18 ta’ Marzu: San Ċirillu ta’ Ġerusalemm

Verżjoni Vidjo: San Ċirillu ta’ Ġerusalemm

“Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħall-kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ċirillu ta’ Ġerusalemm (Danjel 12:3).

St-Cyril-Apostle-to-the-SlavsSAN ĊIRILLU TA’ ĠERUSALEMM
Isqof u Duttur tal-Knisja
315 – 386

Tagħrif: San Ċirillu twieled fis-sena 315 minn ġenituri nsara, u ġie edukat f’Ġerusalemm. Ġie ordnat saċerdot minn San Massimu, l-Isqof ta’ Ġerusalemm. Kienet l-għaxqa tiegħu jgħallem u jipprepara l-katekumeni għall-magħmudija.

Meta San Massimu miet, Ċirillu laħaq floku fis-sena 349, fi żmien meta l-Knisja kellha tħabbat wiċċha bil-kbir ma’ l-ereżija ta’ Arju, li Ċirillu kkumbatta b’ħiltu kollha.

Fis-sena 357, ġie mkeċċi minn Ġerusalemm minn Akaċju, l-Arċisqof Metropolitan ta’ Ċesarija li kien Arjan, u mar f’Tarsus. Iżda sentejn wara, il-Kunsill ta’ Selewkja ġabu lura f’Ġerusalemm. Fis-sena 360, Akaċju reġa’ keċċieh bl-għajnuna tal-Imperatur Kostanzu, iżda sena wara ġie msejjaħ lura mill-Imperatur Ġuljanu (li ‘l quddiem ġie msejjaħ l-“Apostata”), li kien laħaq flok Kostanzu.

San Ċirillu ra l-attentat ta’ Ġuljanu l-Apostata jisfaxxa fix-xejn meta bi sfida għall-kliem ta’ Ġesù ried jerġa’ jibni t-tempju ta’ Ġerusalemm.

Għat-tielet darba, Ċirillu ġie mkeċċi minn Ġerusalemm. Din id-darba mill-Imperatur Arjan Valent fis-sena 367. Ħdax-il sena wara, ġie msejjaħ lura mill-Imperatur Teodosju, fejn baqa’ sakemm miet fil-paċi, tmien snin wara, fit-18 ta’ Marzu 386.

Fis-sena 381, attenda l-Konċilju ta’ Kostantinopli, fejn aċċetta l-verżjoni sħiħa tal-Kredu ta’ Niċea.

Ħsieb: Ċirillu jidher li twieled fi żmien meta kien qed jibda żmien ġdid għall-insara għax Kostantinu l-Kbir ta l-libertà lill-Knisja. Hekk kif sar saċerdot, l-isqof tiegħu Massimu tah l-inkarigu li jipprietka fir-Randan lil dawk li qed jitħejjew għall-magħmudija, u fi żmien il-Għid lil dawk li jkunu tgħammdu ġodda. Huwa qeda dan id-dmir b’effett kbir, mhux tant mill-elokwenza tiegħu daqskemm mill-eżempju billi ħajtu kienet taqbel perfettament ma’ dak li kien jipprietka.

Ċirillu kellu dik il-ħabta madwar 34 sena. Hu kellu jġarrab ħafna persekuzzjonijiet minħabba li kien difensur qalbieni tat-twemmin kattoliku kif definit mill-Konċilju ta’ Niċea (325), kontra l-Arjani li kienu jiċħdu d-divinità ta’ Kristu.

Ċirillu kien imkeċċi mis-sede ta’ Ġerusalemm minn Akaċju, isqof Arjan ta’ Ċesarea, li kien jgħid li kellu ġurisdizzjoni fuq Ġerusalemm. Dan Akaċju laqqa’ sinodu Arjan biex jikkundanna lil Ċirillu fuq il-pretest li dan l-isqof qaddis kien biegħ oġġetti tal-Knisja biex jgħin lill-foqra bil-ġuħ; imma fil-verità kkundannah għax kien jopponi l-Arjaniżmu.

Fis-sena ta’ wara (379), il-Konċilju ta’ Antjokja bagħat lil San Girgor ta’ Nissa fil-Palestina biex jinvestiga akkużi li qalgħu kontra San Ċirillu, fosthom li hu ma kienx ordnat isqof b’mod regolari u li hu ma kienx konformi mal-Konċilju ta’ Niċea. San Girgor ta’ Nissa, wara eżami bir-reqqa, irraporta lura lill-Konċilju li s-sede ta’ Ġerusalemm kienet imħabbta mill-partiti u l-Arjaniżmu, imma l-fidi tagħha u dik ta’ Ċirillu kienu ortodossi (jiġifieri jaqblu mal-fidi vera kattolika).

San Ċirillu għex ħajja ta’ sofferenzi għall-kawża tas-sewwa. Hu kkalkolat li dan l-isqof qaddis għamel b’kollox sittax-il sena fl-eżilju. San Ċirillu ta’ Ġerusalemm huwa l-awtur tal-famuż Catecheses, sensiela profonda, u fl-istess ħin sempliċi, ta’ erbgħa u għoxrin prietka fuq il-Kredu, il-Missierna u s-sagramenti tal-Għid. Din l-opra kitibha meta hu kien għadu sempliċi saċerdot, għall-ħabta tas-sena 347. Din tiegħu hija waħda mill-opri l-aktar prezzjużi tal-antikità.

  • U int, tibqa’ sod/soda fit-twemmin tiegħek meta tiġi affaċċjat ma’ kull xorta ta’ kuntrarju, meta jwarrbuk u jikkundannawk inġustament?
  • Tpoġġi t-tama tiegħek kollha f’Alla f’kull mument ta’ ħajtek?
  • Kemm tirsisti biex tibqa’ xxandar is-sewwa bla biża’ bil-kliem, forsi bil-kitba, imma b’mod speċjali bl-eżempju ta’ ħajtek?

Talba: O Alla, permezz tal-isqof San Ċirillu inti tajt għajnuna tal-għaġeb lill-Knisja tiegħek biex tifhem aħjar il-misteru tas-salvazzjoni; agħmel li, bit-talb tiegħu, aħna nagħrfu dejjem iżjed lil Ibnek biex ikollna l-ħajja bil-kotra. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-cyril-of-jerusalem.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-cyril-of-jerusalem/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Cyril_of_Jerusalem

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb hu huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.