1 ta’ Marzu: Beatu Pietru Rene Roque

Verżjoni Vidjo: Beatu Pietru Rene Roque

“Min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha”. ~ Ġesu’ f’Mattew 16:25

pedro renato rogue. seton basilicaBEATU PIETRU RENE ROQUE
Saċerdot
1758 – 1796

Tagħrif: Kien saċerdot minn Vannes u twieled fl-1758. Kien l-uniku wild fil-familja, u missieru miet ftit wara li twieled hu, waqt li kien ġej lura minn xogħol fuq negozju, għalhekk qatt ma ra lil Pietru.

Kien ta’ saħħa fraġli ħafna u bniedem ta’ statura żgħira u dgħajfa.

Ġie ordnat saċerdot fl-1782 u sar il-kappillan tas-sorijiet “Dames de la Retracte” (Xebbiet tal-Irtir). Iżda wara erba’ snin mar Pariġi u daħal fil-kongregazzjoni tal-Lazaristi, magħrufin bħala il-kongregazzjoni tal-missjoni ta’ San Vinċenz de Paul.

Hu kien għadu ma temmx in-novizzjat, li s-superjuri bagħtuh bħala professur tat-teoloġija fil-belt ta’ Vannes, art twelidu. Kien fiż-żmien li kien Vannes li faqqgħet ir-Rivoluzzjoni Franċiża u hawn wera eroiżmu biex iwettaq kull xorta ta’ appostolat.

Fl-1791, irrifjuta li jieħu l-Ġurament Kostituzzjonali tar-Reġim Rivoluzzjonarju. U fuq l-eżempju tiegħu, ħafna saċerdoti li kienu ddeċidew li jieħdu dan il-ġurament, irrifjutawh ukoll. Meta s-sitwazzjoni saret iżjed ħarxa u l-għassa kienet iżjed intensa beda jmur iqaddes fid-djar privati u jkompli l-appostolat tiegħu klandestinament. Iżjed ’il quddiem kellu saħansitra jbiddel ismu.

Fl-lejlet il-Milied tal-1795, mar jieħu l-vjatku lil xi morda u wieħed eretiku kixfu, ġie arrestat u mitfugħ il-ħabs. Waqt li kien il-ħabs kiteb artiklu bħala difiża tal-Knisja Kattolika u kien iwettaq appostolat fost il-ħabsin.

Meta ġie mogħti s-sentenza tal-mewt niżel għarkupptejh, talab lil Alla u ġie mogħti l-giljotina. Kien l-1 ta’ Marzu 1796. Ġie bbeatifikat fl-10 ta’ Mejju 1934. Ir-relikwi tiegħu huma meqjuma f’ Vannes.

Ħsieb: Ir-rakkont jgħid hekk: Fit-3 ta’ Marzu, 1796, is-saċerdot Pietru Rene Roque kien meħud mill-ħabs fejn kien miżmum f’lejliet il-Milied ta’ qabel, meta kien ġie arrestat minħabba l-akkuża li ħa l-Vjatku lil raġel marid f’Vannes, Franza. Ir-Rivoluzzjonarji damu ħafna jippruvaw jikkonvinċuh ħalli jbiddlulu fehemtu u jġegħeluh jaġġorna ruħu għall-bdil taż-żminijiet, u jaddatta ruħu għar-riti ta’ qima li kienu ġew adottati mill-awtoritajiet rivoluzzjonarji, iżda Fr Roque (li kien magħmul ċkejken tant li kien magħruf bħala le petit prete min-nies tal-lokal) żamm sod fil-fidi tiegħu.

Qabel l-eżekuzzjoni, il-kullar Ruman tiegħu ġie maqtugħ, rasu ġiet imqaxxrha u għalhekk ma kien għad fadallu l-ebda sinjal tas-saċerdozju tiegħu, u jdejh ġew marbuta wara daharu. Fit-triq lejn il-giljottina, beda jkanta kanzunetta ta’ tifħir li kien kiteb fil-ħabs, u rnexxielu jagħti l-arloġġ tiegħu lill-bniedem li kien tradih. Ommu kienet preżenti waqt il-proċess kollu, fejn kienet abbużata b’mod orribli mir-Rivoluzzjonarji li bdew jgħajjtu magħha u jgħidulha, “Int rabbejt monstru!” Kienet ukoll preżenti waqt l-eżekuzzjoni ta’ binha, li kienet ser tiġi mwettqa minn wieħed mill-istudenti preċedenti tiegħu.

Fl-Eżortazzjoni Appostolika Gaudete Et Exsultate “Ifirħu u Thennew” Tal-Qdusija Tiegħu Franġisku dwar ‘Is-Sejħa għall-Qdusija fid-Dinja tal-Lum’ insibu dan li ġej:

“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”

90. Ġesù nnifsu jisħaq li din il-mixja hi kontra l-kurrent sal-punt li tagħmel minna persuni li b’ħajjithom stess jisfidaw lis-soċjetà, persuni li jagħtu fastidju. Ġesù jfakkar kemm nies huma ppersegwitati u ġew ippersegwitati sempliċiment għax issieltu għall-ġustizzja, għax għexu l-impenji li ħadu ma’ Alla u mal-oħrajn. Jekk ma nixtiequx li nispiċċaw mgħarrqa f’medjokrità mudlama, ejja ma nippretendux li jkollna ħajja komda, għax “min irid isalva ħajtu, jitlifha” (Mattew 16:25).

91. Biex ngħixu l-Evanġelju, ma nistgħux noqogħdu nistennew li kollox madwarna jkun favurina, għax ħafna drabi l-ambizzjonijiet tal-poter u l-interessi tad-dinja jkunu qed jilgħabu kontrina. San Ġwanni Pawlu II qal li “soċjetà hi aljenata jekk il-forom tagħha ta’ organizzazzjoni soċjali jew ta’ produzzjoni u ta’ konsum, jagħmluha aktar iebsa li tagħti lilha nfisha ħa jkun hemm solidarjetà bejn il-popli”. F’soċjetà aljenata bħal din, maqbuda f’orkestrazzjoni politika, medjatika, ekonomika, kulturali u saħansitra reliġjuża li xxekkel l-iżvilupp awtentiku uman u soċjali, il-ħajja tal-Beatitudnijiet issir diffiċli u tista’ wkoll tidher f’dawl ikrah, ta’ suspett, u tiġi mwaqqgħa għaż-żuffjett.

94. Il-persekuzzjonijiet mhumiex realtà tal-imgħoddi, għax anki llum qed inbatu minnhom, kemm bit-tixrid tad-demm, bħal tant martri ta’ żminijietna, u kemm b’mod iżjed sottili, permezz ta’ kalunnji u qlajjiet foloz. Ġesù jgħid li jkun hemm il-ferħ meta “jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija” (Mattew 5:11). Drabi oħra jkun żebliħ li jipprova jisfigura l-fidi tagħna u jgħaddina ta’ nies boloh. Li nilqgħu ta’ kuljum it-triq tal-Evanġelju minkejja l-problemi li toħolqilna, din hi l-qdusija”. 

  • U int, qed tmur kontra l-kurrent minħabba Kristu u l-fidi Kattolika Rumana tiegħek?
  • Qed tibqa’ sod/a fl-isqarrija tal-fidi u fix-xhieda tiegħek ta’ veru nisrani/ja, kull darba li tiltaqa’ ma’ kull forma ta’ kuntrarju, gideb u nsulti?
  • Filwaqt li inti miexi/ja fid-dawl ta’ Kristu u tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika, x’inhu l-aktar importanti għalik: Kif qed jarak Alla jew kif qed jiġġudikak il-bniedem?

Lill-omm il-Beatu Pietru Rene Roque, qalulha li ‘rabbiet monstru’, mentri fir-realta’, din l-omm kellha l-unur li tgħid li binha miet martri għal Kristu u l-Knisja niżżlitu mal-lista tal-Beati! Hu lanqas ma miet iddisprat, għax fi triqtu lejn il-giljottina, esprima l-ferħ tiegħu billi beda jkanta tifħir lil Alla! Kemm għandna x’nitgħallmu mill-qaddisin!

Talba: O Beatu Pietru Rene Roque, Patrun tal-morda, itfa’ l-ħarsa tiegħek fuq dawk li jinsabu fuq is-sodda ta’ tbatijiethom. Issa li inti tinsab fis-sema, u li għandek qawwa kbira quddiem Alla, idħol għalina b’talbek, ħalli aħna wkoll niksbu s-saħħa f’ġisimna u b’mod speċjali f’ruħna ħalli nkomplu nagħtu xhieda għal Kristu sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna kif għamilt int. Ammen.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=375

Alternative Reading: http://ierardineto.blogspot.com/2016/09/pedro-renato-rogue-sacerdote-martir-da.html

or

http://wdtprs.com/blog/2016/05/ask-father-should-i-say-amen-if-the-priest-is-making-up-prayers/

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements