13 ta’ Frar: Beatu Ġordan tas-Sassonja

Verżjoni Vidjo: Beatu Ġordan tas-Sassonja

“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”. ~ Ġesu’ f’Mark 16:15

blessed-jordan.jpgBEATU ĠORDAN TAS-SASSONJA
Presbiteru
c1199 – 1237

Tagħrif: Twieled f’Burberg, fil-Ġermanja, lejn tmiem is-seklu tnax. Ħa l-libsa tal-Ordni Dumnikan fil-kunvent ta’ Pariġi fit-12 ta’ Frar 1220 minn idejn il-Beatu Reġinaldu. Ġordan kien ħabib kbir tal-Fundatur San Duminku u l-ewwel wieħed li ngħażel Superjur Ġenerali bħala suċċessur ta’ San Duminku biex imexxi l-Ordni tal-Predikaturi.

Għal ħmistax-il sena Ġordan mexxa bi ħlewwa u tjieba kbira ż-żewġ fergħat tal-Ordni (patrijiet u sorijiet) iħeġġiġhom bil-kelma u l-eżempju tiegħu, jiktbilhom, iżurhom ta’ sikwit, u jirranġa l-kostituzzjonijiet.

Ġordan kellu mħabba kbira lejn il-Verġni Mbierka u għall-ġieħ tagħha ordna l-kant tas-Salve Regina wara l-kompjeta.

Il-Beatu Ġordan miet b’diżgrazzja fl-età ta’ madwar 37 sena, meta sab l-għarqa huwa u rieġa’ lura bil-baħar minn żjara fil-Provinċja tal-Art Imqaddsa. Kien it-13 ta’ Frar 1237. Il-Papa Piju XII wettaq il-qima lejh fl-10 ta’ Mejju 1826.

Ħsieb: Deskrit mill-bijografu bikri tiegħu Gerald de Frachet bħala “l-aktar suċċessur li kien jistħoqqlu post Duminku,” Ġordan dejjem ġie mfakkar bħala “mera ta’ kull aspett tal-osservanza reliġjuża, eżempju ta’ virtu’, raġel ta’ kastità mhux minsusa tal-moħħ u tal-ġisem”.

Tabilħaqq, l-eżempju ta’ Ġordan jingħad li ġib miegħu elf raġel biex jissieħbu fl-Ordni u l-interċessjoni tiegħu għad għandha l-qawwa biex tqajjem żelu u entużjażmu fl-irġiel u fin-nisa tal-lum biex dawn jaslu jikkonsagraw ħajjithom lil Alla bl-ilbies abjad ta’ San Duminku.

Mill-bosta stejjer li nafu dwar Ġordan, nistgħu nsemmu dwar il-karità kostanti tiegħu, il-paċenzja u l-imħabba mal-oħrajn. Hu qatt ma naqas milli jikkonferma lill-aħwa fil-fidi u jassigurahom fi żminijiet ta’ prova. Imma kif għamel dan? Hu għamel dan billi għamel dak li l-Ordni tal-Predikaturi jeżistu għalih: ix-xandir tal-Aħbar it-Tajba. L-aħbar li r-rebħa tappartieni lil Alla tagħna, li Ġesù ħarġina mill-iskjavitu ta’ dnubietna u li aħna salvajna minn kull inġustizzja.

Kull meta tiġrilna xi ħaġa ħażina, kull meta nħossuna dgħajfa jew oppressa minħabba l-iżbalji li nkunu wettaqna, nistgħu nsegwu l-parir ta’ Ġordan u nduru lejn Kristu Msallab. Quddiem il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’, nistgħu ngħidulu: ‘Mulej, ikollok ħniena minna’ u mmorru għandu kif qalilna Hu stess: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mattew 11:28).

  • U int kull darba li tiżbalja, tmur b’mod spiritwali quddiem Ġesu’ msallab u għand is-saċerdot fil-Qrar biex tirċievi mingħand il-Mulej il-ħniena u l-maħfra?
  • Kemm int lest/a xxandar l-Aħbar it-Tajba bla ma tħalli xejn ifixklek jew iwaqfek milli tagħmel dan għax temmen lix-xandir hi s-sejħa ta’ kull nisrani?
  • Timpenja ruħek biex twettaq fil-fidi u biex tagħmel kuraġġ lil dawk in-nies madwarek li forsi għaddejjin minn żmien iebes u qed jaqtgħu qalbhom?

Talba: Beatu Ġordan ta’ Sassonja, suċċessur ta’ San Duminku, fil-jiem bikrija tal-Ordni, l-eżempju tiegħek u l-ħeġġa ġiegħlu lil ħafna rġiel u nisa jsegwu lil Kristu bl-ilbies abjad tal-Qaddis. Bħala Patrun tal-vokazzjonijiet Dumnikani, nitolbuk tkompli tħeġġeġ aktar irġiel u nisa ddedikati biex jikkonsagraw ħajjithom lil Alla. Permezz tal-interċessjoni tiegħek, nitolbuk ukoll biex tipproteġi u tqaddes lill-patrijiet kollha fl-Ordni tal-Predikaturi biex ikunu dejjem imħejjija għall-appostolat tax-Xandir tal-Verità, kemm b’fommhom, kif ukoll bl-eżempju ta’ ħajjithom. Ammen.

English Version: https://www.nashvilledominican.org/community/our-dominican-heritage/our-saints-and-blesseds/bl-jordan-of-saxony/

Alternative Reading: https://www.english.op.org/godzdogz/great-dominicans-blessed-jordan-of-saxony

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jordan_of_Saxony

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

blessed-jordan.jpg

Advertisements