2 ta’ Marzu: Santa Anjeże ta’ Praga

Verżjoni Vidjo: Santa Anjeże ta’ Praga

“Int stmellejt il-kobor tas-saltna tad-dinja u qist bħala ħaġa ta’ bla siwi ż-żwieġ mal-lmperatur u għażilt li timxi b’rieda sħiħa fuq il-passi ta’ Dak li immeri­tajt li tkun l-għarusa tiegħu”. ~ Santa Klara ta’ Assisi lil Santa Anjeże ta’ Praga, f’waħda mill-ittri li kitbitilha. 

sv_anezkaSANTA ANJEŻE TA’ PRAGA
Reliġjuża
1211 – 1282

Tagħrif: Din il-qaddisa kienet il-fundatriċi tal-ewwel monasteru tas-Sorijiet Klarissi ’l fuq mill-Alpi.

Hija twieldet fl-1211 fi Praga, u kienet bint ir-Re Otakar I tal-Boemja u tar-Reġina Kostanza, oħt Andrea II re tal-Ungerija. Hija kienet prima kuġina ta’ Santa Eliżabetta tal-Ungerija.

Ta’ tliet snin, Anjeże kienet mibgħuta fil-monasteru tas-sorijiet Ċisterċensi. Ta’ sitt snin ittieħdet lura Praga, u wara ġiet fdata lis-sorijiet Premostratensi ta’ Doksany biex tirċievi l-edukazzjoni li kien jixirqilha.

Fl-1220, minħabba li kienet imwiegħda bħala għarusa ta’ Enriku VII iben l-Imperatur Federiku II, Anjeże kienet meħuda fil-qorti tad-duka tal-Awstrija. Billi l-għerusija tħassret, hija marret lura Praga fl-1225. Wara riflessjoni matura hija ddeċidiet li tikkonsagra l-verġnità tagħha lil Alla.

Anjeże kienet semgħet minn xi predikaturi Franġiskani ġo Praga dwar il-ħajja qaddisa skont l-ispirtu ta’ San Franġisk li l-Verġni Klara kienet qed tgħix ġo Assisi. Hija nġibdet lejn dik il-kwalità ta’ ħajja u ddeċidiet li timxi fuq l-eżempju tagħha. Wara li waqqfet il-monasteru ta’ San Franġisk għas-“Sorijiet Foqra” jew “Damjaniti” (fl-1234), hija stess ingħaqdet magħhom nhar il-Pentekoste, fil-11 ta’ Ġunju, 1234.

Din l-azzjoni tagħha tant qajmet agħa fost il-klassi tal-aristokratiċi ta’ żmienha li mijiet ta’ tfajliet imxew fuq l-eżempju tagħha u daħlu f’kunvent.

Anjeże għaddiet b’kollox 45 sena bħala soru Klarissa u serviet għal żmien qasir bħala badessa fuq talba tal-Papa. Santa Klara ta’ Assisi kienet tistħajjilha hija nnifisha, u għadha teżisti korrispondenza li għaddiet bejn dawn iż-żewġ qaddisin. Flimkien ma’ Klara, Anjeże ħadmet biex tinkiseb l-approvazzjoni tar-regola ġdida li hija kienet ħaddnet.

Santa Anjeże ta’ Praga mietet fit-2 ta’ Marzu, 1282, fl-età ta’ 71 sena. Ħafna mirakli kienu attribwiti lil din il-prinċipessa-badessa. Hi kienet iddikjarata beata mill-Papa Piju IX fl-1874, u kkanonizzata mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-1988.

Ħsieb: Il-familjari ta’ Anjeże ppruvaw diversi drabi oħra jgħarrsuha ma’ xi prinċep jew xi nobbli, imma hi rnexxielha teħles minnhom kull darba – l-aħħar każ kien meta hi kellha ftit inqas minn tletin sena u niesha riduha tiżżewweġ lill-Imperatur Federiku II. Imma Anjeże appellat lill-Papa Girgor IX u insistiet li x-xewqa tagħha kienet li ssir soru Franġiskana. Fl-aħħar Federiku ċeda. “M’għandix neħodha b’offiża”, qal l-imperatur, “ladarba hi ppreferiet lis-Sultan tas-Sema milli lili.”

Dawn li ġejjin huwa siltiet mit-Tieni Ittra li Santa Klara ta’ Assisi kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga:

“Jiena nrodd ħajr lil Dak li mingħandu tiġi kull ħaġa tajba u kull don perfett (Ġakbu 1:17), li għoġbu jżejnek b’tant ġmiel ta’ virtù, u riedek li tiddi b’sinjali l-aktar għoljin ta’ perfezzjoni, biex ladarba int sirt tixbah lill-Missier ta’ kull perfezzjoni (Mattew 5:48) min-naħa tiegħek ikun jixraqlek li ssir perfetta, hekk li għajnejh ma jsibu xejn fik li fih xi ħjiel ta’ imperfezzjoni (Salm 138:16).

U din hija l-perfezzjoni li għaliha s-Sultan ser jgħaqqdek miegħu fil-għamara tat-tieġ tal-ġenna, fejn Hu qiegħed glorjuż fuq tron tal-­kwiekeb, għaliex int stmellejt il-kobor tas-saltna tad-dinja u qist bħala ħaġa ta’ bla siwi ż-żwieġ mal-lmperatur. Flok dan kollu, għall-imħabba tal-faqar imqaddes, u fi spirtu ta’ umilta’ kbira u ta’ karita’ l-aktar imħeġġa, għażilt li timxi b’rieda sħiħa fuq il-passi (1 Pietru 2:21) ta’ Dak li immeri­tajt li tkun l-għarusa tiegħu.

Verġni fqira, tgħannaq ma’ Kristu fqir. Qis li Hu sar oġġett ta’ disprezz, u għalhekk int imxi warajh, u għall-imħabba tiegħu tarahiex bi kbira li ssir immaqdra f’din id-dinja. O Reġina l-aktar nobbli, ħares lejn l-Għarus tiegħek, l-isbaħ fost ulied il bnedmin (Salm 44:3), li biex isalvak sar l-aħħar wieħed fost il-bnedmin, immaqdar, imsawwat u midrub f’ġismu kollu, u miet fost l-eħrex tbatijiet fuq is-salib. Aħseb fuqu u kkontemplah, u xtieq b’ħeġġa li ssir tixbhu.

Jekk tbati miegħu, għad tifraħ miegħu (Rumani 8:17); jekk tmut miegħu fuq is-salib tan-niket, għad tgħammar miegħu fil-għamajjar leqqiena tal-qaddisin (Salm 109:3,22) u ismek ikun miktub fil-Ktieb tal-ħajja, u jkun imsebbaħ fost il-bnedmin. U għalhekk inti għad tiret għall-eternità u għal dejjem ta’ dejjem il-glorja tas-sema minflok l-unuri li jgħaddu ta’ din id-dinja; ikollok sehem mill-ġid li ma jispiċċa qatt minflok il-ġid li jisfa’ fix-xejn, u tgħix għal dejjem ta’ dejjem”.

L-erba’ ittri li Santa Klara ta’ Assisi kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga huma dawn:

1. L-Ewwel Ittra.
2. It-Tieni Ittra.
3. It-Tielet Ittra.
4. Ir-Raba’ Ittra.

Talba: O eżempju ta’ virtu’ mill-isbaħ, verġni glorjuża Santa Anjeże, f’din l-art int għażilt li tkun l-għarusa tar-Re tar-Rejiet u tiegħu biss u bħalu għext fil-faqar, issa, li tinsab miksija bl-ilbies tal-ferħ u mgħammra bħal għarusa bil-ġojjellerija spiritwali li tak is-Sultan qalbieni, interċedi għalina quddiemU, biex aħna wkoll nagħżlu li nitwaħdu miegħu biss, l-uniku Salvatur tagħna, ħalli naslu ngawduh għal dejjem fis-sema. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-agnes-of-bohemia.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-agnes-of-bohemia/

or

http://www.olamnuns.com/blog/inspirations-blog/118-a-holy-princess-st-agnes-of-bohemia.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Agnes_of_Bohemia

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.