1 ta’ Frar: Santa Briġida tal-Irlanda

Verżjoni Vidjo: Santa Briġida tal-Irlanda

“Jien il-Mulej li nfejqek”. ~ Il-Mulej fil-Ktieb tal-Eżodu 15:26

brigidpic1SANTA BRIĠIDA TA’ KILDARE, IRLANDA
Reliġjuża u Fundatriċi
452 – 524

Tagħrif: Santa Briġida hija l-aktar qaddisa importanti fl-Irlanda, wara San Patrizju. Għexet ħajja ta’ verġni minn ċkunita. Bniet ċella, taħt siġra tal-ballut, li għalhekk jisimha Kill-dara (ċella tal-balluta).

Billi marru jgħixu magħha bosta nisa oħra, għamlu komunita’ ta’ sorijiet, li kellha ħafna friegħi oħra mxerrdin fl-Irlanda kollha u li baqgħu jagħrfu ’l Briġida bħala Madre Badessa tagħhom. In-nisa li kienu jissieħbu magħha fid-diversi monasteri kienu l-biċċa l-kbira nisa ta’ klassi għolja. Kellhom magħhom patrijiet li kienu joffrulhom is-servizzi Liturġiċi, u anke xogħol manwali ta’ kull xorta.

Santa Briġida kienet magħrufa għat-tjubija tagħha, l-għaqal li kienet turi biex tgħin lill-miżżewġin fil-problemi tagħhom.

Is-Salib ta’ Santa Briġida: hija kienet għamlet salib bil-friegħi tal-ġummar biex tipproteġi lil kap tat-tribù li kien marid. Dan il-kwalità ta’ salib wieħed għadu jarah imdendel mad-djar u bini ieħor lejliet il-festa tagħha, biex ibiegħed il-pajjiż min-nar u biex jgħin lin-nagħaġ li kienu ser iweldu l-ħrief.

Il-fama ta’ Santa Briġida ta’ Kildare nxterdet mal-Ewropa mill-pellegrini Irlandiżi u missjunarji, u ħafna knejjes ġew mibnija f’ġieħha: fi Pjaċenza fl-Italja u speċjalment fil-Bretanja fi Franza. L-isem tagħha jfisser ħafna u stmat min-nisa Irlandiżi. L-Irlanda pproklamat – Btala Nazzjonali f’ġieħ in-nisa Irlandiżi. Bosta knejjes fl-Ingilterra u fl-Iskozja huma ddedikati għaliha, fosthom St. Bride ta’ Fleet Street, Londra.

ĦsiebXtaqt naqsam magħkom xi stejjer marbutin ma’ din il-qaddisa tal-lum:

Mirakli ta’ Briġida tal-Irlanda
Briġida kienet qed tivvjaġġa riekba fuq żiemel flimkien mas-sorijiet l-oħra, meta ż-żiemel waqaf f’daqqa u Briġida waqgħet minn fuqu, u ħabtet rasha ma’ ġebla. Id-demm li ħareġ mill-ferita, tħallat ma’ xi ilma li kien hemm fl-art. Briġida kienet taf b’żewġ sorijiet, li kienu jinsabu qribha, li ma setgħux jisimgħu jew jitkellmu u talbithom jferrgħu t-taħlita tad-demm u l-ilma fuq għonqhom filwaqt li jitolbu għall-fejqan. Soru minnhom għamlet dan u fieqet, filwaqt li l-oħra fieqet billi sempliċement misset l-ilma mdemmi meta tbaxxiet l-isfel lejn l-art biex tiċċekkja fuq Briġida.

Fi storja oħra, Briġida fejqet raġel milqut mil-lebbra billi bierket kontenitur tal-ilma u tat istruzzjonijiet lil waħda min-nisa fil-monasteru tagħha biex tgħin lir-raġel juża l-ilma mbierek biex bih jaħsel il-ġilda tiegħu. U b’dan, il-ġilda tar-raġel ġie imnaddfa kompletament.

Briġida kienet tħobb l-annimali, u diversi mirakli mill-ħajja tagħha jinvolvu annimali. Huwa maħsub li misset baqra li waqfet tagħti l-ħalib u bierkitha biex tkun ta’ għajnuna għan-nies bil-ġuħ u bil-għatx. Imbagħad, meta ħelbu l-baqra, kisbu 10 darbiet aktar l-ammont ta’ ħalib li qabel kienu jieħdu minnha.

Imwielda Skjava
Briġida twieldet fis-seklu 5 tal-Irlanda minn missier pagan, Dubhthach, kap tal-klann ta’ Leinster. Ommha, Brocca, kienet iskjera u Kristjana li kienet waslet għall-fidi permezz ta’ San Patrizju li ppriedka l-Vanġelju. Mit-twelid, Briġida kienet ikkunsidrata bħala skjava u ġarbet trattament ħażin mis-sidien tagħha hi u tikber. Minkejja t-trobbija tagħha, żviluppat reputazzjoni ta’ natura straordinarja u ġeneruża lejn l-oħrajn. Skont storja dwar it-tfulija tagħha, jingħad li darba tat b’karita’ il-provvista sħiħa tal-butir li kellha ommha lil xi ħadd fil-bżonn, umbagħad talbet lil Alla biex iforni l-provvista nieqsa lil ommha. Bi tweġiba għat-talb ta’ Briġida, b’miraklu reġa’ deher il-butir.

L-Irġiel li ppruvaw jieħduha b’marthom
Is-sbuħija fiżika tagħha (li kienet tinkludi għajnejn sbieħ ta’ kulur blu) ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna rġiel, iżda Briġida ddeċidiet li ma tiżżewwiġx biex tkun tista’ tiddedika ħajjitha kollha għall-ministeru Kristjan bħala soru. Storja antika tgħid li meta l-irġiel ma waqfux jippruvaw jaqbdu magħha, Briġida talbet lil Alla jneħħi s-sbuħija li kellha, u Hu għamel dan b’mod temporanju billi ppermetta li jitfaċċaw tbajja fuq wiċċha u li għajnejha jintefħu. Meta s-sbuħija ta’ Briġida reġgħet lura, l-irġiel kienu leħqu marru x’imkien ieħor biex ifittxu mara oħra.

Il-Monasteru ta’ Briġida
Meta Briġida kienet qegħda tfittex art li setgħet tuża biex tibni l-monasteru tagħha, talbet lir-re lokali biex jagħtiha biss art kemm ikopri l-mantell tagħha. Hu aċċetta dan. Umbagħad hija talbet lil Alla biex jespandi l-mantell tagħha biex b’hekk tikkonvinċi lir-re biex jgħinha. L-istorja tgħid li mbagħad, il-mantell ta’ Briġida kiber b’miraklu u re kien xhud ta’ dan, kiber tant li kopra erja kbira ta’ art li mbagħad huwa ta biex tibni l-monasteru tagħha.

Briġida waqfet monasteru taħt siġra tal-ballut f’Kildare, l-Irlanda, u malajr kiber hekk li sar monasteru ta’ komunità kbira kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Il-monasteru tagħha ġibed ħafna nies li kienu jistudjaw ir-reliġjon, il-kitba u l-arti hemmhekk. Bħala superjura ta’ komunità li mbagħad saret iċ-ċentru tat-tagħlim fl-Irlanda, Briġida saret mara importanti fid-dinja tal-qedem u fil-Knisja. Eventwalment kienet qisha taqdi rwol ta’ isqof.

Fil-monasteru tagħha, Briġida waqfet fjamma ta’ nar biex tirrappreżenta l-preżenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu mal-poplu. Dik il-fjamma ntfiet diversi mijiet ta’ snin wara matul ir-Riforma, iżda reġgħet inxtelgħet mill-ġdid fl-1993 u għada tixgħel f’Kildare sal-lum. Il-bir li Briġida kienet tuża biex bih tgħammed lin-nies, jinsab barra minn Kildare, u l-pellegrini jżuru l-bir biex hemm jitolbu u skont tradizzjoni, jorbtu żigarelli mlewna ma’ siġra partikolari li tinsab maġenbu.

Is-Salib ta’ Santa Briġida
Jeżisti tip speċjali ta’ salib, magħruf bħala “Is-Salib ta’ Santa Briġida” li huwa popolari ħafna fl-Irlanda. Dan jikkommemora storja famuża li fiha Briġida marret fid-dar ta’ mexxej pagan meta n-nies qalulha li kien qed imutu u kien meħtieġ li jisma’ malajr il-messaġġ tal-Vanġelju. Meta Briġida waslet, ir-raġel kien marid u mdejjaq u ma riedx jisma’ dak li Briġida kellha xi tgħidlu. Allura hi baqgħet miegħu u talbet, u waqt li għamlet dan, ħadet ftit mit-tiben ta’ mal-art u bih bdiet taħdem forma ta’ salib. Gradwalment, ir-raġel deher kalm u staqsa lil Briġida x’kienet qed tagħmel. Imbagħad hi spjegatlu t-tagħlim tal-Vanġelju, billi użat is-salib magħmul bl-idejn bħala għajnuna viżwali. Ir-raġel imbagħad aċċetta l-fidi f’Ġesù Kristu, u Briġida għamditu eżatt qabel ma’ miet. Illum, ħafna nies Irlandiżi jesponu s-salib ta’ Santa Briġida fi djarhom, peress li jgħidu li jgħin biex iżommhom ‘il bogħod mill-ħażen u jressaqhom lejn it-tajjeb.

Wara l-mewt tagħha, in-nies bdew iqimuha bħala qaddisa, u jitolbu l-għajnuna tat-talb tagħha għall-fejqan, peress li ħafna mill-mirakli li seħħew matul ħajjitha kienu relatati mal-fejqan.

Mirakli jew mhux, stejjer jew leġġendi, l-interess essenzjali li kellha Santa Briġida u li kellhom il-qaddisin kollha, kien li jwasslu lilhom infushom u lill-oħrajn għas-salvazzjoni tar-ruħ. Il-fejqan tar-ruħ mill-mard tad-dnub huwa l-fejqan essenzjali li kulħadd għandu jfittex li jakkwista għalih innifsu u għall-oħrajn. Is-Sagrament tal-Qrar jagħmel dan il-miraklu fina u s-Sagrament tat-Tqarbin issaħħaħ lir-ruħ tant li jagħmel li din tgħix għal dejjem. Int tfittex dan it-tip ta’ fejqan essenzjali għalik innifsek u tħeġġeġ oħrajn biex huma wkoll jirċievu dan it-tip ta’ fejqan?  

Talba: O Santa Briġida tal-Irlanda, int għażilt li titħabbeb ma’ Kristu, li minnu ġej il-ġid veru li kull bniedem jixtieq, agħtina li b’talbek, nagħżlu li dejjem nibqgħu ggranfati mal-Mulej għax Hu biss jista’ jfejjaq il-mard tar-ruħ tagħna b’mod permanenti, permezz tas-salib li hu sofra b’imħabba għalina. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/st-brigid-of-ireland.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-brigid-of-ireland-134

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Brigid_of_Kildare

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements