23 ta’ Frar: San Polikarpu

Verżjoni Vidjo: San Polikarpu

“Lill-Anġlu tal-Knisja li hemm fi Żmirna iktiblu hekk: Dan jgħidlek dak li hu l-Ewwel u l-Aħħar, li kien mejjet u reġa’ ħaj: Jiena naf it-taħbit u l-faqar tiegħek għad li inti għani. Ibqa’ fidil sal-mewt, u jiena nagħtik il-kuruna tal-ħajja. Tibżax minn dak li jkollok issofri: ara, id-demonju se jixħet lil xi wħud minnkom fil-ħabs biex iġarrabkom”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Polikarpu

th2_스미르나의성폴리카르포21.jpgSAN POLIKARPU
Isqof u Martri
59 – 155

Tagħrif: L-atti awtentiċi ta’ dan il-martri famuż kienu miktuba mill-Knisja ta’ Żmirna u huma dokument importanti fl-istorja tal-knisja tal-bidu.

San Polikarpu kien żagħżugħ meta ġie mgħammed minn San Ġwann l-Evanġelista u sar dixxiplu tiegħu f’madwar is-sena 80.

Meta kellu 37 sena, ġie kkonsagrat Isqof ta’ Żmirna, minn San Ġwann stess, probabbilment qabel ma kien eżiljat f’Patmos, fis-sena 96. Polikarpu mexxa l-Knisja ta’ Żmirna għal 70 sena, u fost id-dixxipli tiegħu nsibu lil San Irenew u lill-kittieb Papija.

San Irenew ħalla miktub li San Polikarpu kien jaf personalment lil San Ġwann u lill-oħrajn li kienu raw lill-Mulej.

Waħda mill-avvenimenti kbar f’ħajtu, kienet li f’madwar is-sena 155, meta kellu iktar minn 96 sena, ftit qabel ma miet, mar Ruma biex f’isem il-Knisja tal-Lvant jiddiskuti mal-Papa San Aniċetu, it-twaqqif tal-jum tal-festa tal-Għid il-Kbir, u ddeċidew li ż-żewġ Knejjes jiċċelebraw l-Għid għal rashom, skont l-użanzi rispettivi tagħhom.

Taħt l-imperaturi Lucius Virus u Marcus Aurelius, il-qaddis kien arrestat u meħud quddiem il-prokonslu. San Polikarpu kien miġjub quddiem Kwadratu li kien Prokonslu tal-Asja, u kkundannah għall-mewt billi jaħarquh.

Meta ġie mitlub biex jiċħad lil Ġesù, wieġeb: “Jien ili 86 sena li sirt nafu, ħabbejtu u servejtu, u Hu qatt ma naqasni. Kif nista’ niċħdu issa!”

Talli ma riedx jiċħad lil Kristu, hu kien ikkundannat għall-mewt billi kien mitfugħ fin-nar. L-awturi tal-atti tiegħu, li jgħidu li kienu xhieda ta’ dak li kitbu, jsemmu l-fatt li l-fjammi tan-nar ma messewhx, imma ffurmaw bħal arkata fuq rasu. Minħabba f’hekk Polikarpu kien maqtul bix-xabla.

Il-mewt tiegħu ġrat fit-23 ta’ Frar, għall-ħabta tas-sena 166. Ġismu ġie maħruq, imma xi għadam tiegħu nġabar b’devozzjoni mill-insara u llum jinsab ppreservat fil-knisja ta’ San Ambrogio in Massimo, f’Ruma.

San Polikarpu hu wieħed mill-Padri Appostoliċi. Ir-rakkont tal-martirju tiegħu, l-ittra tiegħu lill-Filippin u l-ittra li San Injazju ta’ Antjokja kitiblu, huma fost l-aktar dokumenti prezzjużi tal-knisja bikrija.

Ħsieb: Qari minn Ittra tal-Knisja ta’ Żmirna fuq il-martirju ta’ San Polikarpu:

“Meta kollox kien imħejji għall-ħuġġieġa, Polikarpu neża’ ħwejġu, ħall il-ħżiem, u għamel kif seta’ biex ineħħi wkoll il-qorq minn riġlejh, ħaġa li ma kienx jagħmilha qabel, għax l-insara kollha kienu dejjem bl-imħatra bejniethom min jersaq lejh u jmissu l-ewwel; għax, sa minn qabel ma ħa l-martirju, kien bniedem imżejjen b’kull tjieba minħabba l-qdusija ta’ ħajtu.

Fejn kien qiegħed issa, kellu madwaru dak kollu li kien tħejja għall-ħuġġieġa. Resqu fuqu, u riedu jsammruh bl-imsiemer, iżda hu qalilhom: “Ħalluni hekk; min tani l-grazzja li mmut maħruq, jgħinni wkoll biex nibqa’ fin-nar b’qalbi fis-sliem, bla ma jkun hemm għalfejn issammruni”. Għalhekk ma waħħluhx bl-imsiemer, imma rabtuh biss.

Tahom idejh wara dahru, u rabtuh. Kien qisu barri sabiħ mill-merħla l-kbira lest għas-sagrifiċċju, bħal vittma li togħġob imħejjija għal Alla. Refa’ għajnejh ‘il fuq lejn is-sema, u qal:

“Mulej Alla li tista’ kollox, Missier ta’ Ġesù Kristu, Ibnek l-għażiż u l-imbierek li ġie fostna u għarrafna min int, inti Alla tal-anġli u tal-qawwiet, Alla tal-ħlejjaq kollha u tal-ġusti kollha li jgħixu quddiemek. Tkun imbierek, Mulej, għax inti għoġbok li llum, f’din is-siegħa, flimkien mal-martri nieħu sehem fil-kalċi ta’ Kristu Ibnek, biex bl-Ispirtu s-Santu nikseb il-qawmien tar-ruħ u l-ġisem għall-ħajja ta’ dejjem li ma titħassarx. Ilqagħni magħhom illum quddiemek, bħal sagrifiċċju ta’ offerta sabiħa li togħġbok, kif inti stess ħejjejtu, kif urejtni sa minn qabel li kellu jsir u issa qiegħed tagħmel li jseħħ, o Alla tas-sewwa li ebda gidba ma hemm fik. Għalhekk infaħħrek, imbierkek u nigglorifikak għal dak kollu li għamilt miegħi, b’Ibnek il-għażiż Ġesù Kristu, ir-ragħaj etern tagħna mis-sema; permezz tiegħu, tingħata glorja lilek, miegħu u mal-Ispirtu s-Santu, issa u għal dejjem ta’ dejjem. Ammen”.

Wara l-‘Ammen’ li biha għalaq it-talba, taw in-nar lill-ħuġġieġa. Kif in-nar beda jikber u jogħla, rajna quddiemna dehra tal-għaġeb. Alla żammna sa dak il-ħin biex nistgħu naraw dik id-dehra u ngħidu lill-oħrajn b’kull ma ġara. Għax in-nar infetaħ qisu ark, u sar donnu l-qlugħ ta’ dgħajsa fir-riħ, bil-ġisem tal-martri f’nofsu. U kif kien hekk fin-nofs, kont tistħajjlu mhux laħam mixwi, imma ħobża misjura, jew bħal deheb u fidda jleqqu fil-forġa. U riħa tassew tfuħ li xammejna kienet qisha inċens jew xi fwieħa prezzjuża.

“Missier … jien imbierkek, talli ħaqqni din il-ġurnata u din is-siegħa.”

  • U inti, lest/a tibqa’ leali lejn Ġesu’ f’kull ċirkustanza ta’ ħajtek, anki jekk ikollok iġġarrab xi forma ta’ martirju mingħand dawk li jagħmlulek il-ħajja diffiċli għax inti ta’ Kristu?

Talba: Alla tal-ħolqien kollu, li għoġbok tagħti lill-Isqof San Polikarpu post qalb il-martri, agħtina li bl-interċezzjoni tiegħu li waqt li naqsmu miegħu fil-kalċi ta’ Kristu, aħna nqumu għall-ħajja eterna bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. Mulej, in-nar ta’ mħabbtek mela l-martri San Polikarpu bil-kuraġġ. Il-Vanġelu neħħielu kull biża’ tal-mewt. Agħti l-poplu tiegħek il-grazzja li jħobb bħal ma ħabb hu, li jgħix bħal ma għex hu, u li jmut għall-fidi. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-polycarp-of-smyrna.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-polycarp-of-smyrna-156

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Polycarp

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements