28 ta’ Marzu: San Gontran

Verżjoni Vidjo: San Gontran

“L-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet”. ~  1Pietru 4:8

gontranSAN GONTRAN
Re
ċ.525 – 592

Tagħrif: San Gontran kien iben ir-Re tal-Franki Klotarju I. Huwa laħaq re tal-Burgandija u parti mill-Acquitaine mal-mewt ta’ missieru li seħħet fil-561 sakemm miet 31 sena wara.

Kulma nafu dwar San Gontran ġej mill-kitba ta’ San Girgor ta’ Tours (c. 538-596), li għex fl-istess żmien u li kiteb l-istorja tal-Franki.

Kien hemm żmien fil-ħajja ta’ Gontran meta ma tantx kien jagħtik impressjoni ta’ bniedem qaddis, u difatti waqa’ fi ħtijiet gravi li jkollna ngħidu wkoll kienu effett taż-żmien li fih għex. Hu keċċa lil martu u reġa’ żżewweġ oħra bix-xewqa li jkollu nisel li jieħu s-saltna warajh. Ordna l-qtil ukoll, bla ma qagħad jaħsibha sewwa, tat-tabib li ma rnexxilux ifejjaq mara oħra tiegħu.

Imma Gontran għaraf dawn l-iżbalji tiegħu u patta għalihom il-bqija ta’ ħajtu permezz tal-karitajiet u mħabba lejn ir-reliġjon. Hu inkoraġġixxa biex isiru tliet sinodi (laqgħat ta’ isqfijiet) biex iġib ’il quddiem id-dixxiplina tal-kleru, għana diversi knejjes u monasteri, u mexxa b’ġustizzja s-sudditi tiegħu.

Meta l-artijiet tiegħu kienu maħkuma minn marda tittieħed msejħa “nar ta’ San Anton” li filġet il-poplu tiegħu, hu ried li jieħdu ħsieb is-sudditi l-aktar batuti, u offra lilu nnifsu vittma lill-ġustizzja divina għall-ġid tal-poplu tiegħu.

Miet fil-592, fl-età ta’ madwar 67 sena.

Hu kien re maħbub ħafna fost il-poplu tiegħu, li malajr beda jqimu bħala qaddis wara mewtu u ismu sab postu fil-Martiroloġju Ruman (il-ktieb li jiġbor fih l-ismijiet tal-qaddisin meqjuma mill-Knisja) bla ma qatt ġie kkanonizzat formalment.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ kull qaddis/a, anki jekk mhux ikkanonizzati formalment, għandha xi ħaġa x’tgħallimna. Il-ħajja ta’ dan ir-re Gontran, tfakkarna li fil-mixja spiritwali tagħna lejn is-Sema, mhux kif tibda l-importanti, imma kif tispiċċa. Bejn il-bidu u t-tmiem jista’ wkoll ikun hemm waqgħat, fallimenti, żbalji żgħar jew kbar, dispjaċiri, nuqqas ta’ fidi u fiduċja f’Alla. Imma għal Alla li jiswa huwa li nkunu qed nagħmlu ‘ħilitna kollha’ biex ngħixu ħajja li togħġbu. Li kieku kien jaf li wara li nagħtuH ħajjitna u nibdew nimxu warajH, ma konnix ser nerġgħu naqgħu fid-dnub, ma kienx jistabillixxi s-Sagrament tal-Qrar, li huwa wieħed mis-Sagramenti li nistgħu nirċievu għal ħafna drabi tul ħajjitna kollha.

Il-Mulej jogħbod lid-dnub għax ibegħedna minnU imma jħobb lill-midneb li jogħbod lid-dnub, imma jaqa’ fih għax huwa dgħajjef. Il-Mulej, f’kull qrara, jaħfer bil-qalb kollha lil dak il-midneb li tassew jiddispjaċih minn dnubietu u li jmur iqerr bil-fehma li ser jagħmel ħiltu kollha biex ma jidnibx iżjed u biex jevita kull okkażżjoni li tistgħu twaqqgħu fid-dnub. Din l-istorja turina propju dan:

Jingħad li fi Spanja jonoraw kurċifiss bil-driegħ tal-lemin imniżżla ‘l isfel. Taħt din l-immaġni ta’ Ġesù, jum wieħed daħal raġel biex iqerr dnubietu, iżda l-konfessur kien indeċiż jekk jagħtihx l-assoluzzjoni. Huwa mbagħad ħafirlu u żied, “Imma kun attent li ma taqax għal darb’oħra.” Il-penitent wiegħed, iżda kien dgħajjef u waqa ‘.

Imbagħad irritorna lejn il-qassis li laqgħu bi kliem iebes: “Din id-darba jien ma nagħtikx l-assoluzzjoni”. Il-penitent wieġeb, “Meta wegħedt li ma nerġax, kont sinċier, imma jien dgħajjef. Nitolbok agħtini l-maħfra tal-Mulej.” Għal darb’oħra, il-konfessur ħafirlu, imma qallu. “Din hi l-aħħar darba!”.

Xi żmien wara, il-penitent irritorna, iżda l-qassis qallu bi kliem sod, “Inti erġajt waqajt għal darb’oħra f’dan l-istess dnub, l-intenzjoni tiegħek mhux sinċiera.” Ir-raġel wieġeb, “Huwa veru li ta ‘sikwit nerġa’ naqa’, imma għax jiena dgħajjef. Jiena raġel marid, imma l-indiema tiegħi hija sinċiera.” Il-qassis qallu, “Le, m’hemm l-ebda maħfra għalik.” Kien hawn li mill-Kurċifiss instemgħet karba. Kristu deher jaqla’ idu l-leminija, jgħolliha ‘l fuq u jagħmel fuq ras ir-raġel is-sinjal tas-salib li bih tah l-assoluzzjoni għal dnubietu. Fl-istess ħin leħen qal lill-qassis: “Ma kontx int li xerridt id-demm tiegħek għalih!” (Santiago de Compostela, Spanja: https://www.cristianitoday.it/crocifisso-braccio-destro-schiodato/)

Mhux hekk, imma, għal dak il-midneb li għax iħobb id-dnub ma jħobbx lil Alla, ifittex lid-dnub b’qalbu kollha u jekk imur iqerr, jagħmel dan mhux għax verament iddispjaċih u niedem minnu u lanqas bl-intenzjoni li se jagħmel ħiltu kollha biex ma jerġax jaqa’ jew li mhux se jerġa’ jfittex l-okkażżjoni. Dan ma jistax jirċievi l-grazzji tas-Sagrament u ma jistax jogħġob lil Alla, għax l-għażla tiegħu mhix favur Alla, imma favur id-dnub li huwa jħobb. Hu veru li l-bniedem għandu ġibda lejn il-ħażen u jixtiequ, imma min irid jgħix tassew ħajja hienja, għandu jfittex li jaħrab kull okkażżjoni tad-dnub u/jew jikkumbatti bir-rieda tiegħu kollha biex ma jidnibx. Alla jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.

Għandna nfittxu l-għajnuna tat-talb, tal-qari tal-Bibbja, tal-Qrar, tal-Quddies u t-Tqarbin u anki nistgħu insibu għajnuna minn diversi gruppi u għaqdiet kattoliċi. Minflok il-mumenti tad-dnub, għandna nippruvaw nimlew il-ħin tagħna, b’xi passatemp jew b’xi eżerċizzju fiżiku. M’għandnix inħallu lil moħħna jieqaf jaħseb u jfittex l-okkażżjoni tad-dnub. Għandna wkoll induru lejn il-Madonna, li hi l-Omm l-iżjed safja u nitolbuha tieqaf magħna f’dan kollu.

Irridu nibqgħu nissieltu BLA MA NAQTGĦU QALBNA u l-Paċi t’Alla tkun dejjem sehemna għal issa u għal li ġej.

Talba: O Mulej ħanin, Inti tajt il-grazzja tiegħek ta’ ndiema sinċiera u ta’ modi kif tpatti għad-dnubiet lir-re Gontran, Agħti lilna wkoll l-istess grazzja biex ma nitbegħdu qatt mis-Sagrament tal-Qrar u mill-proponiment li kemm nistgħu ma noffenduk qatt iżjed, imma ngħixu ħajja ta’ qdusija li togħġbok. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.catholiclane.com/st-gontran-king/

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-guntramnus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Guntram

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements