-Vanġelu neħħielu kull biża’ tal-mewt. Agħti l-poplu tiegħek il-grazzja li jħobb bħal ma ħabb hu, li jgħix bħal ma għex hu, u li jmut għall-fidi. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-polycarp-of-smyrna.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-polycarp-of-smyrna-156

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Polycarp

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Frar: Il-Katedra ta’ San Pietru

Verżjoni Vidjo: Il-Katedra ta’ San Pietru

“Pietru, qabel ma sejjaħtlek mid-dgħajsa, għaraftek, qegħedtek kap tal-poplu tiegħi, U tajtek l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet. Kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tal-Katedra ta’ San Pietru (Mattew 16:19)

petruIL-KATEDRA TA’ SAN PIETRU

Tagħrif: X’aktarx li din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata kull sena mill-bidunett tal-Knisja, b’tifkira tal-ġurnata li fiha San Pietru għamel l-ewwel ċerimonja reliġjuża hekk kif wasal Ruma, xi ħdax-il sena wara li Ġesù tela’ s-sema.

Kittieba tal-Istorja jaffermaw li San Pietru, qabel ma mar Ruma, kien diġà waqqaf is-Sedi tiegħu f’Antjokja. Antjokja dak iż-żmien kienet il-kapitali tal-Lvant. San Girgor il-Kbir jgħid li l-Prinċep tal-Appostli kien isqof ta’ dik il-belt għal seba’ snin.

Huwa fatt ukoll ibbażat fuq il-kunsens unanimu tal-kittieba nsara tal-qedem li San Pietru kien ukoll Ruma u waqqaf il-Knisja hemmhekk. B’danakollu hu ma baqax kontinwament Ruma, billi għal xi waqtiet kellu spiss ikun bnadi oħra minħabba l-ħidma appostolika tiegħu .

Fil-Vatikan, hemm siġġu sempliċi bid-dirgħajn, magħmul mill-injam tal-ballut, u li żmien wara kien ġie msebbaħ b’panelli tal-avorju. Dan is-siġġu (sedes gestatoria) jinsab ippreservat ġo kaxxa kbira tal-bronż, iddisinjata minn Bernini, u tinsab imqiegħda fil-għoli mal-ħajt.

Fl-1867, dan is-siġġu kien ġie espost għall-venerazzjoni tal-Fidili biex jiġi kkomemorat it-tmintax-il ċentinarju mill-mewt ta’ San Pietru.

Biż-żmien, il-Knisja, bdiet tara fis-siġġu ta’ San Pietru, simbolu tal-awtorita’ tal-Papa, jew fi kliem ieħor l-għaqda tal-Knisja mal-Papa suċċessur tal-Appostli, u għalhekk f’dan il-jum, tħeġġeġ il-Fidili biex isaħħu l-fedelta’ tagħhom lejn il-Papa u biex jitolbu għalih.

Fl-imgħoddi, il-festa li tfakkar l-awtorità pontifiċja ta’ San Pietru kienet tiġi ċċelebrata f’żewġ dati differenti: fit-18 ta’ Jannar, f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Ruma, u fit-22 ta’ Frar f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Antjokja. Fir-riforma tal-Kalendarju Universali tal-Knisja tal-1969 dawn iż-żewġ festi nġabru f’festa waħda.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir:

“Minn fost kulħadd, Pietru waħdu ntagħżel, u tqiegħed fuq il-ħidma għas-sejħa tal-ġnus kollha, fuq l-Appostli kollha, u fuq il-missirijiet kollha tal-Knisja. Għalkemm ħafna huma s-saċerdoti u ħafna r-rgħajja fil-poplu ta’ Alla, sewwsew huwa Pietru li jmexxi lil kulħadd, taħt il-mexxej il-kbir, li hu Kristu. Għeżież, kemm hu kbir u tal-għaġeb is-sehem li Kristu għoġbu jagħti lil dan ir-raġel mis-setgħa tiegħu stess! U jekk Kristu għoġbu wkoll jagħti sehem minn din l-istess setgħa tiegħu lill-Appostli u ‘l-mexxejja l-oħra, jekk hu ma ċaħadx jagħti lill-oħrajn sehem minn dak li għandu hu, huwa qatt ma tahom xejn jekk mhux permezz ta’ Pietru.

Ġesu’ qal lil Pietru: Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet. Il-jedd ta’ din is-setgħa għadda wkoll lill-Appostli l-oħra, il-kmand mogħti b’dan id-digriet twassal ukoll lill-kapijiet kollha tal-Knisja; iżda m’hux ta’ xejn tħalla fil-ħsieb ta’ wieħed dak li ġie kkmandat lil kulħadd. Dan ġie fdat b’mod speċjali lil Pietru, għax Pietru hu l-mudell li lejh għandhom iħarsu l-mexxejja kollha tal-Knisja”.

Ma kienx is-soltu li Ġesù jbiddel l-ismijiet tad-dixxipli tiegħu; barra mil-laqam li ta lill-ulied Żebedew, ‘ulied ir-ragħad’ (Mark 3;17). Qatt ma ta isem ieħor, biss lil Xmun biddillu ismu u sejjaħlu ‘Kefas’. Dan l-isem aktar ’il quddiem ġie maqlub bil-Grieg bħala Petros u bil-Latin bħala Petrus. U dan ġie maqlub mhux għax kien isem imma għax kien mandat li Petrus irċieva mingħand il-Mulej. Dan l-isem Petrus baqa’ jidher spiss fil-Vanġelu u spiċċa biex biddel l-isem oriġinali ta’ Xmun.

“U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.” (Mattew 16: 18-19)

Papa Franġisku, f’silta mill-ewwel omelija tiegħu meta laħaq Papa (19 ta’ Marzu, 2013) qal hekk:

“Hu minnu li Ġesù Kristu lil Pietru tah f’idejh is-setgħa, imma x’setgħa hi din? Wara l-mistoqsija tripla li Ġesù jagħmel lil Pietru dwar l-imħabba, tasal l-istedina tripla: irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi. Ma ninsew qatt li s-setgħa vera hi s-servizz, u li anki l-Papa, biex iħaddem is-setgħa tiegħu, irid jidħol dejjem iżjed f’dak is-servizz li għandu l-quċċata kollha dawl tiegħu fuq is-salib”.

Tajjeb li f’dan il-jum nitolbu b’mod speċjali għall-Papa: nitolbu għall-bżonnijiet, għall-protezzjoni u għall-qdusija tiegħu kif ukoll skont l-intenzjonijiet li għandu. Ma ninsewx nitolbu għall-Knisja kollha biex tibqa’ fidila lejn is-suċċessur ta’ Pietru u f’għaqda miegħu, taħdem u sservi lil kulħadd fuq l-eżempju tal-Iben t’Alla li “ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Talba: Mulej Ġesù Kristu int waqqaft il-Knisja tiegħek fuq il-blata tal-fidi ta’ San Pietru. Agħmel li ħadd u xejn ma jkun il-kawża li jdgħajjef jew ixejjen il-fidi tagħna. Int għażilt lil San Pietru biex ikun l-ewwel wieħed li jmexxi l-Knisja tiegħek, u tlabt għalih biex il-fidi tiegħu ma tonqosx; wettaqna fl-istess fidi, u saħħaħna fil-fedeltà tagħna lejn il-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.lwctt.org/2018/02/22/chair-of-st-peter-22-february-2/

Alternative Reading: https://www.associationofcatholicpriests.ie/2018/02/22-february-the-chair-of-st-peter-apostle/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Chair_of_Saint_Peter

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.