15 ta’ Frar: San Klawdju de la Colombière

Verżjoni Vidjo: San Klawdju de la Colombière

“Ma nistgħux nunuraw lil Alla billi nippretendu affarijiet kbar mingħandu. Il-fiduċja tagħna Fih hija l-virtu’ li tagħtih l-akbar unur”. ~ San Klawdju de la Colombière

cce4af31aa067194e85aec358d6cbf49SAN KLAWDJU DE LA COLOMBIÈRE
Saċerdot
1641 – 1682

Tagħrif: San Klawdju De La Colombière nistgħu nsejħulu l-Appostlu tal-Qalb ta’ Ġesù flimkien ma’ Santa Margerita M. Alacoque li tagħha kien direttur spiritwali.

Klawdju twieled ftit ’il bogħod minn Lyon (Franza) fl-1641. It-tifel kiber fl-għożża ta’ familja tassew nisranija. Kmieni bagħtuh jistudja f’kulleġġ tal-Ġiżwiti.

Ma kienx differenti mit-tfal tamparu: delikat f’persuntu iżda ferrieħi, studjuż imma wkoll ċajtier. Ma kienx jonqos li jitħallat ma’ sħabu f’dak li hu sports tal-kulleġġ.

Ta’ 17-il sena ngħaqad mal-Kumpanija ta’ Ġesù. Ġie ordnat saċerdot f’Pariġi ta’ 28 sena, fl-1669. Għallem fi skola tal-Ġiżwiti u kien predikatur fi Lyon.

Ta’ 33 sena ħa l-voti solenni u xahrejn wara, fi Frar 1675, sar superjur ta’ komunità żgħira f’Paray-le-Monial. B’kollox dam hemm 18-il xahar biss, iżda dan kien żmien biżżejjed biex jagħti lil Santa Margarita Marija Alacoque, f’kunvent tal-viżitazzjoni fil-qrib, id-direzzjoni spiritwali u l-inkoraġġiment li kellha bżonn. Hu l-aktar li jibqa’ mfakkar għal din il-missjoni tiegħu li sawret it-tifsira ta’ ħajtu.

F’Ottubru 1676, kien mibgħut Londra bħala predikatur tal-qorti ta’ Maria Beatrice d’Este, mart Ġakbu d-Duka ta’ York li ’l quddiem sar ir-Re Ġakbu II. Hawn beda jxerred kemm jista’ d-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Jibqa’ msemmi għall-fiduċja sħiħa li kellu f’Alla anki meta l-affarijiet ma kinux jidhru sejrin tajjeb. Diversi talbiet tiegħu jixhdu tajjeb dan.

Wara sentejn f’Londra, Klawdju kien akkużat falzament li kien qed jippriedka kontra Charles II, u l-Parlament (magħmul minn protestanti) f’Novembru 1678 tefgħu lil Klawdju l-ħabs. Minkejja li ma nstabx ħati tal-akkużi li nġiebu kontrieh, hu xorta waħda kien imkeċċi mill-Ingilterra u ordnat jirritorna fi Franza, saħħtu mkissra għall-aħħar.

Sas-sena 1681 il-qaddis kien id-direttur tal-istudenti Ġiżwiti f’Lyon. Imbagħad kien mibgħut mill-ġdid f’Paray-le-Monial fejn saħħtu tant marret lura li miet nhar il-15 ta’ Frar 1682, ta’ 41 sena.

Klawdju De La Colombière kien dikjarat beatu minn Piju XI fis-16 ta’ Ġunju 1928, u l-Papa San Ġwanni Pawlu II iddikjarah qaddis f’April 1992.

Ħsieb: Fil-jum tal-bieraħ, ta’ San Valentinu jew Jum il-Maħbubin, iċċelebrajna l-imħabba! Żgur li rajna ħafna qlub ħomor ma’ kullimkien biex idaħħluna fl-atmosfera. Illum fil-festa ta’ San Klawdju de la Colimbiere, li flimkien ma’ Santa Margarita Marija Alacoque (ara Santa Margarita Marija Alacoque u dettali dwar il-Messaġġi li rċeviet mingħand Ġesu’) waqfu d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’, niftakru f’din imħabbtu safja u qaddisa. Qalb li tingħata lil kull wieħed u waħda minna u li tixxennaq biex tidħol f’relazzjoni ma’ kull qalb, għax dak li ngħidu bil-Malti, ‘Kull qalb trid oħra’, japplika ukoll għal Ġesu’.

Il-Papa Franġisku, fl-Angelus tad-9 ta’ Ġunju 2013 jgħid hekk dwar il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’:

“Id-devozzjoni popolari tagħti ħafna importanza lis-simboli, u l-Qalb ta’ Ġesù hu l-aqwa simbolu tal-ħniena ta’ Alla; imma mhux simbolu figurattiv, huma simbolu reali, veru, li juri ċ-ċentru, l-għajn li minnha gelglet is-salvazzjoni għall-ġens uman kollu.

Fl-evanġelji nsibu numru ta’ riferimenti għall-Qalb ta’ Ġesù, per eżempju fis-silta fejn Kristu stess jgħid: “Ejjew għandi, intom ilkoll li intom għajjenin u mgħakksin, u jien inserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mattew 11:28-29). Silta fundamentali oħra hi r-rakkont tal-mewt ta’ Kristu skont Ġwanni. Dan l-evanġelista fil-fatt jixhed dak li ra fuq il-Kalvarju, jiġifieri li suldat, meta Ġesù kien diġà mejjet, itih daqqa ta’ lanza f’ġenbu u minn dik il-ferita joħorġu demm u ilma (Ġwanni 19:33-34). Ġwanni għaraf f’dan is-sinjal, li jidher komuni, it-twettiq tal-profeziji: mill-Qalb ta’ Ġesù, Ħaruf maqtul fuq is-salib, igelglu il-maħfra u l-ħajja għall-bnedmin kollha.

Imma l-ħniena ta’ Ġesù mhix biss sentiment, hija qawwa li tagħti l-ħajja, li tqajjem lill-bniedem! Dak li jħoss Ġesù għalina, hi l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem, il-ħniena tiegħu, jiġifieri l-imġieba ta’ Alla meta jmiss mal-miżerja tagħna, man-nuqqasijiet tagħna, it-tbatija tagħna, id-dwejjaq tagħna. 

Ejjew naħsbu fuq din il-ħaġa sabiħa: il-ħniena ta’ Alla tagħti l-ħajja lill-bniedem, tqajjmu mill-mewt. Il-Mulej dejjem iħares lejna bil-ħniena; ejjew dan ma ninsewhx, iħares lejna dejjem bil-ħniena, jistenniena bil-ħniena. Ejjew ma nibżgħux nersqu lejh! Għandu qalb mimlija ħniena! Jekk aħna nuruh il-feriti li għandna minn ġewwa, dnubietna, Hu dejjem jaħfrilna. Hija biss ħniena! Ejjew immorru għand Ġesù!”

Wara Santa Margarita Marija Alacoque u San Klawdju de la Colombière, aktar riċenti bejn l-1905 u l-1938, għexet Santa Fawstina Kowalska (ara Santa Fawstina Kowalska u dettalji dwar id-Djarju u l-Messaġġ tal-Ħniena), magħrufa bħala l-Appostlu tal-Ħniena Divina li bid-Djarju li l-Mulej riedha tikteb u bil-Festa tal-Ħniena li permezz tagħha ġiet introdotta fil-Knisja, għandna enfasi kbira fuq din il-Ħniena ħierġa minn din il-Qalb ta’ Alla magħmul bniedem.

  • Int tagħraf din it-tip ta’ mħabba safja u ħanina fil-Persuna ta’ Ġesu’ li dejjem lest biex iħaddnek miegħu, għamilt x’għamilt f’ħajtek, u permezz tas-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin jagħtik il-vera ħajja Fih?

Talba: Mulej, jien qiegħed fid-dinja biex nuri l-ħniena Tiegħek waqt li xi nies jigglorifikawk billi juru l-qawwa tal-grazzja Tiegħek, bil-fedelta’ dejjiema lejk. Jiena nigglorifikak billi nuri kemm Inti ħanin lejn il-midinbin. Nuri li l-ħniena Tiegħek hija bla tarf, u li ebda midneb, kbira kemm hi kbira l-offiża, m’ għandu jaqta’ qalbu mill-maħfra. Jekk jien inqastek sew, Redentur tiegħi, tħallinix noffendik iżjed billi naħseb li m’għandekx ħniena biżżejjed biex taħfirli. Ammen. (Talba ta’ San Klawdju de la Colombière)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/02/st-claude-de-la-colombiere.html

Alternative Reading: https://www.ignatianspirituality.com/ignatian-voices/16th-and-17th-century-ignatian-voices/st-claude-de-la-colombiere-sj

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Claude_de_la_Colombi%C3%A8re

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements