25 ta’ Marzu: It-Tħabbira tal-Mulej

Verżjoni Vidjo: It-Tħabbira tal-Mulej

Verġni Marija, ilqa’ l-messaġġ li l-Mulej bagħatlek mal-Anġlu tiegħu: inti se tnissel, u ġġib fid-dinja iben li jkun Alla u bniedem. U tkun l-imbierka fost in-nisa kollha. Tiled iben, u xbubitek tibqa’ sħiħa; tnissel fil-ġuf, u ssir omm bla ma tittiefes”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tas-Solennita’ tat-Tħabbira tal-Mulej (Salm 33(34):4; 85(86):13; Luqa 1:48)

anunciationIT-TĦABBIRA TAL-MULEJ

Tagħrif: Disa’ xhur mil-lum ikun il-Milied. F’dan il-jum, il-Knisja tfakkarna meta l-Mulej Alla permezz tal-Arkanġlu Gabrijel stieden lill-Madonna biex issir Omm il-Messija, u hi aċċettat. F’dak il-mument, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, tnissel fiha Ġesù. Għalhekk nistgħu ngħidu li llum qed niċċelebraw żewġ festi; it-tħabbira tal-maternita’ tal-Madonna, u l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla.

Din il-ġrajja nsibuha rrakkontata tajjeb ferm fil-Vanġelu: “Fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabriel f’belt tal-Galilija, jisimha Nażaret, għand xebba mgħarrsa ma raġel, jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba jiena verġni?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dawl tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha”. (Luqa 1:26-38).

Ir-rakkont kif jagħtihulna l-Evanġelista kien suġġett ta’ ħafna studju mit-teoloġi mhux biss għar-rigward ta’ Kristu, imma wkoll għar-rigward ta’ Marija li Alla għażilha biex tkun omm ibnu magħmul bniedem.

Il-festa tat-tħabbira tal-Mulej bdiet issir f’Kostantinopli għall-ħabta tas-sena 430, u sas-seklu VIII saret universali wkoll fil-Punent. Fir-riforma tal-Liturġija li seħħet wara l-Konċilju Vatikan II, il-festa, li qabel kienet festa Marjana u konna nsejħulha, it-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija, jew ukoll bħala l-Lunzjata, ġiet imsejħa t-Tħabbira tal-Mulej u għalhekk hija festa ta’ Kristu.

F’Malta, il-parroċċi ta’ Ħal Tarxien u dik ta’ Ħal Balzan huma ddedikati lil-Lunzjata, kif ukoll il-knisja tad-Dumnikani fil-Birgu.

Tajjeb infakkru li l-Madonna għażlet din il-festa għażiża biex f’Lourdes tgħarraf lil Santa Bernardina Soubirous min kienet. Difatti kien bħal-lum 25 ta’ Marzu 1858, meta l-Madonna, għall-mistoqsija ta’ Bernardina min kienet u li kienet għamlithiela diversi drabi qabel, għalqet idejha palma ma’ palma u qaltilha: “Jiena l-Kunċizzjoni Immakulata”. Id-domma dwar it-tnissil bla tebgħa ta’ Marija kienet ġiet promulgata solennement mill-Papa B. Piju IX, ftit aktar minn tliet snin qabel.

Nota: Meta l-25 ta’ Marzu taħbat f’xi Ħadd tar-Randan, allura ssir l-għada t-Tnejn, u jekk taħbat fil-Ġimgħa Mqaddsa, allura ssir it-Tnejn fuq l-Ottava tal-Għid.

ĦsiebFl-omelija tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2017, il-Papa Franġisku jgħid dan li ġej:

“Alla nnifsu hu Dak li jieħu l-inizjattiva u jagħżel li jidħol, kif għamel ma’ Marija, fid-djar tagħna, fit-taqbidiet tagħna ta’ kuljum, mimlija ansjetajiet u xewqat. U hu proprju fil-bliet tagħna, fl-iskejjel u l-universitajiet tagħna, fil-pjazez u fl-isptarijiet tagħna li sseħħ l-isbaħ tħabbira li nistgħu nisimgħu: “Ifraħ, il-Mulej miegħek!”. Ferħ li jnissel il-ħajja, li jnissel it-tama, li jitlaħħam fil-mod kif inħarsu lejn il-futur, fl-imġiba li biha nħarsu lejn l-oħrajn. Ferħ li jsir solidarjetà, ospitalità, ħniena lejn kulħadd.

Bħal Marija, aħna wkoll nistgħu nitħawdu. “Kif iseħħ dan” fi żminijiet hekk mimlija bl-ispekulazzjoni? Nispekulaw fuq il-ħajja, fuq ix-xogħol, fuq il-familja. Nispekulaw fuq il-foqra u fuq l-immigranti; nispekulaw fuq iż-żgħażagħ u fuq il-futur tagħhom. Kollox donnu jirriduċi ruħu għal ċifri, waqt li, mill-bqija, il-ħajja ta’ kuljum ta’ tant familji tispiċċa tiċċappas mill-prekarjetà u n-nuqqas ta’ sigurtà. Waqt li t-tbatija tħabbat fuq ħafna bibien, waqt li f’tant żgħażagħ jiżdied in-nuqqas ta’ sodisfazzjon minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet veri, l-ispekulazzjoni toktor kullimkien.

Ċertament, ir-ritmu frenetiku li spiċċajna fih donnu qed jisirqilna t-tama u l-ferħ. Il-pressjonijiet u n-nuqqas ta’ saħħa quddiem tant sitwazzjonijiet donnhom iridu jnixxfulna ruħna u jġibuna insensibbli quddiem l-għadd ta’ sfidi. U paradossalment meta kollox irid jgħaġġel jibni – fit-teorija – soċjetà aħjar, fl-aħħar ma nibqgħu nsibu ħin għal xejn u għal ħadd. Nitilfu l-ħin għall-familja, il-ħin għall-komunità, nitilfu l-ħin għall-ħbiberija, għas-solidarjetà u għall-memorja.

Nagħmlu sew jekk nistaqsu lilna nfusna:

  • Kif nistgħu ngħixu l-ferħ tal-Vanġelu llum fl-ibliet tagħna?
  • Hi possibbli t-tama Nisranija f’din is-sitwazzjoni, hawn u issa?

Dawn iż-żewġ mistoqsijiet imissu l-identità tagħna, il-ħajja tal-familji tagħna, tal-irħula u l-ibliet tagħna. Imissu l-ħajja ta’ wliedna, taż-żgħażagħ tagħna u jitolbu minna mod ġdid ta’ kif inqiegħdu ruħna fl-istorja. Jekk il-ferħ u t-tama Nisranija għadhom possibbli, quddiem tant sitwazzjonijiet ta’ tbatija ma nistgħux, ma rridux nibqgħu biss bħal spettaturi li jħarsu lejn is-sema jistennew “ix-xita tieqaf”. Dak kollu li jseħħ madwarna jitlob minna li nħarsu lejn il-preżent bil-kuraġġ, bil-kuraġġ ta’ min jaf li l-ferħ tas-salvazzjoni jissawwar fil-ħajja ta’ kuljum tad-dar ta’ żagħżugħa minn Nazareth.

Quddiem Marija li titħawwad, quddiem it-taħwid li nħossu wkoll f’qalbna, tlieta huma l-imfietaħ li l-Anġlu qed joffrilna biex jgħinna naċċettaw il-missjoni li tiġi fdata lilna.

1. Nevokaw il-Memorja

L-ewwel ħaġa li l-Anġlu jevoka hi l-memorja, u hekk jiftaħ il-preżent ta’ Marija għall-istorja kollha tas-Salvazzjoni. Jevoka l-wegħda magħmula lil David bħala frott tal-patt ma’ Ġakobb. Marija hi bint il-Patt. Anki aħna llum imsejħin nagħmlu memorja, inħarsu lejn l-imgħoddi tagħna biex ma ninsewx mnejn ġejjin. Biex ma ninsewx lil missirijietna, in-nanniet tagħna u dak kollu li għaddew minnu biex wasalna fejn aħna llum. Din l-art u n-nies tagħha daqu x’inhi t-tbatija taż-żewġ gwerer dinjija; u daqshekk ieħor raw il-fama meritata tagħhom ta’ xogħol u ċiviltà mniġġsa minn ambizzjonijiet diżordinati. Il-memorja tgħinna ma nibqgħux ilsiera ta’ diskorsi li jiżirgħu t-tifrik u l-firdiet bħala l-uniku mod kif jissewwa l-ġlied. L-evokazzjoni tal-memorja hi l-aħjar antidotu li għandna f’idejna quddiem is-soluzzjonijiet maġiċi tal-firda u tal-aljenazzjoni.

2. L-appartenenza għall-Poplu ta’ Alla

Grazzi għall-memorja Marija tista’ tagħmel tagħha l-appartenenza għall-Poplu ta’ Alla. Tfakkarna tajjeb li aħna membri tal-Poplu ta’ Alla! Milaniżi, iva, Ambrosjani, daż-żgur, imma parti mill-Poplu kbir ta’ Alla. Poplu msawwar minn elf wiċċ, storja u provenjenza, poplu multikulturali u multietniku. Dan hu għana kbir li għandna. Hu poplu msejjaħ jilqa’ d-differenzi, jintegrahom b’rispett u kreattività, u jiċċelebra l-ġdid li jiġi mill-oħrajn; hu poplu li ma jibżax iħaddan il-konfini, il-fruntieri; hu poplu li ma jibżax jilqa’ lil min għandu bżonn, għax jaf li hemm hu preżenti l-Mulej tiegħu.

3. Il-possibbiltà tal-impossibbli

“Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37): hekk tintemm it-tweġiba tal-Anġlu lil Marija. Meta nemmnu li kollox jiddipendi esklussivament minna nibqgħu lsiera tal-ħiliet tagħna, tas-saħħa tagħna, tal-ixfqa limitati tagħna. Imma meta nħallu lil min jgħinna, lil min jagħtina parir, meta ninfetħu għall-grazzja, donnu l-impossibbli jibda jsir realtà. Dan jafuh sew dawn l-artijiet li, matul l-istorja tagħhom, nisslu tant kariżmi, tant missjunarji, tant għana għall-ħajja tal-Knisja! Tant uċuħ li għelbu l-pessimiżmu sterili u li jifred biex infetħu għall-inizjattiva ta’ Alla u saru sinjal ta’ kemm tista’ tkun għammiela art li ma tingħalaqx fl-ideat tagħha, fil-limiti tagħha u fil-ħiliet tagħha, imma tinfetaħ għall-oħrajn.

Bħalma għamel qabel, Alla jibqa’ jfittex alleati, jibqa’ jfittex irġiel u nisa li għandhom il-ħila jemmnu, il-ħila li jagħmlu memorja, li jħossuhom parti mill-poplu tiegħu biex jikkoperaw mal-kreattività tal-Ispirtu. Alla jissokta jimxi fl-ibliet u t-toroq tagħna, imur f’kull post ifittex qlub li lesti jagħrfu l-istedina tiegħu u jlaħħmuh fl-hawn u l-issa. Nistgħu niġbru x’qal San Ambroġ fil-kummentarju tiegħu għal din is-silta u ngħidu: Alla għadu jfittex qlub bħal dik ta’ Marija, li lesti jemmnu mqar f’kundizzjonijiet għalkollox straordinarji (ara Espożizzjoni tal-Vanġelu skont Luqa II, 17: PL 15, 1559). Ħa jkabbar fina l-Mulej din il-fidi u din it-tama”.

Talba: L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija,
u hija saret Omm mill-Ispirtu s-Santu.
Sliema …
Hawn hi l-Qaddejja tal-Mulej,
ikun minni skont kelmtek.
Sliema …
U l-Iben t’Alla sar bniedem,
u għammar fostna.
Sliema …
Itlob għalina qaddisa omm Alla
biex ikun jistħoqqilna dak li wegħedna Kristu.

Xerred Mulej, fi qlubna l-grazzja tiegħeK,
biex aħna li bit-tħabbira tal-Anġlu,
għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem,
bil-passjoni u s-salib tiegħu, naslu għas-sebħ tal-qawmien,
bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/annunciation-of-lord.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/annunciation-of-the-lord/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Annunciation

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements