19 ta’ Marzu: San Ġużepp (Ir-raġel tal-Verġni Mqaddsa Marija)

Verżjoni Vidjo: San Ġużepp (Ir-raġel tal-Verġni Mqaddsa Marija)

“Alla għamilni qisni missier is-sultan u sid daru kollha;  Għollieni, biex isalva l-ħafna popli. Il-Mulej jgħinni u jħarisni; hu sar is-salvazzjoni tiegħi”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġużepp (Sirak 51:2-3)

6366829447_84e52a2b53_bSAN ĠUŻEPP
Ir-raġel tal-Verġni Mqaddsa Marija
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Ġużepp, kien min-nisel tas-Sultan David, u kien daqsxejn ta’ ħaddiem bis-sengħa ta’ mastrudaxxa, f’Nazaret.

Dan il-bniedem umli, twajjeb u qaddis kellu responsabbiltà mill-akbar fdata f’idejh, jew aħjar ġie mogħti lilu privileġġ uniku, dak li jieħu ħsieb il-Madonna u ’l Ġesù.

San Ġużepp, l-għarus tal-Madonna, kien magħżul minn Alla biex ikun il-Missier putattiv tal-Iben t’Alla magħmul bniedem. L-evanġelji jagħtuna ftit tagħrif fuq dan il-qaddis, imma jfaħħruh biżżejjed meta jsejħulu “bniedem ġust” li fil-lingwaġġ bibliku jfisser “imżejjen b’kull virtù”.

Tradizzjoni qadima li żammet l-għeruq tgħid li hu kien xiħ ħafna meta żżewweġ lil Marija. Din jidher li kellha l-iskop biex tenfasizza t-tnissil verġinali ta’ Ġesù, imma fil-fatt m’għandniex naħsbu li San Ġużepp kien xiħ meta żżewweġ lil Marija.

Meta seħħet it-tħabbira tal-anġlu, Marija kienet diġà mgħarrsa ma’ San Ġużepp. Imma hi ma għarrfitu xejn b’dak li kien seħħ fiha u ħalliet lil Alla jaħdem hu. Meta Ġużeppi ntebaħ li Marija saret omm, hu ħaseb li jitlaqha bil-moħbi, imma l-anġlu tal-Mulej għarraf ukoll lil Ġużeppi li dak li seħħ f’Marija kien sar bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu.” (Mattew 1:18). L-anġlu qallu wkoll li hu kellu jagħtih l-isem ta’ Ġesù. Imbagħad Ġużeppi ħa għandu lil Marija.

San Ġużepp assista lill-Madonna fit-twelid ta’ Binha. Tmint ijiem wara, ħa ħsieb li t-Tifel ikun ċirkonċiż, u semmieh Ġesù kif kien amarlu l-anġlu. Erbgħin jum wara t-twelid tat-Tarbija, mar fit-tempju ta’ Ġerusalemm flimkien mal-Madonna, biex jippreżentaw lit-Tarbija lil Alla, skont il-Liġi ta’ Mosè.

Xhur sew wara, fuq twissija mill-anġlu, ħa ’l Marija u ’l Ġesù u telaq bihom minn Betlem lejn l-Eġittu fejn baqa’ sakemm miet is-Sultan Erodi li ried joqtol lit-tarbija Ġesù.

Meta darba Ġesù, tifel ta’ tnax-il sena, intilef, San Ġużepp baqa’ ma’ Marija jfittxuh sakemm sabuh. Bla dubju San Ġużepp miet qabel il-passjoni ta’ Ġesù, għax kieku Ġesù ma kienx ser jafda lil ommu f’idejn San Ġwann.

B’misteru tal-providenza d-devozzjoni lejn San Ġużepp ma xterditx kmieni fil-Knisja, iżda kienet riservata għal żmienna, għalkemm ħafna qaddisin, bħal San Bernard ta’ Clairvaux, faħħru l-virtujiet u l-privileġġi tiegħu. Fis-seklu ħmistax il-Franġiskan San Bernardinu ta’ Siena xerred il-qima lejh, iżda kienet Santa Tereża ta’ Avila li għamlitu popolari billi kitbet fuqu fl-awtobijografija tagħha: “Lill-qaddisin oħra, Alla tahom il-grazzja li jgħinu lill-bnedmin f’xi ħtieġa speċjali, iżda lil dan il-qaddis glorjuż, jien naf b’esperjenza, Alla tah il-grazzja li jgħinna f’kollox.”

Il-Papa Ġwanni XXIII daħħal l-isem ta’ San Ġużepp fil-Kanoni Ruman, poġġa l-Konċilju Vatikan II taħt il-patroċinju tiegħu u qal: “San Ġużepp jgħallimna nobdu, inżommu s-silenzju, nitkellmu meta jinħtieġ, b’moderazzjoni u ħlewwa.”

Fi żmienna d-devozzjoni lejn dan il-qaddis hi mxerrda ħafna, anki fostna. F’Malta d-devozzjoni lejh inbdiet fir-Rabat fejn hemm l-arċikonfraternità ddedikata lil dan il-qaddis kbir. San Ġużepp hu l-patrun tal-Knisja Kattolika u ta’ diversi pajjiżi u organizzazzjonijiet. B’mod speċjali hu protettur tal-ħaddiema.

Jidher ċar li miet qabel ma Ġesù ta bidu għall-ħajja tiegħu pubblika, bla dubju ta’ xejn assistit minn Ġesù u minn Marija. U għalhekk il-Knisja għarfitu bħala protettur tal-agonizzanti u tal-moribondi. Il-qima lejh hija ferm qadima fil-Lvant, speċjalment fl-Eġittu. Imma fil-Punent l-ewwel knisja ddedikata lilu nbniet f’Bolonja, fis-sena 1129, waqt li kien il-papa Franġiskan Konventwal li daħħal il-festa tiegħu fil-Kalendarju Universali fl-1474. Fl-aħħarnett, il-Beatu Papa Piju IX, nhar it-8 ta’ Diċembru, 1870, ħatru bħala l-Patrun Universali tal-Knisja kollha.

Il-Papa Leone XIII mar joħroġ enċiklika l-aktar sabiħa dwaru fl-1893. Il-Papa Piju XII fl-1955, waqqaf il-festa tiegħu ta’ “San Ġużepp Ħaddiem” għall-1 ta’ Mejju, bħala l-patrun u l-mudell tal-ħaddiema. Famuż fost tant knejjes ta’ San Ġużepp, is-Santwarju tiegħu f’Montreal fil-Kanada, imwaqqaf minn Sant’Andrè Bessette, li kien Brother Kanadiż tas-Salib Imqaddes, biex jagħti qima lill-qaddis bħala l-patrun speċjali tal-Kanada.

U naturalment jeżistu diversi kongregazzjonijiet ta’ patrijiet u ta’ sorijiet iddedikati lill-Patrijarka ta’ Nazaret, fosthom il-Patrijiet Ġużeppini ta’ San Leonardu Murialdo u s-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni ta’ Sant’Emilja De Vialar (li ġiet Malta fl-1842).

U ma ninsewx il-qaddisin ta’ ordnijiet reliġjużi oħra, li tant xerrdu d-devozzjoni lejn San Ġużepp, bħall-Benedittini, Ċisterċensi, San Bernard, id-Dumnikan San Vinċenz Ferreri, il-Franġiskan San Bernardinu ta’ Siena, il-Karmelitana Santa Tereża ta’ Ġesù u San Luiġi Guanella, li waqqaf is-santwarju ta’ ‘San Giuseppe al Trionfal’ ġewwa Ruma. Anki l-Beatu Nazju Falzon kien devot kbir ta’ San Ġużepp.

San Ġwann Battista De La Salle għażlu bħala l-patrun speċjali tal-istitut tiegħu, u ħalla bil-miktub li l-Brothers jitħeġġu biex inisslu fit-tfal, devozzjoni dejjiema lejn San Ġużepp mudell tal-missirijiet. Filwaqt li San Ġużepp huwa l-mudell perfett ta’ dawk li huma responsabbli tal-edukazzjoni tat-tfal. San Ġwann Battista De La Salle ried li l-Brothers kuljum jgħidu l-Litanija ta’ San Ġużepp.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi ta’ San Bernardinu ta’ Siena, saċerdot, dwar San Ġużepp, bit-titlu ‘Missier putattiv u għassies fidil’

“Kull darba li Alla jagħti grazzja speċjali lil xi anġlu jew bniedem, huwa jimxi skont regola ġenerali, li hija din: li meta hu jogħġbu jagħżel lil xi ħadd għal dik il-grazzja speċjali, jew għal xi stat għoli, huwa jagħti l-kariżmi kollha meħtieġa u li l-iżjed jixirqu lil dik il-persuna magħżula u lill-uffiċċju tagħha.

Dan tabilħaqq ġara l-iżjed f’San Ġużepp, il-missier putattiv ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-għarus veru tas-Sultana tad-dinja u Sidt l-anġli. Il-Missier etern għażlu biex ikun missier putattiv u għassies fidil li jieħu ħsieb l-aqwa fost it-teżori tiegħu, jiġifieri Ibnu u l-Għarusa tiegħu: u hu qeda dan l-uffiċċju b’fedeltà mill-akbar. Għalhekk qallu l-Mulej: Qaddej tajjeb u fidil, idħol fl-hena ta’ Sidek.

Jekk inti xxebbaħ lil Ġużeppi mal-Knisja kollha ta’ Kristu, forsi hu m’huwiex dak ir-raġel magħżul u speċjali li, bih u taħtu, Kristu daħal fid-dinja b’mod xieraq u kif imiss? Jekk mela l-Knisja Mqaddsa kollha hija midjuna lejn l-Omm Verġni, għax permezz tagħha stħaqqilha tilqa’ lil Kristu, żgur li, wara Marija, hija għandha trodd ħajr u tagħti ġieħ speċjali lil Ġużeppi.

Permezz ta’ Ġużeppi ngħalaq it-testment il-qadim, hekk li l-ġieħ tal-patrijarki u l-profeti kiseb il-frott imwiegħed. Għax tassew, hu waħdu ħa fil-ġisem lil dak li Alla kien wiegħed lilhom.

Meta kien fid-dinja, Kristu ta lil Ġużeppi dik l-imħabba, il-qima u l-ogħla ġieħ li iben jista’ jagħti lil missieru. Għalhekk ma hemm ebda dubju li issa fis-sema wkoll jagħtih din ix-xhieda, anzi jkattarhielu sal-milja kollha tagħha.

Mela mhux ta’ xejn li l-Mulej jgħidlu: Idħol fl-hena ta’ Sidek. Għalkemm l-hena tal-ħajja ta’ dejjem jidħol fil-qalb tal-bniedem u jimlieha, iżda l-Mulej aktar għażel li jgħidlu: Idħol fl-hena, biex donnu jfissirlu b’mod mistiku li dan l-hena mhux biss jinsab ġewwa fih, imma qiegħed idawwru minn kullimkien u jixorbu fih, u jgħattih kollu kemm hu qisu baħar bla qjies.

Mela ftakar fina, o mqaddes Ġużeppi, u, bl-għajnuna tat-talb tiegħek, idħol għalina quddiem l-Iben putattiv tiegħek; iżda xerred ukoll fuqna t-tjieba tal-Verġni mqaddsa, għarusa tiegħek, l-Omm ta’ Kristu”.

San Ġużepp hu l-qaddis tas-skiet: ħaġa li ma tantx tmur tajjeb għal żminijietna, għall-ħajja mgħaġġla u mqallba tagħna. Hu l-qaddis tas-skiet u xempju għal ħafna; il-patrun tal-ħajja interjuri, il-ħajja tar-ruħ magħquda ma’ Alla fil-qadi ta’ dmirijietna ta’ kuljum.

  • U int, kemm tgħożż is-skiet li jgħinek tingħaqad ma’ Alla fit-talb, tirrifletti fuq l-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin u taqdi d-doveri tiegħek bla ftaħir u b’mod umli?
  • Tagħraf li int ukoll imsejjaħ biex tieħu ħsieb ta’ Ġesù u Marija, billi tgħix ta’ persuna ġusta fis-saltna tagħhom tad-Dawl u l-Ġustizzja?
  • Kif qed tgħin biex issaħħaħ u tipproteġi l-fidi Nisranija mill-Erodjani ta’ żminijietna?
  • Qiegħed tirsisti almenu bit-talb, biex dawk l-Insara li tbegħdu mill-Knisja jerġgħu jinstabu Fiha kif Ġużeppi u Marija, wara ħafna taħbit u qsim ta’ qalb, sabu lil Ġesù  fit-tempju?
  • Għandek devozzjoni vera lejn dan il-qaddis kbir? Iddur lejh fit-talb biex hu b’segħtetu jidħol għalik fi ħtiġijietek, l-aktar dawk tar-ruħ?

Talba: O Mqaddes Ġużeppi, fil-hemm li fih ninsabu, lejk nirrikorru u b’tama qawwija nsejħu l-patronċinju tiegħek, wara dak tal-Għarusa Mqaddsa tiegħek.

Mela f’ġieħ dik ir-rabta għażiża ta’ mħabba li biha kont marbut max-xebba bla tebgħa, omm Alla, u f’ġieħ dik l-imħabba ta’ missier li biha ħabbejt lit-tfajjel Ġesù, nitolbuk li tħares ħarsa ħelwa lejn il-wirt għażiż, li Ġesù Kristu rebaħ b’demmu, u bis-setgħa u bil-għajnuna tiegħek tidħol għalina fil-bżonnijiet tagħna.

Kif int, O Ġużeppi, kont taħseb f’din l-art għall-Familja Mqaddsa u tħarisha, hekk ukoll ħu ħsieb tal-familja maħtura ta’ Ġesù Kristu. Eqred minn ġo nofsna, Missier ħanin, din il-pesta ta’ erruri u ta’ ħażen li qegħdin imarrdu d-dinja. Ieqaf magħna mis-smewwiet, f’din il-gwerra li għandna mal-qawwa tad-dlamijiet, o protettur qawwi tagħna. U kif darba ħlist mill-mewt lill-Bambin Ġesù, hekk issa ddefendi l-Knisja Mqaddsa t’Alla mit-tnassis tal-għedewwa u minn kull hemm.

Xerred dejjem fuq kull wieħed u waħda minna l-patronċinju tiegħek, sabiex bl-eżempju u bil-għajnuna tiegħek, nistgħu ngħixu ħajja qaddisa, nagħmlu mewta tajba, u naqilgħu l-hena ta’ dejjem ġewwa l-ġenna. Ammen. (Talba popolari lil San Ġużepp)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-joseph.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-joseph-husband-of-mary/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Joseph

Film of Saint Joseph:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements