21 ta’ Marzu: Beata Benedetta Frassinello

Verżjoni Vidjo: Beata Benedetta Frassinello

“Ejja, itlaq, ħalli kollox”. ~ Appell urġenti indirizzat direttament lill-Beata Benedetta Frassinello minn naħa tas-Sema, permezz ta’ siltiet bil-Kelma ta’ Alla.

BENEDETTABEATA BENEDETTA FRASSINELLO
Reliġjuża
1791 – 1858

Tagħrif: Benedetta Cambiagio Frassinello twieldet fit-2 ta’ Ottubru, 1791 f’Langasco, fil-Ligurja (l-Italja), ir-raba’ minn ħames ulied ta’ Ġużeppi Cambiagio u Francesca Ghiglione. Kienet familja ta’ bdiewa u ta’ ħajja sempliċi u ta’ fidi ġenwina.

Benedetta kienet ta’ moħħ vivaċi u tħobb taqra ħalli żżid ma’ dak il-ftit li kienet tgħallmet l-iskola.

Wara li Napuljun, fl-1805, għaqqad il-Ligurja ma’ Franza, il-familja marret f’Pavia fejn fetħet ħanut tal-ħaxix fi triq ewlenija. Benedetta nvolviet ruħha sew f’dan il-ħanut li kien maħsub biex jipprovdi l-għajxien tal-familja u tant intilfet f’attività bla waqfien, b’mod li ftit ftit bdiet tħossha sejra lura fil-ħajja spiritwali u ħasset li ma setgħetx tibqa’ sejra hekk.

Hija bdiet tħossha miġbuda lejn Alla permezz tas-siltiet tal-Vanġelu, li hija kienet tgħallmet bl-amment, li bdew jieħdu forma ta’ appell urġenti indirizzat direttament lilha: “Ejja, itlaq, ħalli kollox.” Hija bdiet taffaxina ruħha bil-ħajjiet tal-qaddisin li bdiet taqra dwarhom, li komplew ikabbru fiha x-xewqa tagħha li twieġeb malajr għas-sejħa. Persważa li kienet imsejħa.

Ta’ 20 sena kellha esperjenza mistika, li ħallietha ddedikata għall-ħajja ta’ talb u devozzjoni u għatxana li tagħti ruħha għal ħajja reliġjuża. Imma minħabba x-xewqa tal-familja tagħha żżewġet lil Ġovanni Battista Frassinello. Għexu l-ħajja miżżewġa għal sentejn u mbagħad ftehmu li t-tnejn jidħlu reliġjużi. Ġovanni daħal patri u Beneditta ngħaqdet mal-Ursulini.

Wara perjodu ta’ saħħa fraġli, irritornat Pavia fl-1826. Bdiet taħdem mat-tfajliet tal-post, u bil-għajnuna ta’ żewġha Ġovanni, fetħet skejjel li bdew jikbru u jiffjorixxu. Għad li kienu qed jgħixu fil-kastità, ir-relazzjoni mhux komuni tagħhom bdiet tiġbed l-attenzjoni. Biex ma titfgħax dell ikrah, fl-1838, telqet ix-xogħol f’idejn l-isqof tal-post u marret tgħix fil-kunvent ta’ Ronco Scrivia, fl-Italja stess.

Ma kinitx kuntenta bil-ħajja maqtugħa minn appostolat mal-poplu u għalhekk flimkien ma’ 5 kompanji oħra ddeċidiet li tibda mill-ġdid. Waqqfet il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Benedittini tal-Providenza, b’dedikazzjoni għat-tagħlim. Fetħet skola oħra u qattgħet il-bqija ta’ ħajjitha f’dan is-servizz, f’devozzjoni u talb.

Fil-21 ta’ Marzu, 1858, mietet mewta naturali f’Ronco Scrivia. Ġiet ibbeatifikatha fl-10 ta’ Mejju, 1987 mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II. Fid-19 ta’ Mejju, 2002, l-istess Papa kkanonizzaha.

Ħsieb: Kemm hu importanti t-tagħlim! Kemm qaddisin, inkluż din tal-lum, irsistew biex jiftħu skejjel għall-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ! Kemm hu importanti li naraw x’tip ta’ tagħlim qed ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada u b’liema mod qed nitrażmettu l-eżempji konkreti tal-ħajja li nixtiequ li wliedna jgħixu meta jaslu fl-eta’ tal-maturità?

Dan hu diskors minn omelija tal‑Ħamis 21 ta’ April, 2016, tal‑Arċisqof Charles J. Scicluna dwar l-Edukazzjoni u l-Iskejjel f’għeluq ix-xahar mill-mewt tal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca:

“Id-dmir tal-edukazzjoni, ir-rwol tal-familja imma wkoll ir-rwol tal-għalliema hu li jagħtu formazzjoni ħolistika, formazzjoni li tkun mhux biss kontenut imma il-bini tal-karattru. “Huma jagħrfu” kien jgħid l-Arċisqof Mercieca fuq l-għalliema Maltin, “li s-servizz li jagħtu l-għalliema fl-iskejjel huwa appostolat awtentiku li jaqbel u huwa meħtieġ ħafna fi żmienna. Agħrfu wkoll l-għalliema tagħna li dan huwa servizz li jrid jingħata lis-soċjetà tant li l-funzjoni tal-iskola fis-soċjetà ħadd u xejn ma jista’ joħdilha postha jew jagħmilha hu. Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II: ‘L-għalliema huma strument prezzjuż biex filwaqt li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-fakultajiet intellettwali u l-kapaċità ta’ ġudizzju, jgħinu ħafna biex fid-dar u ż-żgħażagħ iġibu ’l quddiem is-sens tal-valuri’”. Dawn huwa kliem prezzjużi u attwali ħafna.

L-istudenti li qegħdin joħorġu mill-iskejjel primarji, sekondarji, post-sekondajri, mill-Università, qed ikollhom dan l-iżvilupp tal-fakultà intellettwali u l-kapaċità ta’ ġudizzju li inti tagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, li inti tagħraf l-ingann, li inti tagħraf in-nofs veritajiet? Għandhom sens tal-valuri?

Jiena nixtieq nirringrazzja l-ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ għalliema, ta’ professuri, ta’ edukaturi, talli huma u jgħallmu l-kontenut qed jgħaddu wkoll il-valur. L-ewwel pedament huwa l-edukazzjoni li jridu jagħtu l-ġenituri flimkien, l-ommijiet u l-missirijiet b’mod speċjali meta huma żgħar, imbagħad jidħol ukoll fl-iskola.

Ikompli Mons. Mercieca: “L-iskejjel imbagħad iridu joffru kontinwità mal-ħidma tal-ġenituri fil-formazzjoni tal-ulied. Din il-kontinwazzjoni trid tkun mibnija fuq saqajn sodi, irridu nżommu quddiem għajnejna li l-edukazzjoni trid taħseb għall-formazzjoni tal-bniedem sħiħ. Dan ifisser li t-tagħlim tar-reliġjon għandu jingħata attenzjoni u importanza sħiħa”.

Mons. Mercieca kien jgħid ukoll li, “It-tagħlim li t-tfal jirċievu fil-klassijiet tal-katekiżmu fil-parroċċi u oqsma oħra tal-Knisja, għandu jkun għalina bħala tisħiħ mhux sostitut tal-formazzjoni li l-ulied jirċievu mingħand il-ġenituri tagħhom fi ħdan il-familja u fl-iskejjel”.  

  • U int, kemm qed trawwem lil dawk l-aktar qrib tiegħek, uliedek jew membri tal-familja tiegħek, fit-tagħlim veru li jibni l-bniedem b’mod sħiħ?
  • Kemm qed tgħin fil-Katekiżmu, fid-Duttrina, fl-Laqgħat ta’ Formazzjoni, forsi anki billi tattendi għalihom jew tħeġġeġ lil min jattendi?
  • Kemm qed twassal bil-kliem u bl-għemil it-Tagħlim tal-Verità li għaddielna Kristu u l-Appostli warajH permezz tal-Knisja lil kull min għadu fid-dlam tal-injoranza jew fid-dlam għax ‘il bogħod minn Alla?

Talba: Mulej, Int urejt lill-Beata Benedetta Frassinello l-importanza tat-tagħlim lit-tfal u liż-żgħażagħ biex dawn jitilgħu ċittadini tajbin kemm ta’ din id-dinja, kif ukoll tas-Sema, agħti lill-ġenituri, dawk li għandhom f’idejhom l-formazzjoni tat-tfal, l-għalliema u l-katekisti kollha, dak il-għerf meħtieġ biex iwasslu t-Tagħlim vera u l-valuri Nsara li ma jinbidlux maż-żmien, f’dinja li kontinwament tinbidel. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/saint-benedicta-cambiagio-frassinello/

Alternative Reading: https://www.corrispondenzaromana.it/santo-del-giorno/santa-benedetta-cambiagio-frassinello-religiosa/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benedetta_Cambiagio_Frassinello

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.