10 ta’ Marzu: San Ġwann Ogilvie

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Ogilvie

“Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni”. ~ Ġesu’ fi Ġwanni 17:21

ogilviesalamanca.jpgSAN ĠWANN OGILVIE
Ġiżwita u Martri
1579 – 1615

Tagħrif: Dan il-qaddis kien bin il-baruni ta’ Drum-na-Keith fl-Iskozja; kien imrobbi bħala kalvinista. Kien mibgħut jistudja fi Franza, u hawn, bħala student beda jinteressa ruħu fuq il-kontroversji reliġjużi li kienu jifirdu ’l qrabatu.

Ġie milqugħ fil-Knisja Kattolika fil-Kulleġġ Skoċċiż f’Louvain (1596) meta kellu sbatax-il sena. Mar imbagħad jistudja f’Regensburg u ngħaqad mal-Ġiżwiti fi Brno tliet snin wara, fl-1599.

Għal għaxar snin John Ogilvie ħadem fl-Awstrija, l-aktar fi Gratz u fi Vjenna. Imbagħad kien assenjat lill-provinċja Franċiża, u kien ordnat saċerdot f’Pariġi fl-1610. Minn dak iż-żmien xtaq u talab li jintbagħat lura jaħdem f’pajjiżu fl-Iskozja. Xewqtu ġiet maqtugħa fl-1613.

Minħabba l-liġijiet kontra s-saċerdoti nsara, hu vvjaġġa bl-isem ta’ John Watson, bħala negozjant taż-żwiemel jew bħala suldat. Hu sab li ħafna nobbli Skoċċiżi aċċettaw ir-reliġjon protestanta, almenu minn barra, u ma kinux lesti jgħinu saċerdot ipprojbit.

Billi f’pajjiżu ma tantx irnexxa, John Ogilvie mar Londra biex jikkuntattja wieħed mill-ministri tar-re u mbagħad mar Pariġi għall-konsultazzjoni, imma qalulu biex jirritorna lura fl-Iskozja, kif fil-fatt għamel.

F’Edinburgh hu qagħad għand wieħed avukat u għamilha ta’ għalliem għal ibnu, jamministra s-sagramenti lil ġemgħa ta’ kattoliċi, jippriedka u jżur il-ħabsijiet. Iżda wara ħdax-il xahar ġie mikxuf u arrestat fi Glasgow.

Għadda ħames xhur fil-ħabs fejn kien maħqur billi ma jagħtuhx jiekol u ma jħalluhx jorqod, qattgħulu xagħru u waddbuh repetutament fl-art. Darba nżamm imqajjem għal tmint ijiem sħaħ f’attentat biex jikxef ismijiet ta’ Kattoliċi oħra. Mill-ħabs irnexxielu joħroġ b’kuntrabandu.

San Ġwann Ogilvie ġie kkundannat għal tradiment high treason imma offrewlu li jiġi meħlus u ħafna benefiċċji għoljin kieku kellu jiċħad ir-reliġjon tiegħu. Billi ma aċċettax, hu kien mgħallaq fi Glasgow minħabba d-difiża tiegħu tas-supremazija tal-Papa, fl-10 ta’ Marzu 1615 meta kellu 36 sena. Iddikjarah qaddis Pawlu VI fl-1976.

Ħsieb: Ġwanni għex fi żmien meta la l-Kattoliċi u lanqas il-Protestanti ma kienu lesti li jittolleraw lil xulxin. Meta fittex fl-Iskrittura, sab kliem li kabbrulu l-viżjoni tiegħu. Għalkemm sar Kattoliku u miet għall-fidi tiegħu, huwa fehem xi jfisser il-kliem “kattoliku żgħir”, il-firxa wiesgħa ta’ dawk li jemmnu li jħaddnu l-Kristjaneżmu. Anke issa, huwa bla dubju ta’ xejn, jifraħ fl-ispirtu ekumeniku mrawwem mill-Konċilju Vatikan II u jingħaqad magħna fit-talb tagħna għall-għaqda ma’ dawk kollha li jemmnu.

Il-Mulej Ġesu’ jrid li aħna l-Insara – kemm jekk Kattoliċi bħalna, kemm jekk Ortodossi, jew Anglikani, jew Luterani – nagħmlu minn kollox biex nersqu aktar lejn xulxin, u biex flimkien nagħtu xhieda tal-Aħbar it-Tajba li ġabilna Kristu bit-tagħlim u l-mirakli tiegħu, kif ukoll bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.

Ħafna huma l-Insara li jinġabru flimkien sabiex jitolbu għall-għaqda. Ġesu’ stess, lejlet il-Passjoni tiegħu, talab bil-ħerqa lill-Missier: “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġwanni 17:21)

Kull sena, bejn it-18 ta’ Jannar u l-25 ta’ Jannar, Festa tal-Konverżjoni tal-Appostlu tal-Ġnus, San Pawl, issir din il-ġimgħa ta’ talb intensiv mill-insara biex jingħelbu l-firdiet bejn il-Knejjes u d-denominazzjonijiet insara differenti. Sfortunatament, tul il-medda tas-sekli, il-Knisja għaddiet minn bosta firdiet, fosthom il-firda tal-Ortodossi fis-Seklu Ħdax, u aktar tard, il-firda tal-Protestanti, fis-Seklu Sittax.

Jeħtieġ li ngħixu b’impenn il-fidi tagħna hekk li ngħadduha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Jekk aħna ma ngħixux il-fidi tagħna, din tmut u l-ġenerazzjonijiet futuri ma jkollhomx iċ-ċans li bħalna jduqu t-tjubija u l-kobor tal-imħabba ta’ Alla għalina f’Ibnu Ġesu’. L-impenn tagħna ma jridx jieqaf meta tintemm il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara, imma jrid ikun iżjed minn hekk. Irridu nkomplu nitolbu u fuq kollox rridu nikbru fl-imħabba għal xulxin. L-għaqda li Ġesu’ jrid fil-Knisja tiegħu u li aħna tant nixtiequ, tinbena fuq l-imħabba. L-għaqda sseħħ jekk aħna ma nieqfux fuq id-differenzi ta’ bejnietna imma nfittxu li negħlbu d-differenzi tagħna bl-imħabba.

Talba: O Mulej, San Ġwann Ogilvie għadda minn persekuzzjonijiet, tiġrib u fl-aħħar ħa l-martirju għall-fidi tiegħu. Agħtina l-istess spirtu ta’ konvinzjoni u ħeġġa, biex b’imħabba għalik, nibqgħu nikbru fil-fidi tagħna u nkomplu nwassluha lill-oħrajn. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-john-ogilvie.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-ogilvie/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Ogilvie_(saint)

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements