24 ta’ Frar: San Ethelbert

Verżjoni Vidjo: San Ethelbert

“Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut”. ~ Ġesu’ f’Luqa 4:43

StEthelbertSAN ETHELBERT
Re ta’ Kent
? – †616

Tagħrif: Ethelbert inħatar Re ta’ Kent fil-560, u estenda s-setgħa tiegħu għan-naħa ta’ isfel tal-Ingilterra. Huwa żżewweġ lill-prinċipessa nisranija Bertha, bint Charibert Re tal-Franki. B’hekk daħlet għall-ewwel darba l-fidi nisranija fl-Ingilterra Anglo-Sassona għaliex missier Bertha insista li bintu tkun tista’, bil-libertà, tipprattika t-twemmin tagħha f’dak il-pajjiż.

Meta Santu Wistin ta’ Canterbury wasal l-Ingilterra, fil-597, flimkien mal-40 irħieb Benedittini li kienu ntbagħtu hemm mill-Papa San Girgor il-Kbir, hu kellu merħba sabiħa mir-Re Ethelbert minkejja li sa dak iż-żmien kien għadu pagan, u tahom is-setgħa li jippriedkaw il-Vanġelu kemm iridu.

Imqanqal mill-eżempju tal-fidi ta’ martu, kif ukoll mill-ħeġġa ta’ Santu Wistin u l-irħieb tiegħu, Ethelbert għażel li jħaddan il-fidi nisranija, u rċieva l-magħmudija nhar l-Għid il-Ħamsin tal-istess sena (597) minn idejn Santu Wistin. Dan jixhdu wkoll San Beda l-Venerabbli. B’hekk Ethelbert sar l-ewwel Re nisrani ingliż, u minn dak inhar ‘il quddiem ta s-sapport tiegħu għall-kawża ta’ Kristu fis-saltna tiegħu.

Kontra s-slaten ta’ żmienu li kienu jimponu t-twemmin tagħhom fuq is-sudditi tagħhom, Ethelbert kien ħalla lis-sudditi fil-libertà jekk iħaddnux il-fidi li issa beda jħaddan hu, għaliex kien iżomm li l-konverżjoni permezz tal-konvinzjoni kienet l-unika vera konverżjoni, u inkoraġġixxa l-ħidma tal-missjunarji nsara. Għad li ma sforza lil ħadd isir nisrani bilfors, kienu ħafna mis-sudditi tiegħu li saru nsara fis-saltna tiegħu, li kienet tikkomprendi l-parti kbira tal-Ingilterra. Kien il-fundatur tal-katidrali ta’ Canterbury.

San Ethelbert kien kontinwament ħsiebu biex iġib ‘il quddiem il-ġid tal-poplu tiegħu. Huwa ħareġ liġijiet siewja li baqgħu miżmumin b’għożża fl-Ingilterra fiż-żminijiet li ġew wara. Huwa ħabrek biex jeqred il-paganiżmu fis-saltna tiegħu, u kien mezz biex ukoll ikkonverta Sebert, ir-Re ta’ East Saxony, flimkien man-nies tiegħu, kif ukoll lil Redwald, Re ta’ East Anglia.

San Ethelbert miet fl-24 ta‟ Frar 616, wara li kien ilu re 56 sena, u ġie midfun fl-abbazija ta’ San Pietru u San Pawl ta’ Cantebury maġenb Santu Wistin, l-ewwel arċisqof ta’ dik il-Belt.

Ħsieb: Interessanti li wieħed jinnota li dan ir-Re qaddis, Ethelbert ma mponiex ir-Relġjon Nisranija fuq is-sudditi tiegħu, imma ħallihom fil-libertà jekk iħaddnux il-fidi li issa beda jħaddan hu, għaliex għaraf li l-konverżjoni permezz tal-konvinzjoni kienet l-unika vera tweġiba għas-sejħa ta’ Alla. Alla huwa mħabba u t-tweġiba għal din l-imħabba tiegħu, ma tistax tkun ħlief imħabba libera. Fil-lingwa tal-imħabba, ma jistgħux jeżistu l-kundizzjonijiet u t-theddid li jqanqlu l-biża’. Il-biża’ mhux ġejja minn Alla.

Għalkemm il-Knisja, tibqa’ ssostni li hija universali, jiġifieri li tilqa’ u tħaddan lil kulħadd, imma dan ma tagħmlux bil-forza! Il-missjoni tal-Knisja hi li xxandar il-Verita’ tal-Vanġelu, l-unika Triq li twassal għas-salvazzjoni tal-bnedmin, għax twassal għand Kristu li Hu l-Awtur tas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Imma, bħal Kristu, li b’ġentilezza jibqa’ jħabbat fuq il-bieb ta’ qlubna u jistenna biex niftħulu, jekk niftħulu, il-Knisja wkoll tħalli l-bniedem liberu li jagħmel id-deċiżżjoni tiegħu/tagħha.

Innotaw, li fil-Vanġeli, huwa Ġesu li jagħżel lid-dixxipli – hekk ukoll Hu jagħżel lilna – Huma laqgħu s-sejħa tiegħu u “Minnufih telqu x-xbiek u marru warajh..” Kemm hawn nies li jiġu msejħa iżda jagħżlu li ma jwieġbux għal din is-sejħa? F’passaġġ mill-Vanġelu ta’ San Ġwann 10:26-27, insibu: “Iżda intom ma temmnux għax m’intomx min-nagħaġ tiegħi. In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja”. Ġesu ma jgħidx in-nagħaġ jisimgħuni imma “in-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni..”

F’passaġġ ieħor minn Mattew 10:14 Ġesu’ jgħid lid-dixxipli: “Jekk imbagħad xi ħadd ma jilqagħkomx u ma jismax minn kliemkom, oħorġu ‘l barra minn dik id-dar jew belt u farfru sat-trab ta’ saqajkom.” L-għażla li nimxu wara Ġesu trid tkun għażla ħielsa. Aħna rridu nitfgħu ż-żerriegħa u nħallu lil Alla jsaqqiha. Imma jekk insibu min jagħlqilna l-bieb ma jfissirx li l-missjoni tagħna spiċċat. Ġesu qal: “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut.” (Luqa 4:43).

Kull min hu nisrani għandu l-istess missjoni – li jxandar l-Evanġelju … dan nistgħu nagħmluh bil-kelma u/jew bl-għemil. Billi ngħinu lil min hu fil-bżonn. Ma kinitx faċli għal Ġwanni u Ġakbu illi jħallu lil missierhom warajhom; infatti nsibu l-isem ta’ missierhom Żebedew msemmi darbtejn f’dan il-passaġġ … hawn l-Evanġelista jrid juri li l-għajta ta’ Ġesu hi dik li għandha tiġi l-ewwel f’ħajjitna. 

  • U int, kemm qed tħalli l-għajta ta’ Ġesu’ tkun il-preorita’ f’ħajtek?
  • Meta l-Mulej iħabbatlek fuq il-bieb ta’ qalbek, iddaħħlu minnufih ħa tara xi jrid mingħandek jew tħallih jistenna, jistenna, u jistenna … ? (Ftakar li mhux ser jibqa’ jistenna għal dejjem)
  • Kemm qed tħalli lil Ġesu jibdlek f’persuna aħjar, b’fidi aqwa, bi qdusija dejjem akbar, bħalma għamel San Ethelbert, ħalli int umbagħad tkun ta’ dawl biex jinbidel ħaddieħor?

Talba: Alla tal-Ħolqien, li ffurmajt l-umanità mill-art fertili: Agħtina li aħna, fuq l-eżempji tajbin tar-Reġina Bertha u r-Re Ethelbert, nistgħu nirċievu bil-ferħ u nieħdu ħsieb iż-żerriegħa tal-Fidi li rċevejna u nxandu l-Aħbar Tajba tal-Vanġelu lil kulħadd, għat-tkattir tas-Saltna tiegħek fuq l-art. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.christianity.com/church/church-history/timeline/601-900/ethelbert-1st-christian-king-of-kent-11629721.html

Alternative Reading: https://catholicexchange.com/st-ethelbert

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/%C3%86thelberht_II_of_East_Anglia

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.