19 ta’ Frar: San Korradu Confalonieri

Verżjoni Vidjo: San Korradu Confalonieri

“Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina”. ~  1Ġwanni 1:9-10

c8aaf5f193ce77f9f49b7326b9e883f0SAN KORRADU CONFALONIERI
Eremit
1290 – 1354

Tagħrif: Kien nobbli mill-belt ta’ Piacenza fl-Italja ta’ Fuq, fejn twieled fl-1290. Meta kien għadu żagħżugħ iżżewweġ u qabad il-karriera militari. Huwa kien miġnun wara l-kaċċa tal-annimali. Jum minnhom, waqt li kien għall-kaċċa, aktarx biex igerrex xi annimali, qabbad nar li għamel ħsara kbira.

Wieħed raġel li kien jgħix fil-bosk ġie akkużat b’din il-ħsara, bdew jittorturawh biex jammetti u kienu ser jgħallquh. Korradu kellu l-kuraġġ jistqarr il-ħtija tiegħu u li kien lest jagħmel tajjeb għall-ħsara li saret b’ġidu u b’ġid martu.

Wara li qassmu kull ma fadlilhom, huwa u martu Kjara bdew japprezzaw l-ideali ta’ San Franġisk. Il-mara daħlet mal-Klarissi u Korradu sar terzjarju Franġiskan. Il-qaddis għamel żmien jiġġerra minn post għall-ieħor ifittex post fejn seta’ jinġabar jgħix ħajja fil-kwiet ma’ Alla.

Jingħad li l-qaddis anki żar Malta, u minn hawn wara ftit telaq lura lejn Sqallija, niżel il-port ta’ Palazzolo u mbagħad mar f’Noto Antico. Minn hawn mar Val di Noto fejn għadda l-aħħar tletin sena ta’ ħajtu jgħix għalih waħdu ġewwa għar f’ħajja ta’ talb u penitenzi bħala eremit. Ħafna kienu jmorru għandu għall-pariri. Huwa miet fid-19 ta’ Frar, 1354.

Il-fdal tiegħu jinsab meqjum ġo urna rikka u artisika fil-katidral iddedikat lilu f’Noto, u hawn huwa l-patrun ta’ dik il-belt u d-djoċesi. Huwa wkoll il-qaddis protettur tal-kaċċaturi.

Il-Papa Leone X ppermetta l-festa tiegħu għal Noto fl-1515, waqt li l-Papa Pawlu III (1534 – 1549) tah it-titlu ta’ qaddis, u l-Papa Urbanu VIII fl-1644 approva l-festa tiegħu għall-kalendarju ta’ Ordni kollu Franġiskan.

Lejh jirrikorru speċjalment f’każi ta’ ernja, u bla dubju ta’ xejn hu mudell mill-isbaħ tal-ħajja tat-talb u l-kontemplazzjoni.

Ħsieb: Minkejja, li Korradu Confalonieri fil-paniku u l-biża’ li qabdu x’ħin ra dak in-nar jinfirex u jeqred kull ma jsib, ħarab minn fuq il-post, aktar tard, meta ra li raġel innoċenti kien spiċċa l-ħabs, kien qed jiġi ttorturat biex jammetti u ġie saħansitra kkundannat għall-mewt għax is-suspetti kollha kienu fih, NIDEM mill-fatt li ħarab minn fuq il-post. Għalkemm, ma qabbadx dan in-nar apposta, imma l-ħsara kienet tkun ta’ detriment kbir għar-ruħu li kieku weħel it-tort kollu dak ir-raġel innoċenti! Kien ikolli l-mewt tiegħu fuq il-kuxjenza!

Niedem u b’kuraġġ ta’ minn jagħżel li jaffaċċja l-konsegwenzi ta’ għemilu, Korradu jistqarr is-sewwa kollu u jħallas il-prezz li swielu kważi ġidu kollu. Imma jekk tilef il-ġid materjali, żgur li akkwista s-salvazzjoni ta’ ruħu, paċi kbira f’qalbu u serħan f’moħħu, u skopra, flimkien ma’ martu, li kellhom sejħa Franġiskana x’jgħixu. Il-faqar li daqu, wassalhom biex jgħixu s-sejħa tal-Fqir ta’ Assisi. U hawn, Korradu jgħix ħajja ta’ qdusija kbira u ħafna nies irċevew mingħandu pariri mill-aqwa.

Imma x’inhi l-indiema? Xtaqt naqsam magħkom xi ħsibijiet ta’ Franġiskan ieħor, Sant’Antnin dwar l-indiema:

“Għad li mgħarrqa fil-vizzji, ir-ruħ il-mitlufa dejjem ikollha fiha mkebbsa xrara li tniggżilha l-kuxjenza. Ruħ il-midneb, hekk kif tagħraf il-ħażen ta’ dnubha, għandha tibda titlob hekk: “Mulej, bin David, ikollok ħniena minni! O għajn ta’ kumpassjoni u maħfra, li ħriġt tgelgel mill-imqaddsa Verġni Marija, naddaf il-ħmieġ ta’ dnubieti. Ikollok ħniena minni.”

Dak li tabilħaqq jikkonverti, imqanqal mill-Ispirtu ta’ Alla, isir insensibbli għall-pjaċiri tad-dinja, jibki bin-niket li jħoss u jmur ifittex lil xi qassis biex quddiemu jistqarr dnubietu. Ir-rikonċiljazzjoni tal-midneb ma’ Alla tista’ tissejjaħ l-għerusija ta’ l-Ispirtu s-Santu mar-ruħ niedma. Minn din il-għaqda jitnissel in-Nisrani l-ġdid, werriet tal-ħajja ta’ dejjem. Ejjew, mela, jekk għandna bżonn, insejħu u mmorru b’ġirja nfittxu l-Għarus tas-sema, u nitolbu ’l Alla jaħfrilna dnubietna. Dan nitolbuhulu permezz ta’ Ġesù, ħuna l-kbir: o Ġesù, aħna laħam minn laħmek. Biex tifdi lill-bnedmin sirt bniedem. Mill-uġigħ kbir li sofrejt għalina tgħallimt tikkumpatina.  

Aktar ma l-midneb ikun ’il bogħod meta jdur biex jerġa’ għal għand Missieru, daqstant ieħor dan jilqgħu b’imħabba kbira. Ħadd ma jsir perfett f’daqqa waħda. Għalhekk jeħtieġ li ninfatmu mid-dinja bil-ftit il-ftit, aħna u nistmellu l-għana u l-pjaċiri li toffrilna. Wieħed jeħles minn drawwa billi jibda drawwa oħra bil-kontra. Wieħed filosfu tal-qedem jgħid li l-vizzji jintemmu meta nitgħallmu naqtgħuhom.

Jekk wieħed irid jindem tabilħaqq, ma għandux jistrieħ fuq il-merti tiegħu, ma jimliex rasu bil-ġid li għamel; iżda, b’sogħba u mistħija, imur juri fil-qrar il-ħażen kollu li għamel. U mhux biżżejjed li jagħraf li hu midneb, iżda jekk xi ħadd iċanfru għal dnubietu għandu joqgħod ġwejjed bl-umiltà. Jekk ma jagħmilx hekk juri li ma nidimx tabilħaqq.

Kemm hi kbira t-tjieba ta’ Alla! Kemm xejn ma jista’ joqgħod ħdejn id-dinjità tal-bniedem! Min jgħammar fl-eternità jinżel jgħammar fil-qalb umli u fir-ruħ niedma”.

Talba: O Missier tas-sema, nitolbuk biex, bħal Korradu Confalonieri, aħna dejjem nagħmlu ħilitna biex nagħmlu l-aħjar għażliet, anke jekk dan ifisser li nsofru l-umiljazzjoni u t-telf tal-ġid materjali tagħna kollu. Korradu sofra dan kollu, imma għax għażel li jmut għalih innifsu u jgħix għalik, huwa kiseb ir-rispett u l-venerazzjoni ta’ ħafna, u issa qed igawdi premju etern miegħek, li jmur lil hinn minn kwalunkwe pussess jew unur ta’ din id-dinja materjali. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-conrad-of-piacenza/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-conrad-of-piacenza-152

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Conrad_of_Piacenza

 

 

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa kitba ta’ Sant’Antnin, maqluba għall-Malti minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

Advertisements