Verżjoni Vidjo: San Każimiru
“Xejn ma jagħmilna unur ikbar, daqs dak li nunuraw lil Ġesù Kristu fil-persuna tal-fqar. Irrid inwarrab kull glorja biex inservi l-ifqar fost il-fqar”. ~ San Każimiru
SAN KAŻIMIRU
Prinċep tal-Polonja
1458 – 1484
Tagħrif: San Każimiru twieled fit-3 ta’ Ottubru, 1458, fil-palazz rjali ta’ Krakow, il-Polonja. Kien it-tielet fost it-tlettax-il wild tar-Re Każimiru IV tal-Polonja, u ta’ Eliżabetta, prinċipessa tal-Awstrija.
Sa minn tfulitu kien reliġjuż, u għal xi żmien, kien jieħu d-direzzjoni spiritwali tiegħu mingħand il-kanonku Ġwann Dlugosz, bniedem ta’ spiritwalita’ kbira.
Kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna, u kien jgħidilha kuljum it-talba “Omni die dic Mariae” (Kuljum, kuljum, għanni lil Marija), ta’ San Anselmu, u xtaq li meta jmut, kopja ta’ din it-talba tindifen miegħu.
Kien jgħix ħajja sempliċi u mingħajr privileġġi li kellu bħala Prinċep. Anzi kien juża flusu u l-influwenza tiegħu biex jgħin lill-foqra.
Fl-1471, meta lanqas biss kellu ħmistax-il sena, missieru bagħtu jmexxi l-armata, u jinvadi l-Ungerija biex ineħħi lir-Re Matthias Covinus mis-setgħa, u jilħaq hu floku. Iżda meta għaraf li kien ser iwettaq inġustizzja, malajr abbanduna dan il-pjan. Biex ma jżidx is-sens ta’ telfa f’missieru, mar irtira għal tliet xhur fil-kastell ta’ Dobzki.
Mill-1479 sa l-1483, San Każimiru ggverna l-Polonja flok missieru li kien mar il-Litwanja. Il-Pollakki kienu jaraw fih raġel twajjeb u rett, u kienu jħobbuh ħafna.
Meta missieru ried iżewwġu lit-tifla tal-Imperatur Federiku, ma riedx. Kien ilu li għamel il-vot taċ-ċelebat.
Fl-1484, kellu attakk qawwi fil-pulmuni, u billi kien ġa debboli bis-sawm u bil-penitenza ma felaħx għalih. Miet ta’ 25 sena, fil-Qorti ta’ Grondo, huwa u sejjer lejn il-Litwanja, wara ħajja qaddisa. Hu ġie midfun fil-kappella tal-Madonna fil-Katidral ta’ Vilna u huwa l-Patrun tal-Polonja.
Ħsieb: Ommu, wara li rabbietu fil-biża’ t’Alla, fdat lil Każimiru f’idejn Patri Dlugosz, bniedem reliġjuż tabilħaqq, kellu don speċjali għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ, flimkien mal-għerf u mat-tjubija kien jgħaqqad l-arti, u hekk kien ikun maħbub mid-dixxipli. Iċ-ċkejken Każimiru ta’ disa’ snin, kien ġa mrawwem fil-biża’ t’Alla, u għamel progressi kbar taħt it-treġija ta’ mgħallem hekk għaqli.
Daqs kemm wera ruħu indifferenti għall-ħwejjeġ tad-dinja u għall-unuri tal-qrati, daqshekk kien mixtieq li jkattar teżori fil-ġenna. L-akbar devozzjoni tiegħu kienet lejn il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Spiss bil-lejl kien imur joqgħod għarkupptejh wara l-bieb magħluq ta’ xi knisja, anki fl-eqqel tax-xitwa, jitlob u jistenna l-għodwa biex jidħol u jieħu sehem fil-kant tal-mattutin.
Kellu wkoll devozzjoni kbira lejn il-Verġni Marija. L-Innu “Omni die dic Mariae” li jissemma fil-ħajja ta’ San Każimiru ġie tradott għall-Malti mill-Kan. Dun Karm Farrugia, fiż-żmien li hu kien kappillan ta’ San Girgor – tas-Sliema. Il-ġmiel tiegħu mmużikat bl-arja Franċiża tal-oriġinali.
Il-Beatu Papa Ġwanni XXIII jgħid hekk:
“Kull nisrani tajjeb għandu jafda fi Kristu; iwettaq dmirijietu skont il-kmandamenti li huma r-regola tal-kuxjenza tiegħu, quddiem is-soċjetà, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin. In-nisrani m’għandux jaħrab il-liġi u jagħmel kompromessi, imma jgħix bla biża’ u ċert mill-affarijiet tiegħu. Għandu jkun ta’ għajnuna fil-problemi tal-paċi. Biex jissaħħaħ iktar kontra l-ħażen u l-iżbalji għandu jitlob; isejjaħ l-għajnuna tal-grazzja li tagħti d-dawl u l-qawwa”.
- U int, kif qed tipprova tinqeda b’dak kollu li pprovdielek Alla biex tkun ta’ rigal għall-oħrajn?
- Kemm tmur ħerqan/a lejn il-knisja biex hemm tiltaqa’ ma’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, taduraH u tgħix Bih?
- Kemm tfittex li taqdi dmirijietek sew skont l-istat tiegħek, hekk li ma tagħmel l-ebda kompromess ma’ min ikun se jwettaq inġustizzja?
Talba: O Alla li tista’ kollox, min jaqdi lilek, isaltan; agħmel li, għat-talb ta’ San Każimiru, naqduk dejjem b’ħajja tajba u qaddisa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)
Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.
English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-casimir.html
Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-casimir-of-poland-167
Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Casimir
Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija
Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.