23 ta’ Marzu: San Turibju ta’ Mongrovejo

Verżjoni Vidjo: San Turibju ta’ Mongrovejo

“Iż-żmien mhux tagħna. Għandna nagħtu kont tiegħu bir-reqqa”. San Turibju ta’ Mongrovejo

Santo_ToribioSAN TURIBJU TA’ MONGROVEJO
Isqof
1538 – 1606

Tagħrif: San Turibju twieled f’Majorga, Spanja, fl-1538, minn familja nobbli, u kellu edukazzjoni soda. Studja fl-Universita’ ta’ Salamanka, u baqa’ sakemm laħaq professur tal-liġi.

Fl-1575, ir-Re Filippu II, ħatru Prim Imħallef fil-qorti ta’ l-Inkwiżizzjoni ta’ Granada u Gran Inkwiżitur ta’ Spanja.

Fl-1580, meta l-Arċidjoċesi ta’ Lima sfat battala, ġie deċiż li Turibju li kien bniedem ta’ karattru sod u ta’ ħajja edifikanti, kien l-iktar persuna addattata biex timla l-post. Għalhekk, għalkemm kien lajk, u kontra x-xewqa tiegħu, ġie magħżul biex ikun l-Arċisqof tad-djoċesi ta’ Lima li kienet tinfirex fuq medda ta’ 640 km fuq il-kosta tal-Peru li kien taħt il-ħakma tal-Ispanjoli. Hekk ġie ordnat saċerdot u kkonsagrat Isqof, u fl-1581 mar il-Peru u beda l-ħidma tiegħu ta’ Arċisqof ta’ Lima.

Sa mill-bidu nett, l-Arċisqof Turibju ikkonfronta lill-Ispanjoli li kienu qed jimmaltrattaw lill-Peruvjani, u beda jaħdem bla serħan fost in-nies tiegħu li fil-maġġoranza tagħhom kienu foqra u għadhom lura. Huwa tgħallem il-lingwa tagħhom, u beda jżur kull rokna tad-Djoċesi, jitkellem ma’ kullħadd, jikkonverti u jgħammed ħafna minnhom.

Fil-25 sena li dam Arċisqof, waqqaf ħafna knejjes, monasteri u sptarijiet, u fl-1591, bena l-ewwel Seminarju fil-kontinent Amerikan, f’Lima. Jgħidu li San Turibju għamel il-Griżma tal-Isqof lil Santa Roża ta’ Lima, lil San Martin ta’ Porres, lil San Ġwann Massias u lil San Franġisk Solano.

Turibju baqa’ jaħdem sa mewtu li ġrat fl-eta’ ta’ 68 sena fit-Tramuntana ta’ Lima waqt li kien jagħmel żjara pastorali. Kien t-23 ta’ Marzu tal-1606. Kien ddikjarat qaddis fl-1726.

Ħsieb: San Turibju tant kien igawdi fama tajba li ntbagħat biex isib rimedju għall-iskandli tal-kleru u tal-lajċi li kienu jfixklu l-konverżjoni tal-Perú. Hu ma riedx jaċċetta dik il-kariga: difatti hu kkwota l-kanoni kollha li kienu jipprojbixxu l-għoti ta’ dinjitajiet ekkleżjastiċi lil-lajċi, imma kien kollu ta’ xejn. Turibju kien ordnat saċerdot u isqof u mibgħut il-Perú fejn sab il-kolonjaliżmu fl-agħar forma tiegħu.

Għal 25 sena li ġew wara, Turibju ddedika l-enerġija kollha tiegħu għas-servizz tal-merħla tiegħu. Hu kien min-naħa għall-oħra jivjaġġa d-djoċesi kollha tiegħu bil-mixi, jesponi lilu nnifsu għall-klima taħraq (tikwi), annimali selvaġġi, mard tropikali, u perikli oħra biex jirriforma l-kleru u jgħallem il-poplu fil-fidi.

L-isforzi tiegħu għall-Knisja u għall-foqra kienu spiss jiġu mgħawġin min-nies fis-setgħa, iżda s-sodizza u l-paċenzja tal-qaddis kienu fl-aħħar jirbħu.

Il-Mulej tabilħaqq jikteb dritt fuq il-linji mgħawwġin li ħafna drabi nagħmlulu aħna l-bnedmin. Minkejja li kontra qalbu, Turibju sar ragħaj Nisrani għal ħafna nies foqra u oppressi. Alla tah ir-rigal li jħobb lill-oħrajn bil-mod kif kien jeħtieġu. Imma din m’hiex biss l-esperjenza ta’ Turibju. Lilna wkoll il-Mulej jagħtina kontinwament ir-rigal tal-preżenza tal-oħrajn fil-ħajja tagħna u, minkejja li bħal San Turibju ta’ Mongrovejo, nippruvaw inġibu diversi skużi, xorta jibqa’ l-fatt li aħna l-insara msejħa biex inkunu ta’ dawl għal ħaddieħor.

Ħafna drabi fil-ħajja tagħna nħossuna li m’aħna kapaċi għal xejn. Minkejja li nippruvaw u nixtiequ ngħixu ħajja tajba, xorta naqgħu; bid-dnubiet, b’attitudnijiet, bil-kliem li ngħidu… IMMA Ġesu’ għandu fiduċja fina u rridu nħalluh jaħkimna. Ħalli lil Ġesu’ jirkeb miegħek fid-dgħajsa tiegħek; fil-ħajja tiegħek li hija mimlija.

Li tkun nisrani mhux lussu u privileġġ (Papa Franġisku). Li tkun nisrani mhux kumdita’ (Madre Tereża). Li tkun nisrani mhux faċli. Hawn min qed jgħix il-Kristjaneżmu mhux biss fil-kumdita’ imma f’apatija. Importanti li nqumu fuq saqajna.

  • Inti konvint li fl-ambjent tiegħek sa tħalli ftit togħma u tkun ta’ dawl għall-oħrajn?
  • B’nofs ta’ kelma tista’ tkun ta’ kuraġġ, faraġ u ta’ dawl għal ħaddieħor, imma qed tagħmlu dan jew qed tibqa’ sieket?

Ġesu huwa d-dawl veru li għandu bżonn il-bniedem biex ixerred dan id-Dawl. Fejn qed insibuh u kif qed nużawh dan id-dawl? “Intom” qal Ġesu’; jiġifieri aħna lkoll irridu nkunu dan id-dawl. Meta wieħed jgħix il-fidi, se jkollu d-dubji u t-tentazzjonijiet. Jekk ma nemmnux ma jkollnix, għax kollox jkun qisu xejn m’hu xejn. Kristu tana l-qawwa u ma nistgħux ma nużawhiex.

Irridu nħallu togħma tajba fil-familja, fuq il-post tax-xogħol ..u ma niddejqux ma nibżgħux inqumu kontra l-ħażen. Hekk għamel San Turibju ta’ Mongrovejo u hekk imsejħa biex nagħmlu aħna lkoll li nistqarru li aħna nsara mhux tal-isem biss.

Talba: O Alla, int kabbart il-Knisja tiegħek bil-ħidma appostolika ta’ l-isqof Turibju u bil-ħeġġa tiegħu għall-verita’; agħmel li l-poplu ikkonsagrat lilek jikber dejjem iżjed fil-fidi u l-qdusija. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-turibius-of-mongrovejo.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-turibius-of-mogrovejo/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Turibius_of_Mogrovejo

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements