9 ta’ Marzu: Santa Franġiska Rumana

Verżjoni Vidjo: Santa Franġiska Rumana

“Il-Mulej igħid: Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, dak hu ħija u oħti u ommi“. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Franġiska Rumana

Baciccio-Saint_Francesca_Romana_Giving_AlmsSANTA FRANĠISKA RUMANA
Armla u Reliġjuża
1384 – 1440

Tagħrif: Santa Franġiska twieldet fl-1384, fi Trastevere f’Ruma, għand familja sinjura.

Kellha ħajra li ssir soru, iżda biex tobdi lill-ġenituri tagħha żżewġet ta’ tlettax-il sena lil Lorenzo Ponziano, nobbli Ruman. Kien żwieġ feliċi li dam għal 40 sena, u kellhom żewġ subien u tifla.

Franġiska, li minn dejjem kellha x-xewqa li tgħin lill-foqra, iltaqgħet mal-mara ta’ ħu żewġha, Vannozza, li kellha l-istess ħajra, u flimkien, bil-barka ta’ żwieġhom, bdew ħidma għal dawk li kienu fil-bżonn. Kienu ta’ għajnuna kbira għal dawk li ġew milquta mill-epidemija tal-pesta li xterdet f’Ruma.

Fl-1408, il-familja ta’ żewġha ġiet ippersegwitata u mfaqqra mit-truppi ta’ Ladislaw ta’ Napli li kien qed jappoġġa lill-Antipapa Ġwanni XXIII. Fl-1410, Ladislaw raġa’ nvada Ruma, u mhux biss għamel straġi mill-propjeta’ tal-familja ta’ Ponzjano, imma saħansitra immaltratta lil Lorenzo li baqa’ jbati tul il-kumplament ta’ ħajtu.

Fl-1413, binha ż-żgħir miet kawża tal-pesta li kienet reġgħet ħakmet Ruma. Ftit wara bintha mietet ukoll. Fl-1414, binha l-kbir iżżewweġ, u l-mara li ħa kienet tiddisprezza lil Franġiska, iżda ma baqgħetx wara li mardet serjament u ġiet ikkurata minn Franġiska nnifisha.

Franġiska fetħet parti minn darha bħala sptar. U fl-1426, billi xi nisa ngħaqdu magħha biex jgħinuha fix-xogħol li kienet qed tagħmel mal-morda, waqfet l-Oblati ta’ Marija, komunita’ għan-nisa li ma kienu marbuta bl-ebda voti ħlief li joffru ruħhom għas-servizz ta’ Alla u tal-foqra..

Franġiska ma kinetx tgħix fil-komunita’, iżda fid-dar tagħha ma’ żewġha. Kienet tgħid: “Il-mara miżżewġa għandha tħalli anki l-artal biex tħobb ’l Alla fil-qadi tad-dar.” Wara l-mewt ta’ żewġha (1436), marret bil-mixi titlob biex tidħol fil-monasteru ta’ Tor di Specchi, imwaqqaf minnha. Laqgħuha bħala superjura, iżda dejjem fittxet is-servizzi l-aktar baxxi tad-dar.

Meta binha waqa’ marid marret tagħmillu żjara, iżda ħassha ħażin u mietet fil-jum li kienet ħabbret, id-9 ta’ Marzu 1440. Sa minn mewtha ġiet meqjuma mill-poplu ruman bħala qaddisa, u wara tliet proċessi (1440, 1443, 1451), il-Papa Pawlu V iddikjaraha uffiċjalment qaddisa fl-1608. Ġisimha difnuh fil-knisja ta’ Santa Maria Nuova, fil-Foro Romano. Warajha l-knisja l-lum tissejjaħ ta’ Santa Francesca Romana.

Ħsieb: Minkejja li għażlet li tiżżewweġ b’rispett lejn il-ġenituri tagħha, Franġiska Rumana baqgħet tħobb il-ġabra u tistmerr il-festi u l-laqgħat soċjali. Iż-żwieġ ħaditu bħala dmir, mhux bħala pjaċir jew sport. Għas-sejħa ta’ żewġha kienet tħalli kollox, għax dik kienet il-preorita’ ta’ ħajjitha. Alla wrieha kemm togħġbu: darba kellha tħalli erba’ darbiet il-bidu ta’ Salm, u wara l-ħames darba sabet l-ewwel ittri miktubin bid-deheb.

Il-mortifikazzjoni u l-penitenza tagħha kienu tabilħaqq straordinarji, kemm fl-ikel kemm fl-ilbies u bl-eżempju tagħha ġibdet warajha bosta sinjuri rumani minn ħajja ta’ frugħa u ta’ lussu u għaqqdithom f’assoċjazzjoni taħt it-tmexxija tal-patrijiet Benedettini ta’ Santa Maria Nuova. Aktar tard iffurmaw il-kongregazzjoni tal-Oblati Benedittini ta’ Tor di Specchi, approvata minn Ewġenju IV fl-1433. Il-membri kienu jgħixu ta’ reliġjużi, iżda bla klawsura u bla voti, mogħtijin għat-talb u għall-opri tajba. Bil-kunsens ta’ żewġha għamlet il-vot tal-kontinenza, u għamlet hekk progressi fil-ħajja kontemplattiva li saret waħda mill-mistiċi l-kbar tas-seklu ħmistax.

Id-dehriet li kellha kienu spiss jieħdu għamla ta’ drammi li fihom kienu jieħdu sehem persunaġġi tas-sema. Kienet ta’ sikwit tara ’l-anġlu kustodju tagħha u titkellem miegħu. Kellha d-don tal-mirakli u tal-estasi, rivelazzjonijiet dwar il-purgatorju u l-infern, kif ukoll id-don li taqra l-qlub u li tara l-ġejjieni.

Kienet magħrufa għall-umiltà u għad-distakk mid-dinja, għall-ubbidjenza u għall-paċenzja li biha sofriet it-turufnament ta’ żewġha, il-priġunerija ta’ binha Ġanpatist, il-mewt ta’ wliedha u t-telfa tal-ġid li kellha. Kalma fost dawn id-diżgrazzi kienet ittenni l-kliem ta Ġob: “Alla tani u Alla ħadli. Ikun dejjem imfaħħar l-isem t’Alla.”

  • U int, tagħraf li kull ma għandek huwa rigal mingħand Alla u li jekk dan ma jibqax tiegħek, m’għandekx toħodha bi kbira imma tkompli tafda f’Alla u jieħu ħsiebek Hu?
  • Taqdi d-dmirijiet tiegħek sew skont l-istat tiegħek billi tpoġġi lill-membri tal-familja tiegħek u lil dawk taħt il-kura tiegħek fl-ewwel post qabel ma tinvolvi ruħek f’impenji oħra?
  • Kemm tfittex li tgħix b’tali mod li dak li tgħid u tagħmel jiġbed l-attenzjoni ta’ nies bħalek li forsi jsibu fik u fil-fidi tiegħek għajn għal ħajjithom hekk li forsi jibdew jimxu fuq l-eżempji tiegħek?

Talba: O Alla, inti li tajtna lil Santa Franġiska Rumana bħala xempju tal-għaġeb, sew bħala mara miżżewġa, sew bħala reliġjuża; agħmel li aħna naqduk sa l-aħħar, billi, f’dak kollu li nsibu ruħna fih f’din il-ħajja, inżommu lilek quddiem għajnejna u nimxu warajk. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-frances-of-rome.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-frances-of-rome-415

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Frances_of_Rome

Nota: It-Tagħrif u l-Ħsieb dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements