10 ta’ Frar: San Pawl, Patrun ta’ Malta

Verżjoni Vidjo: San Pawl, Patrun ta’ Malta

“Appostlu San Pawl, xandȃr tas-sewwa u mgħallem tal-ġnus, idħol għalina quddiem Alla li għażlek”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tas-Solennita’ ta’ San Pawl: Patrun ta’ Malta.

San PawlSAN PAWL: PATRUN TA’ MALTA
Appostlu
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: Illum fil-gżejjer tagħna, u kull fejn hemm il-Maltin, tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Pawl – Patrun ta’ Malta. Din hija ġrajja ta’ importanza ewlenija fl-istorja ta’ pajjiżna. Huwa l-jum tal-Magħmudija ta’ Malta għax kienet dik iċ-ċirkustanza li fiha missirijietna semgħu għall-ewwel darba bl-aħbar it-tajba ta’ Sidna Ġesù Kristu, ftit snin biss wara t-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù.

Meta San Pawl kien fi vjaġġ fuq il-baħar fi triqtu lejn Ruma bħala priġunier biex il-kawża tiegħu tinstema’ quddiem Ċesari, Alla fil-providenza tiegħu tal-għaġeb, għoġbu li dan l-appostlu jara l-għarqa biex jiġi hawn Malta. Il-kliem li San Pawl qal lil sħabu wara li deherlu l-anġlu meta t-tempesta kienet fl-eqqel tagħha: “jeħtieġ li naħbtu ma’ gżira” (Atti 27, 26) bilfors jagħtina x’naħsbu li Alla kellu ħsibijiet kbar fuq Malta meta riedu li f’dawk iċ-ċirkustanzi jasal fostna l-Appostlu tal-Ġnus.

San Luqa fl-Atti jsemmi l-laqgħa sabiħa li missirijietna għamlu lill-appostlu u lil sħabu, b’kollox 276 ruħ. Bla dubju, tul it-tlett xhur li dam fostna, San Pawl xandar it-twemmin fi Kristu Ġesù, li kien għadu kif miet u rxoxta inqas minn 30 sena qabel. Ix-xandir ta’ Pawlu, kif ukoll il-mirakli li għamel, kellhom effett kbir fuq il-poplu Malti ta’ dak iż-żmien u aċċetta d-don tal-fidi li, bi grazzja speċjali ta’ Alla, baqgħet nieżla minn ġenerazzjoni għall-oħra sal-ġurnata tal-lum. Hu emmnut li, kif kien soltu jagħmel San Pawl f’kull pajjiż li jżur, huwa waqqaf il-Knisja fuq artna u anki taha, skont it-tradizzjoni, l-ewwel isqof tagħha fil-persuna ta’ Publju, il-prinċep tal-gżira.

Din hi l-ikbar festa tagħna l-Maltin, bħala Maltin Insara. Biha nuru kemm aħna kburin li nissejħu “Ulied San Pawl”.

Fis-sena 60, meta sar in-Nawfraġju, il-ftit eluf ta’ Maltin kienu pagani, jaduraw ix-xemx, il-qamar u allat foloz. Kien San Pawl li tahom it-twemmin f’Alla Wieħed, Veru u Ħaj, u f’Ġesù Kristu Msallab, is-Salvatur tal-bnedmin. Dan it-Twemmin, missirijietna għaddewh lilna bla mittiefes, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Jalla aħna wkoll, bl-istess mod ngħadduh lil uliedna u lill-ulied uliedna.

Huwa tassew xieraq li aħna l-Maltin kull sena nfakkru l-ġrajja ta’ dan in-nawfraġju u fl-istess ħin nagħmlu Festa Solenni ‘l San Pawl bħala l-Missier tagħna l-Insara Maltin.

In-nawfraġju ta’ San Pawl hu t-titular ta’ waħda mill-parroċċi tal-Belt Valletta, kif ukoll dik tal-Munxar ġewwa Għawdex. Kif kien xieraq, il-Knisja f’Malta tfakkar dan il-jum providenzjali bħala festa kmandata, u għalhekk illum hemm l-obbligu tas-smigħ tal-quddies. Nitolbu llum lil Alla li jagħmel li Malta żżomm sħiħ u bla mittiefes it-tagħlim li San Pawl tana bil-kliem u bl-eżempji tiegħu.

Ħsieb: Il-Knisja f’Malta trodd ħajr lill-Mulej għaliex sejħilna mid-dlamijiet tad-dnub u mid-dell tal-mewt li fihom konna qed ngħixu, u daħħalna fid-dawl tiegħu tal-għaġeb meta bagħtilna lill-appostlu tiegħu jxandrilna l-bxara t-tajba tal-Evanġelju.

Din hija silta mid-diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II – Fosos tal-Furjana 2001:

“Il-wasla tal-appostlu fuq ix-xtajta tagħkom kienet drammatika. San Luqa rrakkontalna l-vjaġġ fil-maltemp u kif ma setgħu jagħmlu xejn il-baħħara u l-passiġġieri hekk kif il-ġifen inkalja u beda jinqasam (ara Atti 27,39-44). U smajna b’liema mod inħelsu: “Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.” (Atti 28,1)

Fil-providenza ta’ Alla, Malta kellha tħaddan l-Evanġelju fil-jiem bikrija tal-Kristjaneżmu. “Inroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.” (Salm 107,15) … B’fedeltà lejn l-Appostlu Pawlu, missierkom fil-fidi, intom magħrufin mal-Knisja kollha għad-devozzjoni u l-ħeġġa missjunarja tagħkom. Malta għandha wirt nisrani mill-akbar li tiegħu intom għandkom raġun tkunu kburin, imma dak il-wirt hu wkoll don li jitlob responsabbiltà kbira (ara Luqa 12,48) …

San Pawl wasal Malta bħala priġunier fi triqtu lejn Ruma … Għal żewġ millennji bqajtu fidili lejn is-sejħa li ħarġet minn dik il-laqgħa singulari. Illum is-suċċessur ta’ Pietru jixtieq iwettaqkom fl-istess fidi u jħeġġiġkom fl-ispirtu ta’ tama u mħabba nisranija. Jitlob biex, bħal missirijietkom, intom ukoll tagħtu frott tajjeb u bil-bosta. Siġar tajba jagħtu ħafna frott tajjeb (ara Mattew 12,33-35) …

Il-pożizzjoni ta’ Malta fl-Ewropa u fil-Mediterran tagħmilha eredi, b’mod speċjali, ta’ tradizzjoni kulturali sinjura, li l-qalb tagħha hi l-umaniżmu tal-Vanġelu … Għożżu s-sejħa nisranija! Kunu kburin tal-wirt reliġjuż u kulturali! Ħarsu lejn il-ġejjieni b’tama u imxu b’ħeġġa ġdida biex tagħmlu dal-millenju ġdid żmien ta’ solidarjetà u paċi, ta’ mħabba għall-ħajja u rispett għall-ħolqien t’Alla”.

San Ġwann Battista De La Salle jgħid:

“… Għandek xorti kbira li inti għaraft il-verità, u li twelidt, u trawwimt fir-reliġjon nisranija. L-ewwel ħaġa li għandek tagħmel hija li tieħu ħsiebha u tippreseverha. Inti tħossok imħeġġeġ f’din il-ħaġa, bħalma kien San Pawl billi żamm r-reliġjon Lhudija?”

Il-Papa Benedittu XVI waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, 2010, qalilna hekk:

“Dawk il-kelmiet – “Jeħtieġ iżda li naslu fi gżira” (Atti 27:26) – fil-kuntest oriġinali tagħhom huma sejħa għall-kuraġġ quddiem dak li mhux magħruf u fiduċja kostanti fil-providenza misterjuża ta’ Alla. In-nawfraġi, fil-fatt, intlaqgħu bil-qalb mill-poplu Malti li mexa wara l-gwida mogħtija minn San Publju. Fil-pjan ta’ Alla, San Pawl b’hekk sar missierkom fil-fidi Nisranija. Bis-saħħa tal-preżenza tiegħu fostkom, l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu rabba għeruq sodi u ta’ frott mhux biss fil-ħajjiet ta’ individwi, familji u komunitajiet iżda wkoll fil-formazzjoni tal-identità nazzjonali ta’ Malta u tal-kultura vibranti u distintiva tagħha. Komplu esploraw l-għana u l-fond tar-rigal ta’ Pawlu lilkom u kunu żguri li tgħadduh mhux biss lil uliedkom iżda wkoll lil dawk kollha li tiltaqgħu magħhom illum”.

Ngħożżu b’għożża l-iktar kbira l-Fidi li ksibna minn għand San Pawl, mhux biss individwalment, iżda wkoll li bħala nazzjon, bħala ġens. Ejjew nitolbu lil San Pawl, l-Appostlu tal-Mulej biex jgħinna nkunu appostli, li naqdu lill-Knisja b’qalb safja, inkunu xhieda tal-verità u s-sbuħija tagħha f’dan id-dlam ta’ żminijietna.

Talba: Ejja Mulej Ġesù, f’nofs dan il-poplu, ejja b’dik il-qawwa li biha żortu l-ewwel darba permezz ta’ San Pawl elfejn sena ilu. Ejja mill-ġdid fil-qlub tal-Maltin li ċaħduk jew insewk. Ejja fil-ħajja ta’ dan il-poplu kif ġejt permezz ta’ Pawlu, u għamiltu poplu ġdid. Ejja Mulej fil-Knisja Maltija u agħtiha ħajja ġdida, ejja fil-familji Maltin, ejja fl-għaqdiet, ejja fost il-morda, u ejja fit-tmiem tal-ħajja ta’ kull Malti u kull Maltija, sabiex ebda wieħed u waħda minn dawn uliedek ma jintilef jew tintilef, imma jiġu jgawdu lilek u lilu fis-sema, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. (Talba ta’ Mons. Lawrence Cachia)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.visitmalta.com/en/st-paul-in-malta

Alternative Reading: https://malta.intercontinental.com/2016/02/09/the-shipwreck/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Paul_the_Apostle

Filmat addattat għat-tfal:

Film on the life of Saint Paul:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.