22 ta’ Frar: Il-Katedra ta’ San Pietru

Verżjoni Vidjo: Il-Katedra ta’ San Pietru

“Pietru, qabel ma sejjaħtlek mid-dgħajsa, għaraftek, qegħedtek kap tal-poplu tiegħi, U tajtek l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet. Kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tal-Katedra ta’ San Pietru (Mattew 16:19)

petruIL-KATEDRA TA’ SAN PIETRU

Tagħrif: X’aktarx li din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata kull sena mill-bidunett tal-Knisja, b’tifkira tal-ġurnata li fiha San Pietru għamel l-ewwel ċerimonja reliġjuża hekk kif wasal Ruma, xi ħdax-il sena wara li Ġesù tela’ s-sema.

Kittieba tal-Istorja jaffermaw li San Pietru, qabel ma mar Ruma, kien diġà waqqaf is-Sedi tiegħu f’Antjokja. Antjokja dak iż-żmien kienet il-kapitali tal-Lvant. San Girgor il-Kbir jgħid li l-Prinċep tal-Appostli kien isqof ta’ dik il-belt għal seba’ snin.

Huwa fatt ukoll ibbażat fuq il-kunsens unanimu tal-kittieba nsara tal-qedem li San Pietru kien ukoll Ruma u waqqaf il-Knisja hemmhekk. B’danakollu hu ma baqax kontinwament Ruma, billi għal xi waqtiet kellu spiss ikun bnadi oħra minħabba l-ħidma appostolika tiegħu .

Fil-Vatikan, hemm siġġu sempliċi bid-dirgħajn, magħmul mill-injam tal-ballut, u li żmien wara kien ġie msebbaħ b’panelli tal-avorju. Dan is-siġġu (sedes gestatoria) jinsab ippreservat ġo kaxxa kbira tal-bronż, iddisinjata minn Bernini, u tinsab imqiegħda fil-għoli mal-ħajt.

Fl-1867, dan is-siġġu kien ġie espost għall-venerazzjoni tal-Fidili biex jiġi kkomemorat it-tmintax-il ċentinarju mill-mewt ta’ San Pietru.

Biż-żmien, il-Knisja, bdiet tara fis-siġġu ta’ San Pietru, simbolu tal-awtorita’ tal-Papa, jew fi kliem ieħor l-għaqda tal-Knisja mal-Papa suċċessur tal-Appostli, u għalhekk f’dan il-jum, tħeġġeġ il-Fidili biex isaħħu l-fedelta’ tagħhom lejn il-Papa u biex jitolbu għalih.

Fl-imgħoddi, il-festa li tfakkar l-awtorità pontifiċja ta’ San Pietru kienet tiġi ċċelebrata f’żewġ dati differenti: fit-18 ta’ Jannar, f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Ruma, u fit-22 ta’ Frar f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Antjokja. Fir-riforma tal-Kalendarju Universali tal-Knisja tal-1969 dawn iż-żewġ festi nġabru f’festa waħda.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir:

“Minn fost kulħadd, Pietru waħdu ntagħżel, u tqiegħed fuq il-ħidma għas-sejħa tal-ġnus kollha, fuq l-Appostli kollha, u fuq il-missirijiet kollha tal-Knisja. Għalkemm ħafna huma s-saċerdoti u ħafna r-rgħajja fil-poplu ta’ Alla, sewwsew huwa Pietru li jmexxi lil kulħadd, taħt il-mexxej il-kbir, li hu Kristu. Għeżież, kemm hu kbir u tal-għaġeb is-sehem li Kristu għoġbu jagħti lil dan ir-raġel mis-setgħa tiegħu stess! U jekk Kristu għoġbu wkoll jagħti sehem minn din l-istess setgħa tiegħu lill-Appostli u ‘l-mexxejja l-oħra, jekk hu ma ċaħadx jagħti lill-oħrajn sehem minn dak li għandu hu, huwa qatt ma tahom xejn jekk mhux permezz ta’ Pietru.

Ġesu’ qal lil Pietru: Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet. Il-jedd ta’ din is-setgħa għadda wkoll lill-Appostli l-oħra, il-kmand mogħti b’dan id-digriet twassal ukoll lill-kapijiet kollha tal-Knisja; iżda m’hux ta’ xejn tħalla fil-ħsieb ta’ wieħed dak li ġie kkmandat lil kulħadd. Dan ġie fdat b’mod speċjali lil Pietru, għax Pietru hu l-mudell li lejh għandhom iħarsu l-mexxejja kollha tal-Knisja”.

Ma kienx is-soltu li Ġesù jbiddel l-ismijiet tad-dixxipli tiegħu; barra mil-laqam li ta lill-ulied Żebedew, ‘ulied ir-ragħad’ (Mark 3;17). Qatt ma ta isem ieħor, biss lil Xmun biddillu ismu u sejjaħlu ‘Kefas’. Dan l-isem aktar ’il quddiem ġie maqlub bil-Grieg bħala Petros u bil-Latin bħala Petrus. U dan ġie maqlub mhux għax kien isem imma għax kien mandat li Petrus irċieva mingħand il-Mulej. Dan l-isem Petrus baqa’ jidher spiss fil-Vanġelu u spiċċa biex biddel l-isem oriġinali ta’ Xmun.

“U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.” (Mattew 16: 18-19)

Papa Franġisku, f’silta mill-ewwel omelija tiegħu meta laħaq Papa (19 ta’ Marzu, 2013) qal hekk:

“Hu minnu li Ġesù Kristu lil Pietru tah f’idejh is-setgħa, imma x’setgħa hi din? Wara l-mistoqsija tripla li Ġesù jagħmel lil Pietru dwar l-imħabba, tasal l-istedina tripla: irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi. Ma ninsew qatt li s-setgħa vera hi s-servizz, u li anki l-Papa, biex iħaddem is-setgħa tiegħu, irid jidħol dejjem iżjed f’dak is-servizz li għandu l-quċċata kollha dawl tiegħu fuq is-salib”.

Tajjeb li f’dan il-jum nitolbu b’mod speċjali għall-Papa: nitolbu għall-bżonnijiet, għall-protezzjoni u għall-qdusija tiegħu kif ukoll skont l-intenzjonijiet li għandu. Ma ninsewx nitolbu għall-Knisja kollha biex tibqa’ fidila lejn is-suċċessur ta’ Pietru u f’għaqda miegħu, taħdem u sservi lil kulħadd fuq l-eżempju tal-Iben t’Alla li “ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Talba: Mulej Ġesù Kristu int waqqaft il-Knisja tiegħek fuq il-blata tal-fidi ta’ San Pietru. Agħmel li ħadd u xejn ma jkun il-kawża li jdgħajjef jew ixejjen il-fidi tagħna. Int għażilt lil San Pietru biex ikun l-ewwel wieħed li jmexxi l-Knisja tiegħek, u tlabt għalih biex il-fidi tiegħu ma tonqosx; wettaqna fl-istess fidi, u saħħaħna fil-fedeltà tagħna lejn il-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.lwctt.org/2018/02/22/chair-of-st-peter-22-february-2/

Alternative Reading: https://www.associationofcatholicpriests.ie/2018/02/22-february-the-chair-of-st-peter-apostle/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Chair_of_Saint_Peter

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements