17 ta’ Marzu: San Patrizju

Verżjoni Vidjo: San Patrizju

“Għad jiġu ħafna mil-lvant u mill-punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb fis-saltna tas-smewwiet”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Patrizju (Mattew 8:11)

st-patrick.pngSAN PATRIZJU
Isqof
385 – 461

Tagħrif: Dan l-appostlu tal-Irlanda twieled aktarx f’Wales madwar is-sena 385 f’Dunbarton, l-Iskozja, jew f’Cumberland, l-Ingilterra. Kien iben familja nisranija u ta’ pożizzjoni soċjali aktarx għolja.

Ġurnata waħda, meta kellu sittax-il sena, waqt li kien fir-razzett ta’ missieru, ġie maqbud u mbagħad mibjugħ bħala lsir fl-Irlanda. Sitt snin wara ħarab, u raġa’ lura lejn id-dar.

Fis-sitt snin li dam fil-jasar huwa sar bniedem ta’ Alla billi kien jitlob fit-tul waqt li kien jirgħa n-ngħaġ, u bil-lejl. Imnebbaħ minn Alla, Patrizju ħarab mill-jasar u rritorna d-dar. Iżda wara xi żmien, fil-ħolm kien jisma’ l-ilħna tal-Irlandiżi jgħidulu: “Ejja u erġa’ imxi fostna.”

Sabiex iħejji ruħu għal din il-missjoni, Patrizju mar f’Auxerre (Franza) taħt id-direzzjoni tal-isqfijiet Amatore u Ġerman, u meta waslet l-aħbar tal-mewt ta’ Palladju, li kien mar jevanġelizza l-Irlanda imma bi ftit suċċess, hu telaq biex jeħodlu postu wara li ġie kkonsagrat isqof.

Madwar is-sena 432 (meta allura kellu madwar 43 sena) niżel l-art ma’ sħabu ħdejn Wicklow. Il-missjoni tiegħu ħalliet frott kbir, speċjalment fil-provinċji ta’ fuq tal-gżira. Hawn huwa kellu jikkumbatti l-paganiżmu, waqqaf għadd kbir ta’ knejjes u ta’ kunventi, għalkemm kien imfixkel mhux ftit mis-saċerdoti saħħara pagani, imsejħin druwidi, li kienu jgħammru fil-boskijiet.

Wara li għamel vjaġġ għal Ruma (c. 442), Patrizju waqqaf is-sedi tiegħu fil-belt ta’ Armagh, li saret iċ-ċentru tal-missjonijiet tiegħu u aktar tard saret is-sedi primazjali tal-Irlanda kollha. Fil-belt ta’ Naas, li kienet il-belt irjali ta’ dawk iż-żminijiet, Patrizju għammed liż-żewġ ulied tar-re ta’ Leinster. Minn hawn, huwa mar Munster, fejn għammed lil Aengus, iben ir-re. Minn fejn kien jgħaddi huwa kien jikkonverti lill-kapijiet, persważ li l-poplu kien jimxi warajhom.

Il-qaddis kiteb ħajtu fil-qosor u semmieha Stqarrija. Huwa kien jirrifjuta li jaċċetta rigali u ddefenda lilu nnifsu kontra akkużi foloz. Kien promutur kbir tal-verġinità kkonsagrata u kellu konvinzjoni sħiħa tas-sejħa personali tiegħu għall-appostolat. Għal ħidmietu jixraqlu tassew it-titlu ta’ Appostlu Nazzjonali tal-Irlanda

San Patrizju miet fis-17 ta’ Marzu, għall-ħabta tas-sena 461 meta kellu madwar 72 sena. Hu l-Patrun tal-Irlanda, u hu għall-Irlandiżi bħalma San Pawl hu għall-Maltin. Il-jum tal-festa tiegħu hu btala pubblika, u jinżamm hekk mhux biss fl-Irlanda, iżda kull fejn hemm komunitajiet Irlandiżi.

Ħsieb: Dak li jiddistingwi lil San Patrizju huwa l-perseveranza fl-isforzi tiegħu. Meta wieħed jikkunsidra l-istat tal-Irlanda meta l-qaddis beda x-xogħol missjunarju tiegħu, il-biċċa l-kbira tal-ħidmiet tiegħu, u kif iż-żerriegħa li tħawlet kompliet tikber u tirnexxi, wieħed jista’ jammira x’tip ta’ raġel kien San Patrizju. Il-qdusija ta’ persuna hija magħrufa biss mill-frott tal-ħidma tiegħu jew tagħha.

Nhar is-17 ta’ Marzu ta’ kull sena, tista’ tgħid li d-dinja tinżebaħ ħadra – hekk kif tradizzjoni li bdiet fl-Irlanda u mxiet sakemm issa laħqet anke l-aktar irkejjen imbegħdin mill-pajjiż li fih bdiet. Dik li xi darba kienet festa reliġjuża għall-qaddis patrun tal-Irlanda – San Patrizju, illum saret ċelebrazzjoni tal-kultura Irlandiża, ċelebrazzjonijiet li ma jistgħux ma jkunux karatterizzati minn nies libsin l-aħdar, kpiepel u kostumi, u ovvjament, tazza jew tnejn tal-birra Irlandiża li l-kulur skur tagħha donnu sar kulur tradizzjonali ta’ din il-festa wkoll.

Jingħad li l-aħdar sar il-kulur assoċjat ma’ din il-festa għaliex dan il-qaddis kien juża shamrock – pjanta bi tliet werqiet, sabiex jispjega it-trinità qaddisa lill-Irlandiżi Pagani. Għalkemm din hija festa pubblika fir-Repubblika tal-Irlanda u fl-Irlanda ta’ Fuq, iċ-ċelebrazzjonijiet u l-parati ma jsirux hemm biss. New York, fil-fatt, għandha l-ikbar parata f’dan il-jum li ddum għaddejja 6 sigħat u li jieħdu sehem fiha sa 150,000 persuna. Barra minn hekk, monumenti famużi madwar id-dinja jinxtegħlu bl-aħdar f’dan il-jum – bħalma huma l-Piramidi ta’ Giza, kif ukoll il-Kollossew f’Ruma.

U hawn Malta? Bosta jiċċelebrawha f’lokalitajiet bħall-Furjana, Tas-Sliema u San Ġiljan. Ikun hemm parata fil-Belt Valletta fi Triq ir-Reppubblika. Barra minn hekk, wara x-xogħol bosta jinġabru għal tazza birra jew tnejn fil-pubs favoriti tagħhom.

  • Imma San Patrizju kuntent b’dawn iċ-ċerimonji pagani???
  • Qiegħed jiġi onorat kif jixraqlu għat-taħbit tiegħu biex ixerred il-fidi nisranija?
  • Xi jrid Alla minna propjament? Hu jgħid: “Kunu qaddisin, għax qaddis jien.” (1 Pietru 1, 15-16)
  • Kemm qed ngħixu ta’ qaddisin?
  • Kemm qegħdin verament nimxu fuq il-passi tal-qaddisin li l-Knisja tpoġġilna bħala mudelli għall-ħajja tagħna nisranija?
  • Qegħdin tassew insaħħu l-poplu Irlandiż u l-popli kollha fil-Fidi Nisranija, li għaliha San Patrizju u qaddisin oħra, ħadmu b’ħeġġa l-iktar kbira?

Talba: O Alla, int għażilt lill-isqof San Patrizju biex ixandar il-glorja tiegħek lin-nies ta’ l-Irlanda; għall-merti u t-talb tiegħu, agħtina li l-insara kollha jħabirku biex ixandru l-għeġubijiet tiegħek lill-bnedmin. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-patrick.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-patrick/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Patrick

Film on Saint Patrick:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements