14 ta’ Marzu: Santa Matilde

Verżjoni Vidjo: Santa Matilde

“Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla”. ~ Ġesu’ f’Mark 10:23.

St_Matilda_001SANTA MATILDE
Reġina
895 – 968

Tagħrif: Matilde (bl-Ingliż Maud) ingħad dwarha li kienet ir-reġina ideali għal nazzjon Nisrani. Isimha bit-Tedesk ifisser “qawwija fit-taqbida”. Hija kienet bint il-Konti Teodoriku tas-Sassonja u twieldet qrib is-sena 895.

Minn ċkunitha rċeviet l-edukazzjoni tagħha minn nannitha, jisimha wkoll Matilde, li kienet badessa fil-monasteru tal-kanonikessi ta’ Herford, fejn daħlet wara li romlot. Hawn Matilde tgħallmet ir-rakkmu, u kisbet imħabba għax-xogħol, għat-talb u għall-qari spiritwali.

Baqgħet fil-monasteru sakemm il-ġenituri tagħha żewġuha, fis-sena 913, lil Enriku l-Kaċċatur. Enriku sar duka wara l-mewt ta’ missieru, u fid-919, laħaq ukoll re tal-Ġermanja.

Bħala reġina, Matilde kienet xempju ta’ virtujiet Insara; kienet iżżur u tfarraġ lill-morda u lill-imnikktin, tgħallem, tgħin lill-ħabsin, u tħabrek ukoll biex il-ħżiena jbiddlu ħajjithom. Żewġha kien ukoll jingħaqad magħha f’dawn l-opri tajba.

Hija kellha b’kollox ħames ulied: tlieta subien u żewġt ibniet. Fost dawn insemmu lill-futur imperator, Otto I il-Kbir; lil Ġerbera, li żżewġet lir-re Lwiġi IV ta’ Franza; l-arċisqof qaddis ta’ Cologne, Bruno; u Enriku mlaqqam “il-ġellied”, li kellu jikkuntenta li jsir duka tal-Bavarja.

Wara ftit li romlot, Matilde warrbet kull xorta ta’ vanità, u ngħatat aktar għall-opri ta’ għajnuna għall-fqar. Ħasbet ukoll biex qrib il-qabar ta’ żewġha, fi Queslinberg, tibni kunvent tas-sorijiet li baqgħet tieħu ħsiebu għal tletin sena.

Ir-Re Enriku miet wara li saltan għal sittax-il sena. Kienet ix-xewqa tal-mejjet li ibnu l-kbir Otto jinħatar bħala re warajh. Imma Matilde għażlet lil binha l-fustani Enriku u ġie nkurunat re fit-8 ta’ Awwissu 936.

Santa Matilde mietet ta’ 73 sena fl-14 ta’ Marzu 968 fi Queslinberg, u kienet midfuna ħdejn żewġha fil-kappella tal-kastell. Kienet magħrufa bħala mara ta’ tjubija tal-għaġeb u reġina qaddisa. Hija Patruna tal-ommijiet li uliedhom jiddiżappuntawhom.

Ħsieb: Matilde kellha ssofri ħafna għall-iżball li għamlet, għax iż-żewġ uliedha Enriku, u aktar Otto, assoġġettawha għal persekuzzjoni twila u ħarxa. Kienu wkoll jeħduha kontra tagħha għax, qalu, li kienet idejha wisq miftuħa fil-karitajiet tagħha. Hija bil-moħbi kienet tirsisti ħafna biex tgħin lill-foqra fil-postijiet remoti tal-pajjiż, u bniet anke skejjel biex tgħinhom fl-edukazzjoni.

Kollox ingħatalna b’rigal. Kollox huwa providenza ta’ Alla. Issa Alla ma jipprovdix għal ftit b’ammonti kbar u għal ħafna b’ammonti żgħar, m’għandux preferenzi u ma jħarisx lejn l-uċuħ. Xi jfisser dan? Ifisser li l-provisti li għandna fuq din id-dinja biex il-bniedem jgħix b’dinjita’, huma ta’ kulħadd u fl-istess ħin m’huma ta’ ħadd. Aħna lil Alla ngħidulu ‘Missierna’, ‘Missier Ġust’, ‘Missier Ħanin’ li ħalaqna sforz l-imħabba u tana d-dinja biex nieħdu ħsiebha ħalli minnha jkollna l-għejxien. Il-Malti jgħid: ‘Jinħabbu bħall-aħwa.‘ Issa jekk tassew ninħabbu bħall-aħwa, għandna nippruvaw inqassmu l-ġid tal-art bejn kulħadd b’mod ġust, kulħadd skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

Ġesu’ nnifsu qal ċar u tond li “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!” (Mark 10:23). Għaliex? Għax ġeneralment minn għandu ħafna ġid materjali, xorta mhux kuntent u dejjem irid aktar u aktar. Meta fl-aħħar ta’ ħajtu jintebaħ li kien għani quddiem il-bnedmin imma fqir quddiem Alla għax ma jkun investa xejn fil-Bank tas-Sema, ġieli jkun tard wisq! Imma dan mhux il-każ ta’ din ir-reġina twajba Santa Matilde.

Fil-każ tagħha, il-grazzja ta’ Alla għarfitha taqsam ġidha, jew aħjar dak li ġie provdut, ma’ dawk li magħhom kienet qed issir ġustizzja, ma’ dawk li kellhom bosta bżonnijiet u ma setgħux jgħixu b’dinjita’. B’dan il-mod, għalkemm mhux mifhuma u ppersegwitatha minn uliedha stess, din ir-Reġina għaqlija ħażnet teżor fis-sema u huwa propju hemm li llum issaltan qrib ir-Re Etern li hija ħabbet b’qalbha kollha.

  • U int, idejk miftuħa biex tgħin lil dawk fil-bżonn mill-providenza li għandek u li inti ssejħilha tiegħek?
  • Tara lil kulħadd bħala ħuk jew oħtok, ulied l-istess Missierna li hu fis-Smewwiet, hekk li tittratta lil kulħadd b’dinjita’ għax huwa/hija iben/bint Alla bħalek?
  • Lest/a li tiġi mwarrab/a u ppersegwitat/a għax tagħmel dak li hu sewwa u ġust quddiem Alla?

Talba: Mulej, Santa Matilde kienet reġina twajba li mexxiet is-saltna tagħha b’għaqal kbir u b’ġenerożita’ lejn dawk li kienu jeħtieġu l-aktar għajnuna, bit-talb tagħha għalina, agħtina mexxejja tajba u għaqlin kullimkien fid-dinja, li jagħrfu jqassmu b’mod ġust il-ġid tal-pajjiżi biex jittaffew il-problemi tal-faqar, tal-mard, tal-vizzji, tal-qagħad, u ta’ kull ħaġa oħra li tnaqqas id-dinjita’ tagħna l-bnedmin, ulied Alla l-Missier. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-matilda.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-matilda-177

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Matilda_of_Ringelheim

March 14 – Saint Matilda on Gloria TV:
https://gloria.tv/video/Khu1hu88NF336uSkcMDy34faG

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements