15 ta’ Marzu: Santa Lwiża de Marillac

Verżjoni Vidjo: Santa Lwiża de Marillac

“Ħudu ħsieb aqduhom lill-fqar. Ħobbuhom lill-fqar; weġġgħuhom, uliedi, kif kontu tweġġgħu lil Kristu nnifsu”. ~ Santa Lwiża de Marillac

Luisa-marillacSANTA LWIŻA DE MARILLAC
1591 – 1660

Tagħrif: Twieldet fi Franza nhar Santa Marija tal-1591, minn familja magħrufa ħafna f’Pariġi. Ommha mititilha meta kienet għadha żgħira u rabbitha zija li kienet reliġjuża f’Poissy. Ta’ 16-il sena ħasset sejħa qawwija biex tidħol soru Kapuċċina, imma l-konfessur ma kienx tal-idea.

Fl-1613, iżżewġet lil Antoine Le Gras li kien segretarju tal-familji de’ Medici u minnu kellha iben. Bil-kunsens ta’ żewġha, hi kienet tgħaddi l-ħin liberu tagħha f’ħidma ta’ karità fost il-fqar ta’ Pariġi.

Fl-1619, iltaqgħet ma’ San Franġisk de Sales u San Vinċenz de Paul. Meta miet żewġha, fl-1625, u ħallieha b’tifel li nikkitha ħafna, il-qaddisa poġġiet lilha nnifisha totalment taħt id-direzzjoni ta’ San Vinċenz de Paul, u ddedikat l-enerġija kollha tagħha biex tieħu ħsieb id-diversi konfraternitajiet tal-karità mwaqqfin mill-qaddis, bħala għajnuna għall-foqra ta’ Pariġi. Hi bdiet ukoll torganizza korsijiet regulari għat-tfajliet żgħażagħ tal-kampanja fil-kura personali tal-fqar morda. Dan jista’ jitqies bħala l-bidu tas-Sorijiet tal-Karità.

Ix-xogħol dedikat tagħhom ħalla frott abbundanti kif jidhru mill-fatt li fl-ewwel sena biss tal-ħidma tagħhom kellhom 760 konverżjoni minn fost il-Luterani u l-Kalvanisti.

Is-sorijiet bdew jieħdu ħsieb it-tagħlim reliġjuż u sekulari tat-tfal foqra, bdew djar għall-anzjani, il-morda u n-nies b’diżabbiltajiet, fiżiċi u mentali.

Fuq talba tar-reġina ta’ hemm, li qabel kienet Dama tal-Karità, xi sorijiet marru l-Polonja u hemm ħadu ħsieb itaffu t-tbatijiet tas-suldati feruti, u bdew jissejħu “l-anġli tal-kamp tal-battalja.”

Qabel ma mietu San Vinċenz de Paul u Santa Lwiża de Marillac, kien hemm diġà 40 dar fi Franza. Illum ilaħħqu aktar minn 4,000 dar u xi 40,000 soru mxerrdin mad-dinja kollha.

Santa Lwiża de Marillac mietet fil-15 ta’ Marzu tal-1660, ta’ 69 sena. Fuq is-sodda tal-mewt qalet lis-sorijiet tagħha: “Ħudu ħsieb aqduhom lill-fqar. Ħobbuhom lill-fqar; weġġgħuhom, uliedi, kif kontu tweġġgħu lil Kristu nnifsu.

Santa Lwiża de Marrillac iddikjaraha qaddisa Piju XI, fl-1934.

Ħsieb: Meta Santa Lwiża de Marillac bdiet torganizza korsijiet regulari għat-tfajliet, fil-kura personali tal-fqar morda, dan jista’ jitqies bħala l-bidu tas-Sorijiet tal-Karità. Il-ħidma tas-sorijiet kienet meħtieġa ħafna fil-kerrejja u l-isptarijiet, imma f’dak iż-żmien kienet ħaġa li qatt ma nstemgħet li s-sorijiet ma jkunux magħluqin fil-klawsura.

San Vinċenz de Paul ried li:

  • l-klawsura tagħhom tkun il-biża’ ta’ Alla,
  • il-velu tagħhom il-modestja,
  • il-kappella tagħhom il-knisja parrokjali,
  • kamra mikrija ċ-ċella tagħhom, u
  • l-opri ta’ karità l-uffiċċju divin tagħhom.

Bħala libsa, is-sorijiet addottaw libsa kaħla/griża u b’kappell wiesa’ tal-għażel abjad.

Illum, din l-ordni, qed tkompli tgħin lill-morda u l-anzjani u tipprovdi kenn għall-orfni. Ħafna mill-membri tagħha huma ħaddiema soċjali li jaħdmu taħt il-patroċinju ta’ Santa Lwiża de Marillac. Mill-bqija, aħna lkoll għandna nkunu konċernati dwar il-bżonnijiet ta’ dawk l-aktar żvantaġġati. Imma kemm qed nagħtu kas tan-nies foqra, b’nuqqas ta’ saħħa, nies b’diżabbilta’, fiżika kif ukoll mentali? Kemm qed nirsistu biex dawn jgħixu bid-dinjita’ li tixraq lil kull bniedem?

Fl-Omelija tal-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna fid-Dar tal-Providenza (1 ta’ Marzu 2015) fid-Dar tal-Providenza, s-Siġġiewi, jgħid hekk:

“Id-diżabbilità tista’ taraha bħala limitu, tista’ taraha wkoll bħala xi ħaġa li ma jistax ikollha s-sbuħija tagħha, xi ħaġa li tbegħdek, xi ħaġa li tinkwetak. F’din id-Dar, bl-ispirazzjoni tal-fundatur Dun Mikiel Azzopardi, bil-ġenerożità ta’ ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin, id-diżabbilità ġiet trasfigurata u mibdula. Hawnhekk id-diżabbilità ma naħbuhiex, imma bil-karità, bl-għajnuna, bil-paċenzja, bl-imħabba, sitwazzjonjiet diffiċli jiġu trasfigurati u mibdula. Dawn jiġu mibdula b’xhieda tad-dinjità tal-bniedem li ma tistrieħx fuq l-intelliġenza tiegħu jew il-kapaċità li juża s-sensi kollha tiegħu, u lanqas ma tiċċaħħad minħabba l-limiti tiegħu. Id-dinjità tal-bniedem hija don ta’ Alla li ħalaqna lkoll uliedu.

Din id-Dar hija dar il-wens, dar il-kenn. Bl-isforzi ta’ tant Maltin u Għawdxin, din id-Dar hija trasfigurata, hija mibdula kuljum f’art San Pawl, b’att ta’ karità. Meta nkunu f’din id-Dar, nixtiequ nagħrfu li deħlin fid-dar fejn dak li hu mistkerrah għad-dinja, jiġi ttrasfigurat f’innu ta’ mħabba u ta’ karità”.

Ejjew ma nieqfux inkunu ta’ providenza lejn dawk l-aktar fil-bżonn ta’ aktar dinjita’ u mħabba. Jekk ma nistgħux inkunu hemm għalihom fiżikament, f’għajnuna konkreta u viżibbli, almenu ngħinhom bi flusna. Dawn id-djar jeħtieġu eluf ta’ flus biex jitmexxew u jaqdu d-doveri tagħhom lejn ir-residenti. Ejjew nibqgħu nkunu ġens karitattiv, ulied veri ta’ San Pawl li bil-fidi li għaddilna, urinha kif insibu lil Kristu f’kull bniedem u naqduh minn qalbna u mill-aħjar li nistgħu.

Talba: Għażiż Mulej, Santa Lwiża de Marillac għarfet lilek fil-batut, qdietek b’fedelta’ u kienet ta’ eżempju għal tant u tant persuni li għadhom sal-lum jimxu fuq il-passi tagħha. Għallimna nagħrfuk f’kull persuna li int tlaqqana magħha, ħalli aħna wkoll naqduk u nħobbuk kif jixraqlek tul ħajjitna kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/way-of-life-wife-mother-widow-foundress.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-louise-de-marillac/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Louise_de_Marillac

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements