7 ta’ Frar: Beatu Piju IX

Verżjoni Vidjo: Beatu Piju IX

“Agħtini armata li titlob ir-Rużarju u jien nirbaħ lid-dinja”. ~ Il-Beatu Piju IX

1c4fe5c14e3883065f554969acafIL-BEATU PIJU IX
Papa
1792 – 1878

Tagħrif: Dan il-Papa kellu l-itwal pontifikat fl-istorja tal-Knisja. Kien jismu Giovanni Maria Mastai Ferretti u twieled fit-13 ta‟ Mejju 1792 f‟Senigallia.

Missieru xtaqu jidħol fil-gwardja Svizzera tal-Papa iżda kien rifjutat għax kien ibati b’attakki epileptiċi. Reġa’ beda jistudja t-teoloġija u, meta fieq mill-marda li kellu, ġie ordnat saċerdot fl-1819.

Fis-sena 1823 akkumpanja lid-delegat appostoliku ġewwa ċ-Ċilì. Kien maħtur Isqof ta’ Spoleto fl-1827, u ta’ Imola fl-1832. Bħala arċisqof ta’ Spoleto huwa kkontrolla l-irvell kontra l-Awstrijaċi b’attitudni ta’ benevolenza.

Kien maħtur kardinal fl-1840. Ġie magħżul Papa fl-1846 wara l-mewt tal-Papa Girgor XVI. Piju IX, li kellu reputazzjoni liberali, beda jgħix dak li kien magħruf għalih. Huwa ħabbar amnestija lill-priġunieri politiċi u għamel ħafna riformi fl-Istati Papali. Imma, għalkemm saru ħafna riformi, kien hemm dawk li riedu aktar.

Meta l-Papa rrifjuta li jingħaqad fil-gwerra kontra l-Awstrija, tilef ħafna mill-popolarità tiegħu. Fl-10 ta’ Novembru 1848, ir-radikali qatlu lill-prim ministru tiegħu Rossi, u tista’ tgħid li prattikament daħlu għall-Papa, iżda fl-24 tal-istess xahar irnexxielu jaħrab bil-moħbi għal Gaèta. Dam eżiljat f’din il-belt sal-4 ta’ Settembru 1849. Fl-istess sena 1849 armata Franċiża stabbiliet mill-ġdid l-awtorità tal-Papa ġewwa Ruma u fl-1850 Piju IX mill-ġdid daħal fil-Belt Eterna.

Fl-1860 Cavour u Garibaldi ħatfu ħafna mill-istati tal-Papa u, fl-1870, meta l-armata Franċiża rtirat minn Ruma, daħlu l-Pjemontiżi. Piju IX għamel reżistenza simbolika u nqafel ġol-Vatikan. Issielet bla ma rnexxielu biex iħares is-setgħa temporali, garanzija tal-indipendenza spiritwali.

Jekk kien sfortunat fl-isfera temporali, Piju IX wera lilu nnifsu mexxej kbir fil-ħwejjeġ spiritwali. Dan il-Papa jissejjaħ “il-Papa tal-Immakulata” għax kien hu li pproklama, nhar it-8 ta’ Diċembru 1854, id-domma tat-Tnissil Bla Tebgħa ta’ Marija. Permezz tal-enċiklika Quanta Cura u s-“Sillabu” dan il-Papa kkundanna “ċerti erruri taż-żminijiet moderni”.

Kien hu wkoll li laqqa’ l-ewwel Konċilju Vatikan li pproklama l-infallibiltà tal-Papa meta jitkellem “ex cathedra” fuq fidi u morali.

Papa Piju IX b’kollox mexxa l-Knisja għal 32 sena. Huwa miet f’Ruma fis-7 ta’ Frar 1878. Kien iddikjarat Beatu f’Ruma flimkien mal-Papa Ġwanni XXIII fit-3 ta’ Settembru 2000 mill-Papa Ġwanni Pawlu II.

Kien matul il-pontifikat tal-Beatu Piju IX li Għawdex ġiet iddikjarata bħala djoċesi għaliha.

Ħsieb: Papa Piju IX kien bniedem ta’ ħlewwa u qdusija kbira. Kien bniedem li ħabb lil Kristu u lill-Knisja tiegħu. Kien bniedem ragħaj, li fuq l-eżempju ta’ Pietru mexxa l-bastiment f’serenita’ ta’ baħar kalm u fil-qilla tal-mewġ għoli. Ħadem bis-sħiħ għall-‘id spiritwali tal-Italja, tal-Ingilterra, tal-Olanda, tal-Polonja, tal-Amerika ta’ Fuq, ta’ Burma, taċ-Ċina, tal-Ġappun u tal-Awstralja. Iżda għall-Għawdxin, Papa Piju IX huwa l-Papa li ta l-Indipendenza għal dik li hi s-sovranita’ ta’ Djoċesi għal Għawdex.

Apparti li l-Papa Piju IX għolla lil Għawdex għad-dinjità ta’ djoċesi, għandu rabta oħra interessanti ma’ Malta għaliex kien kardinal Malti, Fabrizio Sceberras Testaferrata li ordnah saċerdot fl-1819. Dakinhar kien iġib l-isem Giovanni Maria Ferretti.

Fl-istess katidral t’Għawdex, wieħed għad jista’ jara l-bolla Singulari Amori, id-digriet pontifikali li permezz tiegħu, il-beatu Piju IX kien għolla lill-gżira Għawdxija għad-dinjità ta’ djoċesi. L-isqof t’Għawdex, Mario Grech ħabbar li t-tifkira speċjali tal-150 sena mit-twaqqif tad-djoċesi Għawdxija se ssir fis-16 ta’ Settembru.

Xtaqt ninkludi siltiet mill-Omelija fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-150 Anniversarju mit-Twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex, (16 ta’ Settembru 2014) tal-Isqof Mario Grech:

“Bi mħabba singulari Alla ħabb din il-gżira meta mija u ħamsin (150) sena ilu, permezz tal-Papa Piju IX, waqqaf din id-Djoċesi. Matul dawn il-mija u ħamsin sena kienet il-Kelma ta’ Alla li serviet ta’ bastun biex ħafna setgħu jimxu t-triq tal-ħajja.

  • Matul dawn is-snin il-Kelma ta’ Alla ssawbet bħal balzmu fuq il-ġerħat ta’ ħafna.
  • Kienet il-Kelma ta’ Alla li tat il-qawwa lil għadd kbir ta’ familji biex ma jaqtgħux qalbhom mill-ħajja u jibqgħu magħqudin.
  • Kienet din il-Kelma li saħħret mijiet ta’ żgħażagħ għas-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża – biżżejjed insemmi li kienu żewġ Għawdxin ulied din il-Knisja li waqqfu żewġ istituti ta’ ħajja reliġjuża: is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù u s-Sorijiet Dumnikani.
  • Kien il-Vanġelu li qanqal f’diversi ispirazzjonijiet ta’ tant proġetti soċjali u kulturali.
  • Misjuqa minn din il-Kelma, xi wħud waqqfu monumenti kbar tal-karità bħalma kienu d-djar tat-tfal u l-Arka.

Imma l-passat mhux garanzija tal-futur. Fil-preżent, ix-xewqa tiegħi hija li jkollna Knisja li tagħti aktar prijorità lill-Kelma salvifika ta’ Alla. Għalhekk nara li rridu ninvestu aktar fil-katekeżi, partikularment tal-kbar. Jiddispjaċini li hemm diversi li jistgħu jmiddu għonqhom għal din il-ħidma imma jippreferu jibqgħu b’idejhom marbuta. Irridu naħdmu biex l-Ewkaristija, speċjalment dik tal-Ħadd, tkun verament ċelebrazzjoni li tirrakkonta l-istorja tal-imħabba ta’ Alla għalina.

Fuq kollox, ilkoll għandna bżonn nitolbu aktar u aħjar. Dan kollu jgħodd għal kulħadd: għalija Isqof, għas-saċerdoti, għar-reliġjużi u għal-lajċi. Imma din ix-xorta ta’ ħidma pastorali tfisser li rridu nagħmlu konverżjoni pastorali – nara l-ħtieġa urġenti li bħala Knisja nadottaw il-pastorali tagħna biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Jekk nittraskuraw it-talb u l-Ewkaristija, il-ħajja spiritwali tagħna tnin. Ċerti żbalji fil-ħajja tagħna jixhdu li għandna ħajja spiritwali fqira. Jekk ma nistinkawx biex inkunu Knisja spiritwali, inkunu nagħtu raġun lil min jgħid li l-Knisja hija istituzzjoni ta’ poter jew li għandha xi aġenda politika! L-aġenda tal-Knisja hija waħda: dik diġà mfassla mill-Vanġelu!

  • U int, b’liema mod qed tagħti s-sehem tiegħek fil-Knisja biex din taqdi l-missjoni tagħha dejjem aħjar?

Talba: Mulej Ġesù Kristu, inti tajtna ‘l Ommok Marija li aħna nqimu bħala l-Omm tagħna li dejjem lesta biex tgħinna; bil-qalb nitolbuk li kull x’ħin infittxu l-għajnuna ta’ din l-Omm, jistħoqqilna ngawdu l-frott tas-salvazzjoni tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. (Talba tal-Beatu Papa Piju IX)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq  jew  biex tniżżel id-dokument.

Aktar informazzjoni bil-Malti: https://benghisa.wordpress.com/l-immakulata-kuncizzjoni/96-2/

English Version: https://www.smp.org/resourcecenter/resource/7775/

Alternative Reading: http://www.piustheninth.com/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pius_IX

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20000903_pius-ix_en.html

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.