29 ta’ Marzu: San Leonardu Murialdo

Verżjoni Vidjo: San Leonardu Murialdo

“Naħdmu u nżommu s-silenzju; Min jumilja ruħu jkun mgħolli.” Dawn iż-żewġ sentenzi, li kienu l-programm ta’ ħajjet San Leonardu Murialdo, huma minquxin fuq qabru.

30-San Leonardo Murialdo-30SAN LEONARDU MURIALDO
Saċerdot
1828 – 1900

Tagħrif: Il-messaġġ tal-ħajja u tal-ħidma ta’ dan il-qaddis hu mill-aktar attwali. Hu għadda ħajtu jiddefendi l-fqir u l-batut, u dan għamlu billi ħa għalih il-kawża tal-ħaddiema li għalihom ħaraq bħal f’sagrifiċċju lill-Ħallieq l-enerġija kollha tiegħu.

Il-ħidma tal-qaddis Murialdo f’appostolat soċjali, bit-tħejjija ta’ żgħażagħ għad-dinja tax-xogħol, bil-kura tal-orfni u tal-abbandunati u bl-interess enormi li wera f’kull aspett tal-ħajja tal-ħaddiema aktar tidher fid-dawl veru tagħha meta wieħed iqis li Leonardo twieled f’familja sinjura u ta’ demm aristokratiku. Kien it-tielet fost disa’ wlied ta’ bankier għani minn Torin.

Ta’ 18-il sena, wara li kien diġà beda jistudja għal inġinier, beda l-kors għal qassis. Kien ta’ intelliġenza mhux komuni. Ordna ftit qabel għalaq it-23 sena. Dun Ġwann Bosco talbu jieħu ħsieb l-Oratorju ta’ San Lwiġi għat-tfal diffiċli ġejjin mis-slums ta’ Torin. Fl-1866 (ta’ 38 sena) ġie inkarigat jieħu ħsieb il-kulleġġ tal-“Artigianelli” li fih kienu jitħarrġu apprentisti żgħażagħ għall-azjendi li bdew jinbtu. Aċċetta proviżorjament, u dam f’dil-kariga 34 sena! Bata, ħadem u ttallab il-karità biex isostni l-kulleġġ u ż-żgħażagħ tiegħu, b’fiduċja kbira fil-Providenza u bil-motto Fare e Tacere –“Agħmel (Aħdem) u iskot” dejjem quddiem għajnejh.

Hu waqqaf il-Kongregazzjoni ta’ San Ġużepp (Patrijiet Ġużeppini) li għadhom sa llum jieħdu ħsieb il-formazzjoni professjonali u reliġjuża tat-tfal. Il-kong., li bdiet f’Torin, xterdet mal-Italja kollha u aktar tard fl-Amerika u nħawi oħra tad-dinja.

San Leonardo Murialdo ntebaħ li kien wasal iż-żmien li l-kattoliċi b’sens għoli ta’ dover u bi dritt bħala ċittadini, jagħtu sehemhom fit-tmexxija tal-pajjiż u fil-ħajja politika tiegħu. Kien devot kbir tal-Ewkaristija, tal-Madonna u ta’ San Ġużepp.

Miet jaħdem sal-aħħar nhar it-30 ta’ Marzu, 1900, fl-età ta’ 71 sena u nofs. Pawlu VI iddikjarah qaddis fit-3 ta’ Mejju, 1968. Fuq qabru hemm minquxin żewġ sentenzi li kienu l-programm ta’ ħajtu: Naħdmu u nżommu s-silenzju; Min jumilja ruħu jkun imgħolli.

Ħsieb: San Leonardu Murialdo kien jgħin b’kull mod li jista’ lil min hu batut, hekk pereżempju ħa d-drawwa li kull filgħaxija jdur il-belt jiġbor il-ħaddiema taċ-ċmieni, idaħħalhom f’daru u jsaħħanhom madwar spiritiera ddaħħan. Ħutu bniet “ittieħdu” mill-imħabba ta’ ħuhom saċerdot u bdew jagħtuh daqqa t’id f’din l-opra, u bdew jaħslu l-ħwejjeġ kollha nugrufun ta’ dawk l-imsejkna.

Dan jurina kemm għandna bżonn insaħħu l-kelma mitkellma bix-xhieda. Il-kliem iqanqal imma l-eżempju jkaxkar. Li kieku San Leonardu Murialdo għallem lil ħaddieħor x’għandu jagħmel biss, kien jolqot lill-intellett, imma x-xhieda tmiss il-qalb. Ix-xhieda għandha qawwa didattika tremenda. Kien għalhekk li ma’ ħafna qaddisin, kienu jingħaqdu ħafna nies biex jgħinu fil-missjoni li l-qaddis/a tkun bdiet. Min ikollu l-gazz jibda, u min jitħajjar u jagħżel li jkompli. U int, f’liema minn dawn il-gruppi qiegħed/qegħda?

Fi Ġwanni 21:15-17, insibu dan li ġej: “Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi.” Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.” Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, ‘Tħobbni?’ u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.” Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”

‘Tħobbni int?’
Il-kelmiet ta’ Ġesù lil Pietru jgħoddu għal kull wieħed u waħda minna. Id-domanda ta’ Ġesù tfakkarni fid-dgħufija tiegħi u fil-Ħniena tiegħu. Tfakkarni li l-qofol ta’ kull ministeru pastorali huwa l-imħabba: l-imħabba lejn Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, li ħabbna qabel ħabbejnieh aħna, kif ukoll l-imħabba lejn kull membru tal-merħla tiegħu.

‘Iva Mulej, inti taf li nħobbok.’
Inti tafni. Inti taf dnubieti u l-waqgħat tiegħi. Inti taf lil qalbi, lil ruħi. Inti taf il-ġewwieni tiegħi. Inti taf li mingħajrek ma jien xejn u ma nista’ nagħmel xejn. Inti taf. U għaliex taf u minkejja dak li taf, inti tafdani u qiegħed tafdali l-merħla għażiża tiegħek, il-merħla li inti fdejt bid-demm għażiż tiegħek. “Irgħa l-ħrief u n-nagħaġ tiegħi.” Li tirgħa tfisser li tieħu ħsieb, li tindokra, li titma, li tmantni, li twennes, li tiggwida.

Dan kollu rridu nagħmluh bil-kelma li tqanqal u fuq kollox b’eżempju li jkaxkar. Dan kollu rridu nagħmluh bl-imħabba u bl-ispirtu ta’ ħlewwa ma’ kull membru tal-merħla u, meta meħtieġ, bil-bastun quddiem il-lupu.

Mulej, jiena naf, imma nitolbok tfakkarni dejjem, li l-ħrief u n-nagħaġ mhumiex tiegħi iżda huma tiegħek. Inti qiegħed tafdahomli u jiena rrid nagħti kont tagħhom lilek. Kun miegħi dejjem biex fija jaraw lilek, biex ma nkunx għalihom ta’ tfixkil, iżda nkun għalihom ta’ għajnuna, ta’ kenn, ta’ wens u ta’ ġieħ.

  • U inti qed tieħu ħsieb tkun ta’ dawl u gwida għal ħaddieħor permezz ta’ kliemek, u l-aktar permezz tal-eżempju ta’ ħajtek?
  • Jekk tgħid li tħobb lil Ġesù, qed tieħu ħsieb bl-istess imħabba u kura li wera magħna Hu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, lil dawk il-persuni li Huwa tak f’ħajtek?
  • Min jaf jekk ir-Ragħaj it-Tajjeb hux isejjaħlek biex toħodlu ħsieb ukoll ta’ nagħaġ oħra li għandu fil-merħla kbira tiegħu bi mħabba għaliH kif sejjaħ lil San Leonardu Murialdo? Itlob!

Talba: O Mulej Ragħaj Divin, lit-tfal u liż-żgħażagħ tajthom lil San Leonardu Murialdo bħala ragħaj għaqli u gwida tajba tagħhom, kompli sejjaħ aktar żgħażagħ ġenerużi minn fost il-merħla tiegħek, biex imqanqlin mill-eżempji tal-ħajjiet tal-qaddisin tiegħek, jagħżlu li għall-imħabba tiegħek, jgħixu ħajja ta’ servizz lill-merħla tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-leonardo-murialdo.html

Alternative Reading: http://www.santiebeati.it/dettaglio/32800

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Leonardo_Murialdo

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.