5 ta’ Marzu: San Ġwann Ġużeppi tas-Salib

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Ġużeppi tas-Salib

“Agħmlu mela frott xieraq tal-indiema”. ~ Mattew 3:8

St_John_Joseph_of_the_CrossSAN ĠWANN ĠUŻEPPI TAS-SALIB
Reliġjuż
1654 – 1734

Tagħrif: Kien Franġiskan tar-Riforma ta’ San Pietru minn Alkantara, twieled fil-gżira ta’ Iskja, ’il barra mill-golf ta’ Napli.

Il-ħajja eżemplari li għex sa minn ċkunitu
kisbitlu l-grazzja li jkun l-ewwel Taljan imsejjaħ mill-Mulej li għannaq ir-riforma ħarxa ta’ San Pietru minn Alkantara.

Malli libes iċ-ċoqqa ħarxa ta’ din ir-riforma, ħa bħala mudelli tiegħu l-Patrijarka ta’ Assisi u l-penitenti ta’ Alkantara, u minn dak tal-ewwel tgħallem bi ħrara kbira l-umiltà u l-faqar, waqt li mit-tieni ħa l-ispirtu ta’ kontemplazzjoni u tal-penitenza.

Tliet snin wara li pprofessa, is-superjuri tawh l-inkarigu li jwaqqaf kunvent hekk fqajjar u żgħir, li kien kopja mitmuma ta’ dak li l-Alkantara kien waqqaf fl-Estremadura (Spanja).

Wara ħatruh majjistru tan-novizzi, u hekk seta’ jifforma bil-kelma u bl-eżempju fil-prattika tal-virtujiet reliġjużi tant li bosta saru mbagħad magħrufin għall-qdusija u għall-mirakli.

Kiseb mill-Papa Klement XI il-permess li jiftaħ provinċja ġdida tal-istitut tiegħu fir-renju ta’ Napli, u tagħha kellu jaċċetta li jkun l-ewwel superjur. Miet ta’ 80 sena fl-1734.

Ħsieb: “O penitenza mbierka li kisbitli premju hekk kbir!” Hekk qal San Pietru minn Alkantara meta deher lil Santa Tereża wara mewtu. San Pietru kien patri li għex f’penitenzi kbar. Kien qaddis li għen bil-kbir lil Santa Tereża ta’ Ġesù fir-Riforma tal-Karmelu. San Ġużepp tas-Salib ried isir iben dan il-qaddis Franġiskan u jgħix ir-Riforma tiegħu. Aħna m’aħniex se nimitawh fil-ħruxija tal-penitenzi; il-penitenza tagħna trid tkun il-ħarba mid-dnub u minn dak kollu li nħossu li Alla ma jridux. Imma xi tfisser li tagħmel penitenza skont San Franġisk?

“Li wieħed jkollu fih l-Ispirtu s-Santu, joħroġ ċar f’dak l-istil ta’ ħajja qaddisa li Franġisku jsejjaħlu “tagħmel il-penitenza”. B’din l-espressjoni Franġisku jrid ifisser dak l-atteġġament ta’ konverżjoni kontinwa li hija karatteristika tal-ħajja Nisranija. Dik il-bidla totali li twassal il-bniedem joħroġ mill-egoiżmu u l-indipendenza tiegħu għal dak is-serħan u d-dipendenza sħiħa minn Alla”.  

Imma meta nisimgħu bi kliem bħal penitenza, sawm, astinenza u sagrifiċċji, x’għandna nifhmu bihom u n-nisrani tal-lum kif għandu jipprattikhom?

Fl-1966 il-Beatu Pawlu VI Papa rriforma l-forma tal-penitenza fil-Kostituzzjoni Appostolika dwar il-penitenza (Poenitemini). Fiha, fost l-obbligi ta’ żmien ir-Randan li probabli tafuhom, ifakkarna fil-liġi ta’ Alla li tħeġġiġna biex nagħmlu penitenza, b’mod speċjali bi tpattija għal dnubietna aħna u nitolbu maħfra lil Alla. Iżda ma’ dawn il-penitenzi hemm ukoll il-ħtieġa tal-maħfra u l-mogħdrija u l-imħabba konkreta lejn il-proxxmu tagħna kollu fil-mod kif inġiebu ruħna miegħu.

Wieħed jista’:

  • ma jiekolx laħam;
  • jastjeni ruħu minn xorb alkoħoliku;
  • ma jpejjipx;
  • jiċċaħħad minn xi divertiment;
  • jieħu sehem f’Quddiesa, jew jagħmel il-Via Sacra;
  • jitlob aktar mal-famlija e.ż. jitlob ir-Rużarju;
  • jaqra l-Iskrittura Mqaddsa;
  • irażżan l-infiq u jagħti karità;
  • iżur il-morda jew ix-xjuħ li huma weħidhom.

Nistgħu ukoll nieħdu iktar paċenzja b’xulxin, per eżempju l-mod kif inġibu ruħna mal-membri tal-familji tagħna u fuq il-postijiet tax-xogħol, inkunu kalmi u iktar osservanti tar-regoli tat-traffiku waqt is-sewqan, moderazzjoni fl-użu tal-internet u t-telephones ċellulari biex nagħtu iktar importanza u attenzjoni lil dawk li jinsabu fiżikament magħna. Huwa ta’ valur kbir wkoll għalina li niċċaħħdu, għax irridu, minn ħwejjeġ li jogħġbuna, imqar għal ftit ħin f’ġurnata.

Talba: Mulej, bħalma għallimt lil San Ġużepp tas-Salib kif irażżan l-aptiti u l-burdati tiegħu u l-attenzjoni żejda għal dak li mhux indispensabbli u jagħti iktar attenzjoni Lilek li ħabbejtna u bagħat lil Ibnek biex jurina mħabbtu bil-passjoni u l-mewt tiegħu, għallem lilna wkoll biex norbtu qalbna biss miegħek li ser tibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-john-joseph-of-cross.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-joseph-of-the-cross/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Joseph_of_the_Cross

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-ħsieb huwa ta’ Fr Michael Bugeja (Ċeremonier tal-Isqof Charles J. Scicluna).

Advertisements