3 ta’ Marzu: Santa Katerina Drexel

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina Drexel

“Mur biegħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema”. ~ Ġesu’ f’Mark 10:21

st-katherine-drexel-2SANTA KATERINA DREXEL
Reliġjuża
1858 – 1955

Tagħrif: Il-qaddisa twieldet f’Filadelfja, nhar is-26 ta’ Novembru 1858, it-tieni bint ta’ Francis Drexel, u Hannah Langotroll li mietet xahar biss wara t-twelid ta’ Katerina. Ftit wara li romol, missierha Francis iżżewweġ lil Emma Bouvier, li kienet kattolika, u li rabbiet lil Katerina u lil oħtha l-oħra fil-fidi.

Fl-1879, meta għalqet 21 sena, Katerina kienet imdaħħla fis-soċjetà għolja ta’ Filadelfja, imma kienet aktar miġbuda għall-ħajja reliġjuża. Ommha tar-rispett, mietet dik l-istess sena. Meta miet missierha, Katerina u oħtha wirtu, kull waħda minnhom, renta ta’ elf dollaru kuljum.

Meta kellha 28 sena, fis-sena 1886, Katerina mardet u marret il-Ġermanja biex tieħu saħħitha. Waqt li kienet hemm, hi rreklutat diversi saċerdoti u sorijiet biex imorru jaħdmu fil-missjonijiet fost l-Indjani tal-Amerika, wara li kienet irrakkomandat it-twaqqif ta’ font kattoliku għal dawn il-ħidmiet.

Waqt li darba Katerina Drextel kellha udjenza privata mal-Papa Ljun XIII, il-Papa qalilha biex hi ssir missjunarja. Fis-sena ta’ wara hi bniet skejjel fl-istati Amerikani ta’ Dakota, Wyoming, Montana, Kalifornja, Oregon u New Mexico.

Ta’ 31 sena, Katerina daħlet novizza mas-sorijiet tal-Ħniena (Sisters of Mercy), u ħadet il-libsa reliġjuża fis-7 ta’ Novembru 1889 mill-Arċisqof Ryan ta’ Filadelfja. Sentejn wara, fl-1891, Katerina ħadet il-voti bħala l-ewwel membru tas-Sorijiet tas-Santissmu Sagrament għall-Indjani u l-Poplu ta’ Kulur. Hi fetħet novizzjat, u sat-tmiem tas-sena, f’Cornwall Heights qrib Filadelfja, kien hemm fil-kongregazzjoni 21 reliġjuż. L-ewwel missjoni kienet dik ta’ Santa Katerina f’Santa Fé, New Mexico. Imbagħad infetħu missjonijiet oħra u skejjel, fosthom ukoll Xavier University fi New Orleans. Il-Papa San Piju X ta l-approvazzjoni preliminari għall-kongregazzjoni tagħha fl-1907.

Barra l-voti tal-faqar, safa u ubbidjenza, Katerina daħħlet fil-kongregazzjoni tagħha r-raba’ vot: dak li s-sorijiet tagħha jkunu ommijiet u qaddejja tar-razez Indjani u Suwed skont ir-regoli tas-Sorijiet tas-Santissmu Sagrament, u li ma jieħdu ebda xogħol li jista’ jwassal li r-razez Indjani u lin-nies ta’ Kulur jistgħu jiġu traskurati jew abbandunati. Hija rċeviet ukoll pariri siewja u prudenti mill-qaddisa fundatriċi ta’ żmienha, Santa Franġiska Saverja Cabrini.

Katerina kienet magħżula superjura ġenerali, u kompliet tespandi l-iskop tal-ħidmiet tal-kongregazzjoni. Fl-1912, meta kienet fi New Mexico, ħadet il-marda tat-tifù u ħtiġielha tagħmel żmien biex tieħu saħħitha. Wara li fieqet, fl-1915 waqqfet Xavier University fi New Orleans – l-ewwel istituzzjoni kattolika ta’ edukazzjoni għolja għas-Suwed.

Fl-1935 attakk tal-qalb ġagħalha tirtira minn superjura. Hi marret fl-infermerija tal-kunvent biex titlob u timmatura fil-ħajja komtemplattiva.

Santa Katerina Drexel mietet fit-3 ta’ Marzu, f’Cornwell Heights, Pennsylvania, fl-età ta’ 96 sena. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ddikjaraha beata fl-1988, u dan l-istess Papa ddikjaraha qaddisa fl-1 ta’ Novembru 2000.

Ħsieb: Katerina Drexel kienet waħda mill-aktar nisa sinjuri tal-Amerika. Hi offriet il-ġid tagħha, ħajjitha u l-impenn kollu ta’ qalbha għall-ġid tal-oħrajn. Missierha li kien billjunarju ħalla kollox lit-tlitt ibniet kull waħda ndaqs. Iżda jekk waħda tmut flusha jmorru għal min jibqa’ ħaj. Ġara li ħutha t-tnejn mietu u l-flus marru kollha għandha. Għal 70 sena ħadmet kemm felħet fil-missjonijiet tal-Amerika.

Meta fl-1935 sofriet minn attakk tal-qalb li ġegħelha tirtira minn superjura, Katerina ma waqfitx mill-ħafna proġetti tagħha jew mit-tqassim tal-miljuni ta’ dollari li wirtet. Hu kkalkulat li minn mindu kellha 33 sena fl-1891 sakemm mietet fl-1955, il-qaddisa qassmet mill-wirt u l-introjti tagħha t-total ta’ 20 miljun dollaru biex jitwaqqfu skejjel u missjonijiet għall-Indjani u għas-Suwed.

Ġesu’ qal: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!” (Mark 10:23) imma għall-kuntrarju, ftit qabel ma qal dan, Ġesù xeħet fuq ż-żagħżugħ għani ħarsa ta’ mħabba u qallu: “… Mur biegħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema” (Mark 10:21). U hekk nistgħu nifhmu il-ħarsa ta’ mħabba ta’ Ġesu’ fuq Katerina Drexel u fuq kull min jagħti widen għall-kliem tal-Iben t’Alla li ‘ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi’. Nistgħu nimmaġinaw it-teżor fis-sema li Katerina Drexel kellha jistenniha meta telqet minn din id-dinja. Imma dan ma kienx kull ma għamlet din il-qaddisa!

Hi ma qassmitx ġidha bla ma billet subagħha. Bħala Ġesu’ hija libset il-fardal biex isservi lil dawk lir-razez Indjani u lin-nies ta’ Kulur bla ma tinvolvi ruħha fl-ebda ħidma li tista’ twassal biex dawn jiġi traskurati jew abbandunati. U biex tassigura li tassew iseħħ dan, l-attitudni li ħaddnet f’ħajjitha, daħlitha fil-kongregazzjoni tagħha bħala r-raba’ vot skont ir-regoli tas-Sorijiet tas-Santissmu Sagrament li hija kienet waqfet.

Fl-omelija tiegħu fil-Quddiesa tas-17 ta’ Jannar 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna jgħid hekk:

“Il-Mulej jitħallat magħna, aħna min aħna, hi x’inhi il-kulur tal-ġilda tagħna. Daħal fil-kju ta’ dawk li kienu jistennew il-magħmudija tal-indiema. Hu kien għadu fl-ilma, il-Missier tas-Sema jgħidlu: “Ibni int, fik sibt il-għaxqa tiegħi” (Luqa 3:2). U din il-kelma l-Mulej Alla jagħmilha u jgħidha fuq kulħadd, hu min hu, inti minn fejn ġej: inti iben Alla.

Kemm hi ħaġa sabiħa li meta persuna tixref fuq ix-xtut tagħna, l-ewwel li naraw mhux kemm għandha flus fil-but, jew jekk għandux kuntatti politiċi utli, imma li hija persuna umana, bniedem li għandu d-dinjità tiegħu għax huwa iben Alla. U allura jistħoqqlu rispett fil-protezzjoni u nagħmlu kull ma nistgħu biex ukoll nassigrawlhom futur.

Qatt mhu se jonqosna l-ġid u qatt ma se tonqosna l-barka, jekk aħna b’ġenerożita’ kbira naqsmu mill-ġdid li għandna ma’ kulħadd. Qatt mhu se tinxtorob il-qalb tagħna jekk tinfetaħ ukoll għal kulmin jiġi jħabbat fuq xtutna. U dan jgħodd mhux biss għal pajjiżna, imma wkoll għall-Ewropa”.

M’hemmx għalfejn li ssiefer ‘il bogħod biex tfittex u tgħin lin-nies fil-bżonn. Biżżejjed tħares lejn dawk li għal xi raġuni jew oħra qed jgħixu fuq l-istess gżira tagħna. Dawn ħutna u jeħtieġu l-għajnuna tagħna f’kull bżonn tagħhom. Jekk trid tgħix il-karita’, tista’ anki tibda minn dawk ta’ madwarek.

Talba: O Alla mimli mħabba, int sejjaħt lil Santa Katerina Drexel biex tgħallem il-Messaġġ tal-Vanġelju u biex iġġib il-ħajja tal-Ewkaristija lin-nies ta’ Kulur u lir-razez Indjani. Permezz tat-talb u l-eżempju tagħha, agħtina li nkunu nistgħu naħdmu għall-ġustizzja fost il-foqra u oppressi. Iġbidna lkoll fil-komunità Ewkaristika tal-Knisja tiegħek, ħalli nkunu ħaġa waħda Fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/blessed-katharine-drexel.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-katharine-drexel/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Katharine_Drexel

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements