26 ta’ Frar: Santa Anna Line

Verżjoni Vidjo: Santa Anna Line

“Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ Lili, … u kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax huwa dixxiplu, tassew nghidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”. ~ Ġesu’ f’Mattew 10: 40,42

St_Anne_LineSANTA ANNA LINE
Martri
c. 1565 – † 1601

Tagħrif: Din hija waħda mill-40 martri Ingliżi li l-Qaddis Papa Pawlu VI kkanonizza flimkien fl-1970. Hi u żewġha huma eżempju erojku ta’ dedikazzjoni minn lajċi fi żmien ta’ persekuzzjoni.

Anna née Heigham kienet bint ġenituri Kalvinisti akkaniti; ikkonvertiet għar-reliġjon Kattolika flimkien ma’ ħuha meta kien għad ma kellhiex 20 sena. Minħabba f’hekk it-tnejn kienu maqtugħin mill-wirt.

Fl-1585, meta hi kellha dsatax-il sena, iżżewġet lil Roger Line, ikkonvertit tal-età tagħha li malajr ġie arrestat għax kien imur għall-quddies. Huwa wkoll kien ġie maqtugħ mill-wirt u miet fl-eżilju fi Fjandra fl-1594.

Anna sabet ruħha f’faqar kbir u bdiet tieħu ħsieb dar kbira f’Londra, li Fr. John Gerard, Ġiżwita, kien fetaħ biex jilqa’ fiha lill-qassisin fiz-żmien tal-persekuzzjoni Protestanta.

Minkejja s-saħħa dgħajfa tagħha, Anna kienet tagħmel kollox f’din id-dar, tant li kienu laqqmuha s-“Sinjura Marta”. Hi wriet li kienet mara ta’ kapaċità, diskreta, u ġentili. Fil-ħin liberu tagħha kienet tgħallem lit-tfal u taħdem ir-rakkmu.

Wara l-ħarba famuża ta’ Fr. Gerard mit-Torri ta’ Londra fl-1597, hi marret f’dar oħra. Biex id-dedikazzjoni tagħha tkun permanenti u aktar kompleta, Anna ħadet il-voti ta’ faqar, kastità u ubbidjenza u, minkejja l-periklu, nuqqas ta’ saħħa u uġigħ ta’ ras kważi kontinwu, kienet tgawdi paċi kbira.

Il-folla kbira li nġabret filgħodu kmieni nhar il-Kandlora tas-sena 1601 qanqlet suspett, u meta waslu l-pulizija, il-qassis kien diġà ħarab, imma sabu kamra mimlija nies u kollox lest għall-quddiesa. Anna ġiet arrestata u mitfugħa l-ħabs.

Fis-26 ta’ Frar hi kienet akkużata li laqgħet għandha saċerdot: il-prova prinċipali kien l-altar li nstab fid-dar. Instabet ħatja u kkundannata għall-mewt; qatluha l-għada.

Meta ġiet ikkundannatha għall-mewt, hi laqgħet is-sentenza tagħha bil-ferħ għax hi kienet spiss tgħid lil Fr. Gerard: “Jien nixtieq, aktar minn kollox, li mmut għal Kristu.”

Lill-folla li nġabret f’Tyburn hija qaltilhom:

“Jiena ġejt is-sentenzjata għall-mewt għax tajt kenn lil qassis Kattoliku, u tant m’għandix indiema li għamilt hekk li b’qalbi kollha nixtieq li flok wieħed nilqa’ elf.”

Imbagħad hija bieset il-forka, qagħdet għarkopptejha u bdiet titlob. Kellha biss xi 35 sena.

Hija ġiet iddikjarata Beata mill-Papa Piju XI fil-15 ta’ Diċembru, 1929, u kkanonizzata bħala martri fil-25 ta’ Ottubru 1970, mill-Papa Pawlu VI.

Santa Anna Line tista’ titqies bħala mudell u patruna tan-nisa li jieħdu ħsieb id-djar tas-saċerdoti.

Ħsieb: Il-Mulej Ġesu’ wiegħed premju lil kull min jagħti mqar “tazza ilma frisk” (Mattew 10:40,42) lill-missjunarji tiegħu. Anna Line tat aktar għan-nom tas-saċerdozju – tat il-ħajja tagħha stess. Forsi ma tantx għad hawn min għadu japprezza l-kobor tas-saċerdozju fiż-żminijiet tal-lum, għax ix-xitan qed jagħmel minn kollox biex minħabba xi ftit minnhom, jagħti reputazzjoni ħażina lil kollha kemm huma. Is-saċerdoti qieshom l-ajruplani, meta jaqa’ wieħed, id-dinja kollha ssir taf b’dan. Imma kemm iwasslu erwieħ fid-destinazzjoni tagħhom li hija s-Sema, dan ma jixxandarx?

Min hu s-Saċerdot? 

Ejjew naħsbu għal ftit mumenti fuq il-kobor tas-Saċerdozju fil-Knisja:

  • fuq il-qawwa tas-saċerdoti li jaħfru d-dnubiet f’isem Alla,
  • fuq is-setgħa li jikkonsagraw sempliċi ħobż fil-Ġisem, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Sidna Ġesu’ Kristu,
  • fuq ir-responsabbilta’ tremenda tas-saċerdoti fejn jidħol id-destin etern tal-erwieħ immortali li huma fdati f’idejhom,
  • li huma għandhom jigwidaw lill-erwieħ billi jxandrulhom il-Verita’ Sħiħa u jwissuhom biex iżommu fit-triq id-dritta tal-Kmandamenti t’Alla.

Issa, is-Sagrament tal-Ordni Sagri huwa wieħed mit-tliet Sagramenti li bniedem jista’ jirċievi darba biss, għax dawn iħallu siġill dejjiemi fir-ruħ ta’ min jirċevihom.

Minħabba l-effett kbir u l-influenza sinifikanti fuq il-ħajja tal-bniedem, il-Knisja tpoġġi persuni bħala għajnuna, anki meta dawn is-sagramenti jirċevihom adult.

  • Fejn, mela, nistaqsi, huma l-isponsers għas-saċerdot?
  • Huwa din il-grazzja mhux tqila biżżejjed biex jistħoqqilha dan is-sapport?

Ċertament li l-Mulej fada lis-saċerdoti kollha tiegħu ma’ San Ġwann f’idejn il-merti tal-Omm Imbierka taħt is-salib! Imma hi ma tkunx ferħana li jkollha llum iben jew bint li jgħinuha f’din ir-responsabbilta’ permezz ta’ interċessjoni, sagrifiċċji u kull xorta ta’ għajnuna lis-saċerdoti li huma l-ulied ta’ qalbha? Ċertament li ħadd m’għandu dubji dwar dan.

X’sejħa nobbli hi din li wieħed jilqa’ fuqu l-missjoni li jissapportja lil xi saċerdoti, billi jgħinhom fir-responsabbilta’ mmensa tagħhom fejn jidħlu l-affarijiet qaddisa t’Alla f’dinja dejjem iżjed sekularizzata. Tissapportjahom bit-talb speċjali tiegħek, biċ-ċaħdiet żgħar jew kbar li inti toffri lill-Mulej għalihom, b’offerta b’imħabba tad-diffikultajiet li ġġib magħha l-ħajja tiegħek ta’ kuljum u flimkien ma’ għajnuna prattika fil-parroċċi, knejjes, kappelli, djar, kunventi, skejjel, sptarijiet u postijiet oħra fejn is-saċerdoti jkunu qed iwettqu l-appostolat tagħhom. F’dan int tassew iben u bint is-Sinjura! F’dan int tassew għajnuna xierqa għas-saċerdoti.

Il-Mulej wiegħed: “Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ Lili, … u kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax huwa dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu.” (Mattew 10:40,42)

J’Alla il-ħlas tal-Mulej ikun il-grazzja li int ikollok dejjem saċerdot li jagħtik kuljum lil Ġesu’ fis-Sagrament Imqaddes u fl-aħħar ta’ ħajtek ferħ etern.

(ara Channel fuq Youtube b’Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti)
(ara Ktieb ta’ Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti)
(ara kif tista’ tkun Omm Spiritwali għas-Saċerdoti – Fr Hayden Williams OFM Cap)

Talba: Għinna Mulej, għat-talb ta’ Santa Anna Line, biex nerġgħu inqajmu fina u fl-oħrajn reverenza lejn is-Saċerdozju fil-Knisja, li Inti fil-ħniena tiegħek waqqaft biex minnu nirċievu l-grazzji tiegħek. Agħmel li naslu biex nagħtu s-sapport tagħna lis-saċerdoti tiegħek, bit-talb u bl-offerta tas-sagrifiċċji tagħna ta’ kuljum, b’għajnuna fil-prattika fil-parroċċi u fil-postijiet kollha fejn is-saċerdoti jkunu qed iwettqu l-appostolat tagħhom. Għinna ngħinuhom ikunu saċerdoti qaddisin! Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/st-anne-line-d-1601-2/

Alternative Reading: http://www.newadvent.org/cathen/09270b.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anne_Line

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements