24 ta’ Marzu: Santa Katerina tal-Isvezja

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina tal-Isvezja

“Kemm dawk li jitkellmu fuq il-proxxmu, kif ukoll dawk li joqogħdu jisimgħu jġorru lix-xitan fuq ilsienhom”. ~ Santa Katerina tal-Isvezja

SANTA CATALINA DE SUECIASANTA KATERINA TAL-ISVEZJA
1331 – 1381

Tagħrif: Twieldet fl-1331 u kienet ir-raba’ bint ta’ Ulfo, prinċep ta’ Nierck fl-Isvezja, u martu Santa Briġida.

Kienet edukata fl-abbazija ta’ Risberg (fl-Isvezja). Ta’ 13-il sena missierha żewwiġha lil Eggard Lydersson, ta’ nisel ġermaniż, żagħżugħ ta’ reliġjożità kbira li miegħu ftehmet li tgħix fil-kontinenza. Żewġha kien bniedem marradi ħafna, u Katerina daret bih b’dedikazzjoni kbira.

Wara l-mewt ta’ żewġha, Katerina marret Ruma ħdejn ommha fl-1349 u baqgħet takkumpanjaha sakemm mietet 25 sena wara, f’Ruma. L-Omm u l-bint iddedikaw ħajjithom għall-opri tal-karità, f’pellegrinaġġi (żaru anke Ġerusalemm), u biex iġibu ’l quddiem l-ordni tas-Sorijiet tas-Santissimu Sagrament, imwaqqfin minn ommha Briġida u minħabba f’hekk jissejħu wkoll Briġittini.

Wara l-mewt ta’ ommha, fl-1373, Katerina ħadet il-fdal tagħha lura f’pajjiżha, u rtirat fl-abbazija ta’ Vadstena, li tiegħu aktar tard saret badessa. Hawn hi kisbet fama ta’ qdusija u ta’ mirakli.

Bejn l-1375 u l-1380, Katerina marret mill-ġdid Ruma. Fl-1379, kisbet l-approvazzjoni għall-Ordni tas-Sorijiet Briġittini u ħabirket ukoll biex ommha tiġi ddikjarata qaddisa.

L-Ordni tas-Sorijiet Briġittini hu affiljat mal-Ordni Agostinjan, u għandu bħala skop prinċipali x-xogħol letterarju, speċjalment bit-traduzzjoni ta’ xogħlijiet reliġjużi.

Santa Katerina tal-Isvezja mietet fl-abbazija ta’ Vadstena fl-24 ta’ Marzu tal-1381, fl-età ta’ 50 sena. Il-kult lejha kien approvat mill-Papa Innoċenzju VIII, fl-1474.

Ħsieb: Jingħad li Santa Katerina tal-Isvezja qatt ma qalet kelma li tweġġa’ jew ta’ nuqqas ta’ sabar; kienet titlob b’mod speċjali li l-komunità tagħha tkun meħlusa mill-ħsara tad-detrazzjoni (tqasqis fuq il-proxxmu), “għaliex,” kienet tgħid, “kemm dawk li jitkellmu fuq il-proxxmu, kif ukoll dawk li joqogħdu jisimgħu jġorru lix-xitan fuq ilsienhom.”

Kemm hi marda spiritwali kerha din li wieħed jgħid fuq in-nies, li jsib kull tentufa ta’ żball u/jew jiġġudika left, right and centre u kemm niddilettaw biha aħna l-Maltin!! Iva, erħilna nikkritikaw f’kull okkażżjoni – lill-Knisja, lil min ikun imexxi, lil individwi, u dejjem sejrin… Tafu x’għandna nirrealizzaw? Li b’dan l-għajdut kollha, kważi ma jirnexxilna nbiddlu lil ħadd! Għandna ngħidu lilna nfusna: Hemm ħaġa waħda biss li żgur nista’ nibdel: LILI NNIFSI! U hekk għandna nippruvaw nagħmlu, imbagħad f’okkażjonijiet tajba u f’waqthom, nippruvaw niftħu għajnejn l-oħrajn b’mod dirett lilhom u mhux ngħidu fuq persuni minn wara daharhom, bla ma dawn jistgħu jitkellmu għalihom infushom.

Il-Papa Franġisku, fl-Angelus tal-Ħadd, 16 ta’ Frar 2014 jgħid hekk:

“Ġesù kien raġel prattiku; dejjem kien jitkellem bl-eżempji biex in-nies jifhmuh. Isemmi l-ħames kmandament: “Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx’;… Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh” (Mattew 5:21-22). B’dan Ġesù jfakkarna li anke l-kliem jista’ joqtol! Meta ngħidu li xi ħadd għandu lsien ta’ serp, xi jfisser? Ifisser li kliemu joqtol! għalhekk, mhux biss ħadd minna ma għandu jipprova jfittex ħajjet ħaddieħor, imma lanqas ma għandu ħadd iferragħ fuqu l-velenu tar-rabja u jolqtu bil-kalunnji. Lanqas ma għandna nparlaw fuq xulxin.

Ejja ngħidu kelma fuq it-tpaċpiċ żejjed: it-tpaċpiċ żejjed ukoll jista’ joqtol, għax jista’ joqtol il-fama tan-nies! Kemm hu ikrah it-tpaċpiċ żejjed! Fil-bidu jista’ jidher bħala xi ħaġa ta’ gost, li tagħti pjaċir, bħal meta nkunu qed nerdgħu ħelwa. Imma fl-aħħar, il-kliem żejjed jimlielna ‘l qalbna bil-qrusa, u jivvelena lilna wkoll.

Ngħidilkom il-verità, nemmen bis-sħiħ li jekk kull wieħed minna jagħmel sforz biex jiskarta l-kliem żejjed, fl-aħħar jispiċċa jsir qaddis! Hija triq sabiħa din tal-qdusija!

  • Nixtiequ nsiru qaddisin? Iva jew le?
  • Irridu ngħixu ħajjitna marbutin mad-drawwa tat-tpaċpiċ żejjed? Iva jew le?   

Mela ftehmna: Daqshekk paroli żejjed! Lil min jimxi warajh Ġesù jipproponilu l-milja tal-imħabba: imħabba li l-uniku limitu tagħha hu li m’għandhiex limitu, li tmur aktar ‘il hemm milli kull wieħed jista’ jaħseb. Fid-dawl ta’ dan it-tagħlim, hemm bżonn ta’ aktar imħabba, u l-preċetti kollha jingħaqdu fl-akbar kmandament: ħobb lil Alla b’qalbek kollha u ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.

Santa Tereża ta’ Kalkutta kienet tgħid: “Jekk int tiġġudika lin-nies, m’għandekx lok fejn tħobbhom”. Minflok tiġġudikom, Santa Katerina tal-Isvezja kienet titlob għan-nies, b’mod speċjali quddiem Ġesù Sagramentat u ħeġġet lil l-oħrajn biex jagħmlu l-istess. Imma kemm nemmnu tassew li bit-talb in-nies jinbidlu, jew aħjar jirċievu dak id-Dawl Divin li fih jistgħu jagħrfu x’inhu tajjeb jew ħażin? Din mhux kulħadd jifhimha imma biss min għandu fidi kbira: in-nies ta’ l-akbar poter fid-dinja, mhumiex il-gvernijiet u l-mexxejja tal-pajjiżi, imma dawk li fil-kwiet u bl-umiltà kollha jgħixu ħajja ta’ talb, talb ħerqan, talb li ma jaqtax, talb għalihom, talb għall-oħrajn, talb għall-Knisja, talb għad-dinja. Mat-talb, jgħaqqdu wkoll xi penitenzi, sawm u atti ta’ karità lejn il-proxxmu. Dawn u dawn biss ibiddlu l-istorja tad-dinja u jħallu d-dinja aħjar milli sabuha, għax jibdlu l-qlub tan-nies billi jdawwluhom riżultat tat-talb. Int temmnu dan? Tgħixu?

Talba: O Santa Katerina tal-Isvezja, nitolbuk bil-ħerqa biex tinterċedi għas-saċerdoti kollha, għar-reliġjużi u l-lajċi fil-Knisja, sabiex huma, flimkien ma’ bosta oħrajn li Alla għadu jsejjaħ għall-ħajja reliġjuża, saċerdotali u missjunarja, jagħtu lilhom infushom kompletament lil Alla f’ħajja ta’ servizz lill-umanità billi jxerrdu l-fidi f’għaqda waħda flimkien mal-Papa, mingħajr ma jkunu influwenzati mill-ispirtu ta’ sekulariżmu madwarna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-catherine-of-sweden.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-catherine-of-sweden-187

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Vadstena

The Life of Saint Catherine of Sweden on Gloria TV: https://gloria.tv/language/mKn9xGbZekLL1oBdzTvQap3Ku/video/MCtiNuNWMGFM1tB1vW14bdTe8

Saint Catherine of Sweden narrating about her mother Saint Bridget:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.