6 ta’ Frar: San Pawl Miki u Sħabu

Verżjoni Vidjo: San Pawl Miki u Sħabu

“Aħna għandna niftaħru bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu; fih hi s-salvazzjoni, il-ħajja u l-qawmien tagħna, Bih salvajna u ħlisna. Lilkom ingħatat il-grazzja li sservu lil Kristu, u mhux biss temmnu fih, imma saħansitra tbatu għalih”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Pawl Miki u Sħabu

Saint Paul Miki.jpgSAN PAWL MIKI U SĦABU
Martri
1562 – 1597

Tagħrif: Nagasaki hija dik il-belt fil-Ġappun magħrufa mad-dinja kollha li fuqha splodiet it-tieni bomba atomika li qerdet mijiet ta’ eluf ta’ nies.

Fl-istess belt, tliet sekli u nofs qabel, kienu mietu sitta u għoxrin martri tar-Reliġjon Kattolika, fosthom tliet Ġiżwiti Ġappuniżi: l-Iskolastiku Pawlu Miki ta’ 33 sena, u ż-żewġ Fratelli, Ġwanni Soam ta’ 19-il sena, u Diegu (Ġakbu) Kisai ta’ 64 sena; sitt Franġiskani li erbgħa minnhom kienu Spanjoli: il-Patrijiet Pietru Battista, Martin de Aguirre u Franġisku Blanco, u l-Fratell Franġisku ta’ San Mikiel; Messikan; il-Kjeriku Filippu de las Casas; u Indjan: il-Fratell Gunsalv Garcia; is-sbatax l-oħra kienu lajċi ġappuniżi. Fosthom, qalbiena daqs l-oħrajn, kien hemm tliet subien ta’ xi tlettax-il sena l-wieħed, li kienu jgħinu l-quddiesa tal-patrijiet: dawn kienu S. Lwiġi Ibarki, S. Antnin Deynan u S. Tumas Kasaki.

Dawn ġew arrestati u maqtulin għas-sempliċi raġuni li kienu Nsara. Riduhom jiċħdu l-Fidi u meta baqgħu sodi fi mħabbithom lejn Ġesù. Dawn il-martri ġew marbutin ma’ sitta u għoxrin salib u arbulati ftit aktar minn metru ’l bogħod minn xulxin f’ringiela waħda twila u, minkejja t-tbatija u l-mewt qrib, huma komplew jippriedkaw u jkantaw. Kull wieħed minnhom kellu ħdejh lil dak li kellu joqtlu b’lanza u, meta ngħata s-sinjal, ġew maqtula lkoll f’ħin wieħed.

Qabel miet, Pawlu Miki qal: “Is-sentenza li għaliha ser joqtluni hi li jien Nisrani, u xerridt l-imħabba lejn Ġesù. Fuq l-eżempju ta’ Ġesù, naħfer il-persekuturi tiegħi. Nitlob ’l Alla jkollu ħniena minnhom u nittama li demmi jnissel il-frott fost ħuti l-Ġappuniżi”.

Dan kollu ġara fis-5 ta’ Frar 1597, daqs ħamsin sena wara l-mawra ta’ San Franġisk Saverju fil-Ġappun, meta kien hemm diġà madwar 300,000 Kattoliku. San Pawl Miki u sħabu martri ġew iddikjarati qaddisin mill-Papa Piju IX fl-1862.

Meta fid-dsatax-il seklu, il-missjunarji kellhom il-liberta’ li jirritornaw il-Ġappun sabu eluf ta’ nies li kienu baqgħu Insara bil-moħbi.

Ħsieb: Qari minn rakkont tal-martirju ta’ San Pawl Miki u sħabu, bit-titlu ‘Tkunu xhud tiegħi’:

“Meta sallbuhom, huma għaġġbu lil kulħadd bil-qawwa li wrew, u Patri Pasius Rodriguez beda jħeġġuhom biex jibqgħu sħaħ sa l-aħħar. Il-Patri Kummissarju qagħad hemm il-ħin kollu wieqaf, bil-kemm jitħarrek, b’għajnejh ‘il fuq lejn is-sema. Fra Martin, b’radd ta’ ħajr lit-tjieba ta’ Alla, qabad ilissen xi salmi u jżid magħhom il-versett F’idejk, Mulej. Fra Franġisku Blanco wkoll b’leħen ċar beda jiżżi ħajr lil Alla. U Fra Gunsalv għolla leħnu ħafna u qabad jgħid il-Missierna u s-Sliema.

Patri Pawl Miki tagħna, meta ra ruħu mtella’ fl-għoli aktar mill-oħrajn, qisu f’post ta’ ġieħ kbir li hu qatt ma fittex, fetaħ fommu u beda biex qal lil ta’ madwaru li hu Ġappuniż u Ġiżwita u li kien se jmut għaliex xandar l-Evanġelju; radd ħajr lil Alla għal din il-grazzja hekk kbira, u mbagħad żied jgħid: “Inħoss li ħadd minnkom ma jaħseb li rrid naħbi l-verità, issa li wasalt sa hawn. Għalhekk ngħidilkom li ma hemmx triq oħra għas-salvazzjoni ħlief dik tal-insara. Din it-triq tgħallimni li għandi naħfer lill-għedewwa; għalhekk jiena naħfer minn qalbi lil dawk li għamluli ħsara, lis-sultan u lil dawk kollha li bihom qiegħed nieħu l-mewt; nitlob biss li jieħdu l-magħmudija”.

Mbagħad dawwar għajnejh lejn sħabu u beda jagħmlilhom il-qalb għat-taqbida tal-aħħar. Fuq il-wiċċ ta’ kull wieħed minnhom dehret bixra ta’ ferħ, l-aktar fuq wiċċ Ludoviku; lil dan, wieħed nisrani beda jifraħlu talli ma kienx se jdum ma jidħol il-ġenna, u hu hekk imtela bil-ferħ li beda jċaqlaq subgħajh u ġismu kollu b’mod li ġibed għajnejn kulħadd fuqu.

Anton, li kien fit-tarf min-naħa ta’ Ludoviku, refa’ ħarstu lejn is-sema, sejjaħ l-ismijiet imqaddsa ta’ Ġesù u Marija, u beda jgħid is-salm ‘Faħħru, tfal, il-Mulej’, li hu kien tgħallem f’Nagasaki fil-klassijiet tal-katekiżmu, fejn, fost ħwejjeġ oħra, it-tfal jitgħallmu xi salmi.

Oħrajn, b’wiċċhom jixhed is-sliem, kienu jtennu: “Ġesù, Marija”. Xi wħud ukoll bdew iħeġġu lill-fidili ta’ madwarhom biex jgħixu ħajja xierqa ta’ nsara. B’hekk, u bi ħwejjeġ oħra bħal dawn, urew kemm kienu mħejjija biex jilqgħu l-mewt.

Mbagħad erba’ bojjiet siltu x-xwabel mill-għant, kif jużaw il-Ġappuniżi. Għal din id-dehra tal-biża l-insara nfexxew jgħajjtu: “Ġesù! Marija!”, u nfaqgħu f’bikja li waslet sas-sema. Il-bojjiet resqu fuq il-martri u, b’daqqa jew tnejn lil kull wieħed minnhom, malajr temmewlhom ħajjithom”.

“Il-martirju jxebbaħ lid-dixxipli mal-Imgħallem, li aċċetta l-mewt bil-ferħ għas-salvazzjoni tad-dinja, u b’hekk huma jsiru bħalu fit-tixrid tad-demm. Għalhekk il-Knisja dan tqisu bħala l-akbar don u l-ogħla prova tal-imħabba. Għalkemm dan mogħti lil xi wħud biss, kulħadd għandu jkun lest li jagħti xhieda għal Kristu quddiem l-umanità, u li jimxi warajh it-triq tas-salib”. ~ Kostituzzjoni Dogmatika tal-Knisja – Austin Flannery

  • U int, l-eżempju ta’ dawn il-Ġappuniżi li sofrew daqstant għall-imħabba tagħhom lejn Ġesù, jistimulak biex akkost ta’ kull sagrifiċċju tgħix ħajtek biex tara lil Ġesù iktar magħruf u maħbub?

Talba: O Alla, qawwa tal-qaddisin kollha, int għoġbok ittella’ fis-sema lill-martri San Pawl Miki u sħabu billi jieħdu l-mewt fuq is-salib; agħtina l-għajnuna tat-talb tagħhom, biex inżommu qawwijin u sħaħ sa l-aħħar fil-fidi li aħna nistqarru. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/st-paul-miki-and-companions.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-paul-miki-and-companions/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Paulo_Miki

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements