14 ta’ Frar: San Ċirillu u San Metodju

Verżjoni Vidjo: San Ċirillu u San Metodju

“Dawn huma żewġt aħwa li qdew il-Mulej bil-qdusija u l-ġustizzja tul ħajjithom kollha”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ċirillu u San Metodju.

Saints_Cyril_and_Methodius_Hand-Painted_Orthodox_Icon_1SAN ĊIRILLU (827-868) U
SAN METODJU (826-840)
Appostli tas-Slavi u Patruni tal-Ewropa

Tagħrif: Dawn iż-żewġ qaddisin, Appostli tas-Slavi u Patruni tal-Ewropa, huma l-uniċi żewġ qaddisin aħwa, minbarra l-appostli, li għandhom post għalihom fil-kalendarju universali Ruman. Huma mhux biss għallmu lis-Slavi imma huma wkoll awturi tal-liturġija tagħhom.

Huma kienu Griegi mit-Tessalonika u kienu jafu jitkellmu bl-ilsien Slavoniku. Dawn ġew mibgħuta mill-imperatur ta’ Kostantinopli u mill-patrijarka Fozju fil-Moravja bħala missjunarji. Ċirillu kien qassis b’fama ta’ filosfu msemmi. Metodju kien raħeb.

Qabel marru fil-Moravja huma sawru alfabet Slavoniku u ittraduċew il-Vanġeli. Ix-xogħol tagħhom fil-Moravja mar ‘il quddiem, in-nies riedu isqof u għalhekk marret delegazzjoni Ruma biex titlob dan. Hemmhekk Ċirillu daħal raħeb f’monasteru Grieg u miet ħamsin jum wara.

Metodju ġie ordnat qassis u mibgħut bħala legat tal-Papa għas-Slavi kollha. Wara ftit xhur huwa reġa’ mar Ruma u ġie magħmul arċisqof ta’ Sirmium (illum post fl-ex-Jugoslavja) b’ġurisdizzjoni fuq il-Pannonia u l-Moravja kollha u suġġett direttament lejn is-Santa Sede. Billi d-Duka tal-Moravja kien jipreferi l-liturġija Latina, San Metodju ġie akkużat fil-falz, għamel żmien fl-eżilju u kien anke mitfugħ il-ħabs. Il-Papa rnexxielu jeħilsu mill-ħabs u mill-akkużi foloz, u reġa’ kkonferma d-dritt tal-liturġija bl-ilsien tal-post.

San Metodju għadda l-aħħar sittax-il sena bħala isqof jittraduċi l-bqija tal-Bibbja fl-ilsien Slavoniku u jsawwar kodiċi ta’ liġijiet tal-Knisja.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjara lil S. Ċirillu u S. Metodju bħala ko-patruni tal-Ewropa (flimkien ma’ San Benedittu) bl-Ittra Appostolika “Egregi Virtutis” (31 ta’ Diċembru 1980).

Ħsieb: Qari mill-Ħajja ta’ Kostantinu bit-titlu ‘Kabbar il-Knisja tiegħek, u iġbor ‘il kulħadd f’għaqda waħda’:

“Kostantinu Ċirillu, wara li għadda minn ħafna taħbit, marad. Kien ilu ħafna ġranet marid, meta ra ‘l Alla f’dehra, u nfexx jgħanni u jgħid: “Ferħet ruħi, u qalbi qabżet bil-ferħ, meta qaluli: Sejrin fid-dar tal-Mulej”.

Mbagħad libes l-ilbies imqaddes, u baqa’ bih il-ġurnata kollha; u, kollu ferħan, qal: “Mill-llum ‘il quddiem m’iniex iżjed qaddej la tal-imperatur u lanqas ta’ ħadd fid-dinja, imma ta’ Alla waħdu li jista’ kollox. Jien ma kont xejn. Ammen”. L-għada tefa’ fuqu l-libsa mqaddsa ta’ raħeb, u żied glorja oħra ma’ dik li kellu billi ried li jissejjaħ ukoll Ċirillu. Dam ħamsin ġurnata b’dik il-libsa fuqu.

Meta qorob għalih iż-żmien li jidħol fil-mistrieħ tal-għamara ta’ dejjem, refa’ jdejh ‘il fuq lejn Alla, u bid-dmugħ f’għajnejh talab u qal:

“Mulej, Alla tiegħi, int ħlaqt il-kori kollha tal-anġli u l-qawwiet spiritwali, frixt is-sema, qegħidt l-art fis-sod, u mix-xejn tajt l-eżistenza li dak kollu li jeżisti. Inti dejjem tisma’ lil dawk li jagħmlu r-rieda tiegħek u jqimuk u jħarsu l-preċetti tiegħek. Isma’ t-talba tiegħi, u żomm fidili l-merħla li fdajtli f’idejja, qaddej tiegħek li ma jinqalax u ma jistħoqqlux.

“Eħlishom mill-ħażen u l-qerq tal-pagani li jżebilħuk, kabbar u kattar il-Knisja tiegħek, u iġbor ‘il kulħadd fl-għaqda tagħha. Agħmel li l-poplu tiegħek ikun għoli fil-ġieħ, żommhom qalb waħda fil-fidi vera u fl-istqarrija tajba tiegħek, u nissel f’qalbhom il-kelma tat-tagħlim tiegħek. Huwa don tiegħek jekk inti lqajtna biex inxandru l-Evanġelju ta’ Kristu tiegħek, inħeġġu lill-oħrajn għall-għemejjel it-talba u nagħmlu dak li jogħġob lilek. Dawk li tajtni, inroddhomlok lura għax huma tiegħek; mexxihom bil-leminija qawwija tiegħek, u żommhom taħt il-kenn ta’ ġwenħajk, biex ilkoll ifaħħru u jagħtu glorja lil ismek, l-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen”.

Mbagħad ta bewsa qaddisa lil kulħadd u qal: “Imbierek Alla, li ma ħalliniex inkunu priża tal-għedewwa tagħna li ma jidhrux, imma qatta’ x-xibka tagħhom u ħelisna minnhom biex ma jeqirduniex”. U hekk straħ fil-Mulej meta kellu tnejn u erbgħin sena.

Il-Papa ordna li l-Griegi ta’ Ruma u r-Rumani kollha jinġabru madwar il-katavru tiegħu bix-xemgħat mixgħula f’idejhom għall-Uffiċċju, u ried ukoll li l-funeral isirlu xorta waħda kif isir lill-Papa stess: u hekk sar”.

L-14 ta’ Frar norbtuh ħafna drabi mal-festa ta’ San Valentinu (Saċerdot u Martri. + c. 269). Valentinu kien saċerdot Ruman li aktarx sofra l-martirju fil-persekuzzjoni kontra l-insara, taħt Karlu l-Goti, għall-ħabta tas-sena 269. Jinsab midfun fil-Via Flaminia, f’Ruma, u fuq il-qabar tiegħu nbniet bażilika fit-350. Bħal-lum il-‘maħbubin’ jibagħtu l-kartolini msejħin “ta’ San Valentinu” li m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ dan il-qaddis ħlief li jissemmew għalih. Din id-drawwa jingħad li bdiet minħabba t-twemmin popolari li l-għasafar jibdew isibu s-sieħba tagħhom f’dan il-jum.

Kristu hu l-veru Maħbub ta’ kulħadd, li ħabbna mhux bil-paroli biss imma fis-sewwa u fil-verita’ billi miet għalina fuq is-salib biex isalvana. Int qed tħobbU lura billi tgħix skont it-tagħlim tiegħu kif għamlu u għallmu San Ċirillu u San Metodju? Hu li qal: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti” (Ġwanni 14:23)

Talba: O Alla, int dawwalt il-ġnus Slavi bil-ħidma qaddisa ta’ l-aħwa San Ċirillu u San Metodju; dawwal lil qlubna bit-tagħlim tiegħek, u agħmel li lkoll inkunu poplu wieħed, magħqud fl-istqarrija tal-fidi vera. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/sts-cyril-and-methodius.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/sts-cyril-and-methodius-147

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saints_Cyril_and_Methodius

Film on Cyril and Methodius: The Apostles of the Slavs (2013) with English subtitles:

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements