18 ta’ Frar: Beatu Ġwann ta’ Fiesole

Verżjoni Vidjo: Beatu Ġwann ta’ Fiesole

“Biex tpinġi lil Kristu, trid tgħix lil Kristu”. ~Beatu Ġwann ta’ Fiesole

Deposition_from_the_Cross_(Detail)_1437_40_EightBEATU ĠWANNI TA’ FIESOLE
(Beatu Anġeliku)
Saċerdot Duminikan
1387 – 1455

Tagħrif: Kien jismu Guidolino di Pietro, u twieled f’Vicchiodi Mugello, fl-Italja. Sa minn żogħżitu hu tgħallem is-sengħa ta’ pittur f’Firenze. Madwar l-1420 flimkien ma’ ħuh Benedetto ingħaqad mad-Dumnikani fil-kunvent ta’ Fiesole, u ħa l-isem ta’ Fra Ġwann ta’ Fiesole. Huwa kien bniedem sempliċi, twajjeb, fqir u umli.

Wara li ordna saċerdot issokta jpitter. Hu kien tipikament Dumnikan: jgħaddi lill-oħrajn il-frott tal-kontemplazzjoni tiegħu, għax fi kwadri mill-isbaħ pinġa l-misteri tas-sema li huwa kien jikkontempla fit-talb u fl-istudju tal-Kotba Mqaddsa.

Fil-kunvent ta’ San Marco, f’Firenze insibu ġojjelli artistiċi tiegħu. Ġie mibgħut l-Italja, fejn baqa’ Ruma sal-1447, meta kellu x’jagħmel xogħlijiet oħra fil-Katidral ta’ Orvieto. Wara rritorna Firenze fl-1449 jew l-1450. F’Ġunju 1450, kien Pirjol fil-kunvent ta’ San Duminku fi Fiesole. Bejn l-1453-1454, x’aktarx reġa’ kien Ruma biex jagħmel xi xogħol hemmhekk.

Ix-xogħlijiet tiegħu għadhom sal-lum jgħaxxqu lil kulħadd fi Fiesole, Firenze, Orvieto u fil-Vatikan. Bħala xhieda tal-virtujiet u tal-arti tiegħu kulħadd kien isejjaħlu l-“Beatu Anġeliku” u b’dan l-isem hu magħruf bħala wieħed mill-aqwa pitturi reliġjużi ta’ kull żmien. Jingħad fuqu li qatt ma beda jpitter bla ma qabel ikun talab, u qatt ma kien ipitter kurċifiss bla ma d-dmugħ kien iġelben minn għajnejh.

Mewtu ġrat fit-18 ta’ Frar 1455, fil-kunvent ta’ Sidtna Marija fuq il-Minerva, u l-fdalijiet tiegħu jinsabu fil-knisja ta’ dan l-istess kunvent. Il-Papa San Ġwann Pawlu II, fit-3 ta’ Ottubru tal-1982, ikkonferma l-qima lejn il-Beatu Ġwanni ta’ Fiesole u aktar tard ħatru Patrun tal-artisti.

Ħsieb: Nistgħu ngħidu li dan il-bniedem sempliċi u twajjeb, il-Beatu Ġwann ta’ Fiesole, jew kif kulħadd kien isejjaħlu “Il-Beatu Anġeliku”, xandar il-messaġġ tal-Vanġelu bil-ġenju tal-pittura tiegħu. L-espressjoni artistika hija rifless tal-ispiritwalità kbira li kellu moħbija f’qalbu. Kif jgħid hu stess: “Biex tpinġi lil Kristu, trid tgħix lil Kristu”. Ix-xogħlijiet tiegħu huma espressjoni ta’ fidi u mħabba lejn Kristu u tal-valuri kbar tal-ħajja qaddisa tiegħu.

Il-Beatu Anġeliku kien pittur devot u metikolus ħafna. Is-serenità li wieħed jara fl-arti tiegħu tirrifletti l-ħajja tiegħu. Huwa kien jgħid, li jekk xi ħadd irid jipprattika l-arti għandu jgħix ħajja kwieta u bla ma jinkwieta żejjed. Kien jgħid ukoll, li dak il-bniedem li jintriga ruħu biex iressaq l-affarijiet fuq Kristu, għandu jgħix ma’ Kristu.

Ejjew nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex juża t-talenti u l-abilitajiet tagħna biex nagħmlu d-dinja post aħjar. Ejjew nifirħu meta naqsmu bejnietna mingħajr għira u pika t-talenti li tana Alla. Ejjew naħsbu spiss li għad jiġi l-mument meta se jkollna nagħtu kont. Dak ikun l-aħħar mument. Tajjeb li nippjanaw għal dak il-mument billi sikwit nistaqsu lilna nfusna:

“Jiena li l-Mulej tani ħafna, berikini b’tant affarijiet, x’qiegħed nagħmel b’ħajti?”

Naħseb din hija mistoqsija l-iżjed importanti: x’qiegħed nagħmel b’ħajti? Irridu, qabel xejn, u din l-iżjed ħaġa forsi li ninsew, nirrealizzaw li dak li rċevejna huwa rigal minn Alla, huwa mogħti lilna b’fiduċja kbira. Ħafna drabi din il-ħaġa ninsewha, jekk ninsew din ma nifhmux għaliex irridu nagħtu kont lil Alla. Għax irrid nagħti kont lil Alla jien? Għaliex dak kollu li għandi rċevejtu mingħandu b’don u b’fiduċja kbira.

Il-Mulej se jgħidli, ‘Inti, tajtek dak it-talent, x’għamilt bih?’ Hu jirrita ruħu meta t-talenti tagħna ma niżviluppawhomx. Jalla ngħinu lil xulxin bħala komunità, bħala familja. L-ewwel nett biex niskopru t-talenti sbieħ li tana l-Mulej, it-tieni li nħaddmuhom għall-ġid tal-oħrajn għaliex hekk jitkattru.

Huwa għalhekk fil-parabbola tat-talenti, dak li rċieva ħamsa, fl-aħħar kellu għaxra għaliex qassamhom mal-komunità u tkattru. Dak li pprova jew iżommu għalih jew inkella jaħbih baqa’ b’li kellu u aħna nafu li meta ħaġa ma tħaddimhiex ma tibqax li tkun. Immaġina jkollok karozza dejjem magħluqa ġo garaxx, mur ipprova startjaha wara xi ħames snin! Jekk ma taqax biċċiet quddiemek, il-batterija tgħidlek bonswa. Għax il-ħaġa hi u titħaddem qed propju mhux tgħin lilek biss imma lill-oħrajn ukoll. Mela, l-kapaċitajiet li Alla tana, li għalihom aħna responsabbli u rridu nagħtuh kont, il-Mulej isejjħilna biex inħaddmuhom għall-ġid tal-komunità, kif għamel il-Beatu Ġwann ta’ Fiesole.

Talba: O Alla, li tqassam id-doni tiegħek fuqna l-bnedmin b’ġenerożita’ kbira, Int li għent lill-Beatu Ġwann ta’ Fiesole iħaddem it-talent tiegħu għall-ġid tal-oħrajn, agħtina li b’talbu aħna, b’sens ta’ ġenerożità kbira, nifirħu meta naqsmu bejnietna mingħajr għira, mingħajr pika, it-talenti li tajtna Int għall-glorja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/blessed-john-of-fiesole/

Alternative Reading: https://www.nashvilledominican.org/community/our-dominican-heritage/our-saints-and-blesseds/bl-john-fiesole-fra-angelico/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Fra_Angelico

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements